Aħna ta’ Wham staqsejna lill Dr Charmaine Apap fuq Maskne…
F’xogħli qed jiżdiedu ħafna konsultazzjonijiet ma’ pazjenti (nisa u rġiel) li qed jaraw l-akne ħabba l-użu ta’ maskri għal żmien twil. Dan qed jiġri f’nies li qatt ma kienu esperjenzaw l-akne qabel, kif ukoll qed tiggrava s-sitwazzjoni anke f’dawk li kienu diġà suxxettibbli għall-problema.
Tant kemm hawn nies madwar id-dinja li qed ibagħtu minn din il-problema, li nħalqet it-terminoloġija ‘Maskne’. Il-‘Maskne’ hija kkawżata mis-sħana, frizzjoni u okklużjoni li tiżviluppa taħt il-maskra (fil-fatt huwa tip ta’ akne okklussiva msejħa “acne mechanica“). Dan huwa aggravat aktar bl-umdità (permezz ta’ għaraq, nifs u taħdit) u żejt, li huwa mmanifatturat mill-glandoli sebaċea (żejt) li jinsabu fil-ġilda tagħna stess.
X’ Tista’ Tagħmel Biex Tevita Jew Ittejjeb Il-Kundizzjoni?
– Tindif ġentili darbtejn fil-ġurnata
– Moisturiser ħafif u mhux żejtni (fittex “oil-free” jew “non-comedogenic”). Għal dawk li għandhom ġilda partikolarment żejtnija, huwa aktar ideali li tuża ‘moisturiser’ ġel milli krema jew ‘lotion’.
– Prova naqqas l-użu tal-make-up fuq in-naħa t’isfel ta wiċċek u partikolarment evita l-‘foundation’. Jekk dan huwa mportanti ħafna għalik, forsi tista tuża ‘tinted moisturiser’ jew krema ta’ protezzjoni mix-xemx mogħtija lewn ħafif minflok. Dan ifisser li jkollok soluzzjoni ta’ 3-in-1 b’ ‘moisturiser’/sunscreen/make-up ġo prodott wieħed biex tevita saffi żejda ta’ prodotti differenti.
– Żomm ir-rutina tal-ġilda sempliċi kemm tista u evita prodotti li għandhom sustanzi irritanti bħall ‘benzoyl peroxide’, ‘retinols’ (bħall ma ssib fl-‘anti-ageing’/’rejuvenating’ u l-kremi ta’ kontra t-tikmix) u ‘salicylic acid’ (sakemm ma jkunx irrakkomandat mit-tabib).
– L-użu ta’ ‘scrubs’ u ‘peels’ m’huwiex rakkomandat f’dawn iċ-ċirkostanzi.
– Jekk qed tuża maskra tal-qoton għandha tiġi maħsula kuljum (itrattahom bħal ma titratta l-qliezet ta’ taħt). Għal din ir-raġuni huwa rakkomandat li jkollok aktar minn maskra waħda biex dejjem issib lesta maskra nadifa kuljum.
– Għal dawk li qed jużaw is-‘surgical masks’, dawn huma rakkomandati li jintremew wara li jiġu użati u b’hekk m’għandhomx jiġu wżati għal aktar minn ġurnata waħda.
Jekk il-problema tippersisti jew tiggrava minkejja l-użu ta’ dak imniżżel hawn fuq, jista’ jkollok bżonn trattament preskritt għall-akne. F’ dan il-każ tajjeb tkellem tabib jew dermatoloġista għal aktar pariri.
Minkejja dawn il-problemi relatati mal-maskri, l-użu tal-maskri huwa rakkomandat għax bihom inkomplu nipproteġu lil xulxin mit-tixrid tal-COVID-19 u b’hekk nerġgħu nieħdu l-kontroll tas-sitwazzjoni f’idejna fil-komunita’ tagħna.
Dr Charmaine Apap MD MRCP (UK) MRCP (Derm.) PG Cert. Pall. Care (Cardiff) CCST (Derm.) hija speċjalista tad-dermatoloġija rreġistrata. Hija kwalifikat bħala tabiba mill Universita’ ta’ Malta fl-1997 u ingħatat it-taħriġ f’ Malta kif ukoll fir-Renju Unit.
Dr Apap ilha tipprattika d-Dermatoloġija għall-aħħar tlettax-il sena u għandha esperjenza kemm fil-publiku kif ukoll fis-settur privat. Hija titratta l-adulti u t-tfal għal varjeta’ ta’ problemi fil-ġilda.
Wara li rċeviet taħriġ speċifiku f’din is-sezzjoni fl-Ingilterra, hija żviluppat interess speċjali f’ ‘vulval dermatology’, u flimkien mal-kollegi tagħha li jispeċċjalizzaw fil ġinekoloġija, hija ħalqet klinika speċjalizzata msejħa “Vulva Clinic” fl-isptar Mater Dei, li jittrattaw esklużivament din is-sottospeċjalità li sfortunatament spiss tiġi sottovalutata.
Bħalissa Dr Apap qed taħdem esklussivament b’ mod privat.