Infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) huma infezzjonijiet li ġeneralment jinxterdu bis-sess: kull tip ta’ sess bħal sess vaġinali, orali u anali. Dawn l-organiżmi (batterji, vajrusis jew parassiti) li jikkawżaw infezzjonijiet trasmessi sesswalment jistgħu jinxterdu minn persuna għal oħra mid-demm, fluwidu tas-semen jew vaġinali u fluwidi oħra tal-ġisem.
Infezzjonijiet trażmessi sesswalment mhux dejjem jikkawżaw is-sintomi. B’hekk jistgħu ma jiġux innutati sakemm isseħħ xi kumplikazzjoni jew xi sieħeb jingħata dijanjożi.
Jekk dawn l-STIs jikkawżaw xi sintomi fl-irġiel, dawn jinkludu:
- Ħruq meta jgħaddu l-urina
- Tnixxija mill-pene
- Selħiet jew ħotob fuq il-parti ġenitali jew fiż-żona rektali
- Ħakk fil-parti ġenitali
- Raxx fiż-żaqq, l-idejn u s-saqajn
- Ħruġ ta’ demm u tnixxijja mill-passaġġ ta’ wara
Jekk l-STIs jikkawżaw is-sintomi fin-nisa, dawn jinkludu:
- Bidla fil-kulur jew riħa jew konsistenza tat-tnixxija vaġinali
- Uġigħ addominali fin-naħa t’isfel
- Uġigħ waqt is-sess
- Dmija bejn il-‘periods’
- Dmija wara s-sess
- Selħiet jew ħotob fuq il-ġenitali
- Raxx fiż-żaqq, l-idejn u s-saqajn
Kull min huwa attiv sesswalment għandu r-riskju għall-espożizzjoni ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment.
Fatturi li jistgħu iżidu dan ir-riskju jinkludu:
- Sess mingħajr protezzjoni bħal f’ każ ta’ sess mingħajr kondoms (inkluż użu inkonsistenti u mhux sew tal-kondoms)
- Kuntatt sesswali ma’ ħafna persuni differenti. Aktar ma jiżdied l-ammont ta’ nies li jkollok kuntatt sesswali magħhom, aktar jiżdied ir-riskju.
- Sess taħt l-influwenza tad-drogi u l-alkoħol, inkluż ‘chemsex’.
- Passat li jinkludi STIs. Li jkun hemm STI qabel jagħmilha aktar faċli għal STI oħra.
Għalkemm ħafna mill-infezzjonijiet trażmessi sesswalment jistgħu jiġu kkurati, jekk ma jkunux trattati fil-ħin jistgħu jkollhom konsegwenzi serji aktar mill-impatt immedjat tal-infezzjoni weħidha. STIs bħall Chlamydia u Gonorrhoea b’ mod komuni jikkawżaw infjammazjoni tat-testikoli(epididymo-orchitis) fl-irġiel u mard inflammatorju tal-pelvi u l-infertilita fin-nisa. Ħafna STIs, partikolarment l-HIV u Syphilis jistaw jiġu trażmessi mill-omm għat-tifel jew tifla waqt it-tqala u t-twelid tat-tarbija. Is-sintomi m’humiex pjaċevoli u jistgħu jikkawżaw uġigħ qawwi, u għandhom kumplikazzjonijiet sistematiċi. HIV, Hepatitis B u Ċ jista’ jkollhom kors agressiv u jistgħu jikkawżaw morbidità tul il-ħajja u mewt. Xi tipi ta’ ‘human papilloma virus’ (HPV) huma kawżi ta’ kanċer ċervikali, tal-pene, anali u orofarinġali.
L-infezzjonijiet trażmessi sesswalment huma ta’ tħassib individwali, soċjali kif ukoll tas-saħħa pubblika. L-ispejjeż soċjali, tas-saħħa u ekonomiċi tagħhom huma sostanzjali u jaffettwaw il-ħajja u l-benesseri tal-individwi, relazzjonijiet, kommunitajiet u soċjetajiet b’impatti sproporzjonat fiż-żgħar, imċaħħda soċjoekonomikament, jew dawk b’livelli għoljin ta’ mġiba tar-riskju u s-sħab tagħhom. Li tifhem in-natura u d-detrimenti ta’ dan il-piż huwa l-ewwel pass biex tartikula l-importanza tagħha pubblikament u għal dawk li jagħmlu r-regoli, u tiġġustifika riżorsi tas-saħħa għall-ġestjoni tagħhom.
L-STIs huma l-aktar mard infettiv magħruf f’ħafna partijiet tad-dinja. Hemm 450 miljuni ta’ każijiet ġodda ta’ STIs li jistgħu jiġu kkurati fl-adulti kull sena. Li tingħata dijanjożi ta’ STI jista’ jkollu effett fiżiku, emozzjonali u psikoloġiku tremend fuq l-individwu. Chlamydia u Gonorrhoea huma l-aktar serji u l-aktar prevedibbli, li jġorru theddid għall-fertilità tan-nisa madwar id-dinja. ‘The World Bank’ stmat li STIs (mingħajr l-HIV) huma t-tieni l-aktar kawżi komuni li ħajja b’saħħitha tintilef f’ mewt relatat mal-maternita’ f’nisa bejn il-15 u l-44 sena.
L-ittestjar għal mard trażmess sesswalment f’’GU Clinic’ huwa rakkomandat qabel kull bidu ta’ relazzjoni sesswali oħra, jew jekk se jkun hemm bidla fis-sieħba jew sieħeb sesswali, jew jekk persuna tinnota xi sintomi li ssemmew aktar il-fuq.
F’Malta rajna żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment matul is-snin u hemm ħafna fatturi differenti li qed iwasslu għal din iż-żieda. Fost dawn insibu ż-żieda ta’ għarfien u żieda fl-ittestjar, iżda wkoll ir-riżultat ta’ bidliet fil-prattiċi sesswali. Il-mod ta’ kif is-soċjeta’ moderna qed tifforma s-sieħba huwa mill-użu tal-medja soċjali, u dan qed jaffettwa id-dinamika tat-trażmissjonijiet sesswali li qed naraw. It-teknoloġija qed twassal għal kumplikazzjonijiet relatati għaliex ħafna mis-sieħba qed ikunu anonimi u b’hekk qed issir diffiċli biex isir kuntatt f’ħafna każi. In-nies mhux qed ikunu jafu s-sieħeb jew sieħba sesswali daqs kemm kienu jkunu jafu qabel; issa jistgħu ikunu jafu dawn l-individwi minn xi ritratt ta’ profil u deskrizzjoni qasira. Ċerti nies iħassru l-profili tagħhom qabel ma’ jkunu jistgħu jiġu kkuntatjati u nfurmati li ġew esposti għal-STI.
‘Counselling’ u ‘Behavioural Interventions’ huma kruċjali għall-prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment. Dawn jinkludu pariri dwar sess aktar sigur, konsultazzjonijiet dwar it-tnaqqis tar-riskju u promozzjoni tal-użu tal-kondom.
Barra minn hekk, ‘counselling’ jista’ jtejjeb l-abbilta’ tan-nies biex jagħrfu s-sintomi tal-STIs u jżidu l-probabbiltà li jfittxu kura jew jinkoraġġixxu sieħeb sesswali biex jagħmel dan.
Informazzjoni dwar ‘GU Clinics’ f’Malta – MDH u Privat
GU Clinic f’Mater Dei Hospital – 25457494/21227981
GU Clinic f’St James Hospital -23291000
GU Clinic f’St Thomas Hospital – 21482482
GU clinic f’Da Vinci Hospital – 21491200
GU clinic f’Persona – 21340366
St Julian’s Pharmacy, St Julian’s – 21369426
Sex Clinic minn Willingness – 79291817
Referenzi
- World Health Organisation. Sexually transmitted infections (STIs) Fact sheet No 110. 3rd August 2016. Available from: http://www.who.int/en/news-room/fact-sheets/detail/sexually-transmitted-infections- (stis); Accessed 11/08/2020.
- Rogstad K. ABC of Sexually Transmitted infections 6th Edition. West Sussex, UK Wiley and Blackwell Publishing Ltd; 2011.
Dr Donia Gamoudi gradwat mill-‘Malta Medical School’ bħala tabiba tal-mediċina u l-operazzjonijiet fl-2011, u aktar tard kompliet it-taħriġ speċjalizzat tagħha fil-Mediċina Ġenitourinarja fl-Isptar tal-Università ta ‘Nottingham NHS Trust’ għal 3 snin oħra.
Hija ipprovdiet korsijiet modulari tal-HIV u STI’s lill-ħafna studenti li qed jistudjaw il-mediċina u professjonisti oħra li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa.