Il-batterja vaġinali hija nfezzjoni kkawżata minn żbilanċ fil-mikrobijome vaġinali; kawża komuni ta’ ‘discharge’ vaġinali b’ riħa xejn pjaċevoli, b’konsistenza u kulur differenti mis-soltu, evidenti speċjalment wara s-sess. Madankollu, madwar 50% tan-nisa b’batterja vaġinali ma jesperjenzawx sintomi. Similarjament, din l-infezzjoni ġeneralment ma tikkawżax ħakk jew uġiegħ.
Il-Batterja Vaġinali m’hijiex infezzjoni trażmessa mis-sess (STI) minnha nifisha, imma tista’ żżid iċ-ċans li tikkawża varjeta’ ta’ STI’s bħall-HIV, ‘herpes simplex virus’, klamidja, jew ‘gonorrhea’, kif ukoll tista’ twassal għal problemi relatati mal-fertilita’.
Għalkemm il-Batterja Vaġinali hija kemmxejn komuni, għad m’hemmx kawża magħrufa tagħha. Madankollu, studju riċenti mill-Universita’ ta’ Illinois f’Chicago ippublikat fil-ġurnal imsejjaħ Frontiers in Cellular and Infection Microbiology, jissuġerixxi li batterja fil-mikrobijome fil-pene tar-raġel tista’ tikkawża Batterja Vaġinali fin-nisa, kif ukoll tikkonferma ċ-ċans li mara tista’ jew ma tistax tiżviluppaha.
Dan l-istudju seħħ fuq 168 koppja eterosesswali mill-Kenja, fejn fil-fażi inizzjali ta’ l-istudju kien ġie determinat li l-ebda parteċipanta feminili ma kellha l-Batterja Vaġinali. Madankollu, matul iż-żmien ta’ dan l-istudju, kien hemm il-fuq minn 31% mara li nstabitilha l-infezzjoni. Il-mikrobijome tal-pene tal-irġiel tagħhom ġew ikkumparati ma dawk li kellhom in-nisa tagħhom li nstabitilhom l-infezzjoni wkoll, u b’ hekk ġie determinat li kien hemm kompożizzjoni mikrobijota preżenti. Barra minn hekk, ġiet innutata batterja relatata mal-10 BV, li tista’ tissuġġerixxi b’mod ċar kif tiġi kkawżata l-infezzjoni fin-nisa.
Għalkemm hemm bżonn aktar evidenza biex tiġi determinata r-raġuni għala mikrobijota tal-pene tista’ tikkawża l-Batterja Vaġinali, dan l-istudju jindika li waqt l-att sesswali, batterja mill-mikrobijome tal-pene tiġi trasferita fil-vaġina, u din tikkawża l-Batterja Vaġinali. Addizzjonalment, il-batterja mill-mikrobijome tal-pene tħawwad il-bilanċ naturali tal-mikrobijome vaġinali waqt is-sess, li eventwalment iwassal għall-Batterja Vaġinali.
Fatti fuq il-Batterja Vaġinali
- Għandek aktar ċans li tieħu l-BV jekk inti attiva sesswalment, biddilt il-‘partner’, għandek IUD, jew tuża prodotti tal-fwieħa viċin iż-żona vaġinali tiegħek.
- Il-BV tista’ tiġi trasferita mis-sess anke bejn mara u oħra
- Jekk għandek il-BV għandek aktar ċans li tiżviluppa STI’s minħabba li l-BV tbiddillek l-aċidita’ tal-vaġina, filwaqt li tnaqqas id-difensi naturali tal-ġisem.
- Il-BV waqt it-tqala tista’ żżid iċ-ċans ta’ kumplikazzjonijiet bħal korriment jew twelid kmieni. B’hekk huwa mportanti li titkellem mal-GP tiegħek jekk il-kulur u l-konsistenza tad-‘discharge’ vaġinali tiegħek jinbidel, sabiex tkun ċerta li m’huwiex każ ta’ BV.
Kif tista’ ttaffi s-Sintomi tal-Batterja Vaġinali
- Uża sapuna normali u ilma biex taħsel iż-żona ġenitali (tużax sapun ‘antiseptic’ lanqas)
- Ħu xawer minflok banju biex tevita ħasil f’ilma mimli sapun b’ riħa tfuħ
- Evita prodotti jfuħu viċin iż-żona ġenitali
- Aħsel il-qliezet ta’ taħt b’deterġenti ġentili
Trattament għall-Batterja Vaġinali
Trattament għall-Batterja Vaġinali ġeneralment jinkludi pilloli antibijotiċi, ġels jew kremi, li jistgħu jiġu preskritti minn tabib/a, ġinekoloġista jew il-GU Clinic.
Idealment, it-trattament jiġi applikat liż-żewġ ‘partners’, anke fil-kas ta’ ‘partners’ tal-istess sess.
Il-Batterja Vaġinali tista’ tkun infezzjoni rikurrenti. F’dan il-każ jista’ jkun hemm bżonn ta’ trattament aktar fit-tul, li wkoll jista’ jiġi preskritt mit-tabib/a tiegħek, ġinekoloġista jew il-GU Clinic. Dawn il-professjonisti jistgħu jgħinuk tidentifika r-raġuni wara l-infezzjoni rikurrenti tal-BV.
Fl-istudju li semmejna aktar kmieni, ir-riċerkaturi nnutaw li trattament antibijotiku tal-Batterja Vaġinali kellu suċċess limitat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kura fit-tul, li huwa evidenti f’50% jew nisa li qed jesperjenzaw rikorrenza tal-infezzjoni fi ftit xhur. Dan jindika l-bżonn ta’ aktar riċerka biex jiġi maħluq trattament aktar effiċjenti.
Għalkemm il-Batterja Vaġinali taffettwa n-nisa b’mod dirett, strateġija aħjar biex titnaqqas l-okkorenza ta’ din l-infezzjoni tista’ tkun li jiġu nklużi ‘partners’ maskili fil-konverżazzjonijiet tal-BV biex jiżdiedu u jitjiebu l-għażliet u l-opportunitajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva fin-nisa, kif ukoll titnaqqas l-istigma relatata mal-BV.
Kif tiġi ttestjat għall Batterja Vaġinali
It-tabib/a jew ġinekoloġista tiegħek tista’ tgħinek tidentifika l-Batterja Vaġinali mis-sintomi li qed terperjenza, filwaqt li tneħħi l-possibilita’ ta’ STI. Madankollu, Klinika tal-GU toffri servizz ta’ konsultazzjoni b’xejn u b’ mod kunfidenzjali. Għal aktar informazzjoni jew jekk tixtieq tagħmel appuntament f’ ‘Sexual Health Clinic‘, tista’ ċċempel fuq 21227981 jew 22987115.
Referenzi:
Mehta, Supriya D, Zhao, Dan, Green, Stefan J, Agingu, Walter, Otieno, Fredrick, Bhaumik, Runa, . . . Bailey, Robert C. (2020). The Microbiome Composition of a Man’s Penis Predicts Incident Bacterial Vaginosis in His Female Sex Partner With High Accuracy. Frontiers in Cellular and Infection Microbiology, 10, Frontiers in cellular and infection microbiology, 2020-08-04, Vol.10. Accessed on 24th September 2020 at https://www.frontiersin.org/articles/10.3389/fcimb.2020.00433/full
NHS, 2018. Bacterial Vaginosis. Accessed on 24th September 2020 at https://www.nhs.uk/conditions/bacterial-vaginosis/
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn