Share the love

morning after pill escapelle

Pilloli Kontraċettivi t’ Emerġenza x’ Inhuma u Għaliex Jintużaw?

Il-pilloli kontraċettivi t’ emerġenza (ECPs) nafuhom aktar bħala l-Morning After Pills (MAP). Dawn jistgħu jittieħdu kull darba li mara tkun inkwetata li tista tinqabad tqila, bħal f’ każ ta’:

  • Sess mingħajr protezzjoni
  • Żbalji waqt l-użu ta’ kontraċezzjoni bħal meta kondom jintuża b’ mod żbaljat, jew joħroġ jew jitqatta
  • Dewmien fl-użu ta’ pilloli kontraċettivi orali ta’ kuljum jew nuqqas ta’ teħid ta’ dawn il-pilloli
  • Użu skorrett ta’ metodi ta’ fertilita’ bħal f’ każ fejn koppja tinsa tastjeni jew tuża metodi oħra kontraċettivi fi ġranet fertili
  • Ir-raġel jinsa joħroġ il-pene qabel l-eġakulazzjoni
  • Abbuż sesswali
  • Meta mara tibża li l-‘coil’ ma baqgħetx f’ postha

F’ Malta xi koppji għadhom jużaw metodi naturali ta’ l-ippjanar tal-familja bħal ‘withdrawal’ qabel l-eġakulazzjoni min naħa tar-raġel jew kalkolu ta’ l-ovulazzjoni, li joffru biss protezzjoni minima. Il-‘morning after pill’ tagħti t-tieni ċans lil dawn il-koppji. Tkellem mal-ispiżjar tiegħek dwar il-possibilta’ li żżomm pillola d-dar għal meta tiġi bżonn, speċjalment jekk tuża metodi li huma meqjusa ‘riskjużi’, anke minħabba l-fatt li s-suċċess ta’ din il-pillola jiddependi fuq kemm tittieħed malajr wara l-att sesswali kkonċernat.

X’ jisimhom dawn il-pilloli u minn fejn insibhom?

F’ Malta nsibu żewġ tipi ta’ pilloli kontraċettivi t’ emerġenza – dawk li fihom il-levonorgestrel [LNG] jew l-ulipristal acetate; lokalment l-aktar tip popolari huwa dak li fih l-LNG, li ssibhom bl-isem ta’ ESCAPELLE®. [PharmaTrack Malta, Mejju 2020].

Kull mara b’ eta’ ta’ l-fuq minn sittax-il sena tista tixtri dawn il-pilloli kontraċettivi t’ emerġenza wara konsultazzjoni qasira mal-ispiżjar; pazjenti iżgħar huma legalment mitluba jiġu akkumpanjati mnn ġenitur jew kustodju tagħhom. Ħafna spiżeriji u spiżjara jbigħu il-MAP, għalkemm kull spiżjar għandu d-dritt jirrifjuta li jbigħha fuq bażi ta’ kuxjenza.

Il-Pilloli Kontraċettivi t’ Emerġenza li fihom l-LNG (ECPs) huma Sikuri u Effettivi

L-LNG ECP ilhom jintużaw għal aktar minn 40 sena u huma faċilment ittollerati; jistgħu jintużaw minn nisa li għalihom mhux rakkomandat li jieħdu pilloli kontraċettivi ormonali ta’ kuljum, bħal ommijiet li qed ireddgħu (għalkemm hu rakkomandat li treddigħ ma jsirx sa 8 sigħat wara li tittieħed il-pillola).

Il-pilloli li fihom l-LNG jaħdmu billi primarjament jipprevjenu jew itawwlu ż-żmien għall-ovulazzjoni. Ma jaħdmux jekk il-mara tkun diġa tqila.

Wham tkellem ma’ numru ta’ nisa Maltin li diġa għamlu użu mill-MAP u l-maġġoranza rrapportaw li ma kellhom l-ebda ‘side effects’, filwaqt li xi ftit irrapportaw li kellhom ‘period’ iqsar jew itwal mis-soltu. Ħafna minn nisa qalu li lesti jerġgħu jagħmlu użu minn din il-pillola jekk jiġu bżonnha, u sabuha faċli biex jakkwistawha mingħand l-ispiżjar tagħhom wara konsultazzjoni qasira.

“Sfortunatament ma nistax nuża pilloli kontraċettivi ormonali b’ mod kontinwu għax personalment jaffettwawli l-burdata, għalhekk nuża metodi naturali kif ukoll kondoms. Iżda għal xi emerġenza rari ESCAPELLE m’ affetwatnix bl-istess mod” – (Marina, 28 minn Swieqi)

“Qatt ma ħsibt li stajt niġi bżonnha, u fil fatt kont kważi kontriha meta ġiet introdotta l-ewwel darba hawn Malta. Madankollu wara li f’ lejl partikolari r-raġel ma qagħdx attent biżżejjed iddeċidejt li aħjar nużaha għal li jista jkun.” – (Christina, 42 minn Qormi)

Meta għandi neħodhom?

L-iktar kmieni possibbli wara sess bla protezzjoni. Iktar ma l-ECP’s jittieħdu malajr, iktar huwa possibbli biex it-tqala tiġi prevenuta. Ftakar dejjem li l-ECPs ma jipproteġukx kontra infezzjonijiet jew mard trażmess sesswalment. Kondoms biss joffru protezzjoni għal dawn.

Vantaġġi oħra

L-ECPs joffru ċans ieħor biex bih tipprova tipprevjeni tqala mhux ippjanata, kif ukoll jagħtu ċans lill-mara biex tagħmel dan wara sess kontra r-rieda tagħha jew fejn ma ngħatatx iċ-ċans għal protezzjoni b’ kontraċezzjoni. Il-pilloli bl-LNG jistgħu jintużaw minn nisa ta’ kull eta’ inklużi adolexxenti, u aktar minn darba f’ ċiklu wieħed fejn neċessarju. Ma jikkawżawx abort – ma jipprevenux l-implantazzjoni tal-embrijun u ma jinterferux ma embrijun li jkun diġa ġie implantat. Ma jikkawżawx difetti fit-tarbija jekk it-tqala sseħħ xorta. Mhumiex perikolużi għas-saħħa tal-mara. Ma jżidux problemi ta’ mġieba riskjuża sesswali, u ma jikkawżawx problemi t’ infertilita’ fil-mara.

Ċertu nisa jħossuhom skomdi jistaqsu għal ‘Morning After Pill’ quddiem klijenti oħra fl-ispiżerija lokali tagħhom. Aħna ta’ Wham għoġbitna ħafna l-idea ta’ qarrejja tagħna li tnewwel karta b’ kitba bit-talba tagħha għal Morning After Pill lill-ispiżjar daqs li kieku qed tagħhti xi preskrizzjoni tat-tabib. Din il-qarrejja partikolari qaltilna li…

“meta l-ispiżjar qara dak li kont ktibt fuq il-karta għamilli sinjal biex inwarrab ftit minn ħdejn il-klijenti l-oħra, staqsieni żewġ domandi u wara rrakkomandali biex nieħu ESCAPELLE”.

Aħna ta’ ‘Wham’ nixtiequ nisimgħu mingħandek jekk l-ispiżjar tal-lokalita’ tiegħek ibigħ ESCAPELLE; tista wkoll tiċċekkja dan inti stess billi tniżżel l-isem tal-lokalita’ tiegħek fuq l-app t’ hawn isfel u tara lista ta’ spiżeriji fil-qrib tiegħek: https://escapelle.com/how-to-get-escapelle/pharmacy-finder/


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *