Share the love

dekriminalizzazzjoni tal-abort

Bħalkom trabbejt Malta u kont kontra dekriminalizzazzjoni tal-abort. Għadni niftakar meta kont ngħix Londra lejn l-aħħar tas-snin 80 u ltqajt ma’ ħabiba ta’ ħabiba tiegħi li qalet li kienet għamlet abort. Kont ħassejtni xxukkjata, ma stajtx nifhem kif xi ħadd jista’ jasal joqtol it-tarbija tiegħu stess.

Niftakar li kont nara dibattiti fuq programmi televiżivi Ingliżi dwar iż-żmien li fih hu kkunsidrat li jista’ jsir abort; kienu jiddibattu jekk l-abort għandux ikun legali sa 12 il ġimgħa jew aktar. Dan ukoll kien xokkanti għalija; għalija ħajja fil-ġuf kienet tarbija sa mill-ewwel ġurnata tat-tqala. Għalija qatt ma kellu  jkun hemm diskussjoni fuq in-numru ta’ ġimgħat. L-abort kien il-qtil ta’ tarbija u xejn aktar. Dan sakemm kbirt u bdejt nisma’.

Bdejt nisma’ lill-ħbiebi fiżjoterapisti Maltin li dak iż-żmien kienu jaħdmu St. Luke’s, fejn qaluli dwar it-tbatijiet ta’ trabi li twieldu b’kundizzjonijiet ta’ saħħa terribbli li mbagħad mietu wara ftit ġimgħat ta’ ħajja bi tbatija kbira.

Smajt lil Father Serracino Inglott fuq it-televiżjoni jgħid xi jfisser li tkun bniedem u persuna.

Smajt lil ħabibti meta qaltli li kienet għamlet abort għax kellha 3 subien u saret taf li hi tqila meta kienu għadhom kemm qalulha li għandha kanċer. Beżgħet li ma tlaħħaqx ma’ erbat’ itfal u l-kimoterapija. Illum il-ġurnata nara x’itellgħu uliedha fuq Facebook: uliedha li huma favur il-ħajja u ma jafux li ommhom stess għamlet abort.

Smajt lil ħabibti li saret taf li kienet tqila b’tarbija li kellha difetti severi fil-moħħ u fir-ras (anencephaly) u kellha tibqa’ ġġorr it-tarbija tagħha. Sadanittant kienet tiġi mistoqsija meta kienet se twelled, jekk kinitx taf hux tifel jew tifla, meta kienet taf li t-tarbija tagħha ma setgħetx tgħix! Kienet tixtieq li kellha l-flus biex tmur l-Ingilterra u ttemm il-ħajja tat-tarbija li hi u żewġha tant xtaqu li sfortunatament ma setgħetx issalva, u li tkun tista’ tagħmel dan f’ambjent uman fejn in-nisa jiġu mħarsa u jingħataw l-attenzjoni kollha meħtieġa.

Jien ukoll kont kontra id- dekriminalizzazzjoni tal-abort sakemm smajt dwar bint il-ħabiba tiegħi li ta’ 19 -il sena marret Amsterdam biex tagħmel abort mingħajr ma qalet lill-ġenituri tagħha. Kienet qed tistudja l-Universita’ u ma riditx tbiddel l-istil ta’ ħajjitha, ma kinitx lesta ssir omm. Il-ġenituri tagħha għadhom favur il-ħajja u nara x’itellgħu fuq Facebook ukoll.

Kont kontra d- dekriminalizzazzjoni tal-abort sakemm smajt l-istorja ta’ ħabibti Irlandiża li hi tabiba u li wara li għaddiet minn diversi proċeduri tal-IVF saret taf li kienet qed iġġorr tarbija b’diversi anomaliji fatali, li tant kienu severi li anke għaliha kienu ta’ ħsara. Flimkien ma’ żewgħa kellha tmur l-Ingilterra biex ittemm it-tqala li tant xtaqu. It-tarbija ingħatat injezzjoni biex tiġi mwielda rieqda u bla tbatija. B’hekk setgħu iżommu t-tarbija f’dirgħajhom u jżommuha ftit fil-“cuddle cot” li pprovditilhom il-majjistra fl-isptar. Sfortunatament, kellhom jieħdu lit-tarbija lura l-Irlanda f’kaxxa taż-żraben għax fl-Irlanda bħal f’Malta ma setgħux itemmu l-ħajja tat-tarbija tagħhom dak iż-żmien. Wara qalu lill-ġenituri u dawn xtaqu li kienu jafu qabel biex b’hekk kienu jkunu jistgħu jagħtu l-appoġġ u s-sapport tagħhom lil binthom.

Il-ġimgħa l-oħra smajt omm ta’ mara li għad għandha madwar 30 sena li ċemplitli biex tgħidli li bintha kienet għadha kemm saret taf li hi tqila u li kienet inkwetata għax bintha kienet qed tikkontempla suwiċidju. Qaltli li kienet lesta tgħin lil bintha biex iżżomm it-tarbija imma bintha ma kinitx lesta tkompli bit-tqala tagħha: “Jien ma naqbilx mal-abort, imma qed tgħidli li se tagħmel suwiċidju. Vera ninsab inkwetata u ma nafx fejn se nagħti rasi, hawn xi tabib f’Malta li għandu l-pirmli?” Dawk kienu eżatt kliemha.

Smajt lil ħabibti li qaltli li wara li korriet ħassitha tieħu r-ruħ: “Jekk ma tgħaddix minnha ma tistax tifhem l-istress li kont inħoss inġorr tqala li ma xtaqtx f’dan il pajjiż.”

Smajt lin-nisa li taw fuq l-istonku tagħhom bil-ponn, xorbu l-Vodka u għamlu aktar affarijiet koroh biex jippruvaw ikorru – kien hemm min irnexxielu u min le.

Smajt lil dik il-mara li kienet imrobbija f’istitut, li kienet ġiet abbużata hemm ukoll. Din kienet għamlet abort u tant ġiet imgiegħla tħossha ħatja li meta reġghet ġiet abbużata mill-partner tagħha ma felħitx terġa’ tgħaddi minn abort ieħor. Kompliet it-tqala tagħha u welldet. Ippruvat trabbi lit-tarbija waħedha għaliex il-partner abbużiv kien telaqha, imma biex tlaħħaq max-xogħol u tieħu ħsieb it-tarbija waħedha spiċċat b’dipressjoni u kellhom joħdulha t-tarbija biex irabbiha ħaddiehor.

Sal-bieraħ stess iltqajt ma storja ta’ mara li kienet għamlet abort ta’ 15 il sena u mbad kellha aktar tfal imma ma kellhiex flus biex titmagħhom – tistgħu taqraw fuqha jekk tagħfsu hawn.

Smajt u ftaħt qalbi għal ħafna realitajiet tal-ħajja u dan għeni nikber u nibdel fehmti. Ma rrid nara l-ebda mara tgħaddi minn dan kollu biex imbagħad tirriskja li teħel il-ħabs ukoll. Ma nafx lil Marlene Farrugia x’ġiegħlha tbiddel fehemtha dwar id- dekriminalizzazzjoni tal-abort pero’ nispera li dan għamlitu għax semgħet ukoll u waslet biex tifhem ir-raġunijiet kollha li għalihom il-persuni differenti għandhom bżonn l-abort u li l-legalizzazzjoni tal-abort hija parti mportanti fis-sistema tas-saħħa.

L-abort mhux se jieqaf iseħħ billi l-politikanti ma jiddiskutux is-suġġett. Jekk iwaqqfu d-diskussjonijiet ikollna prova oħra li n-nisa kif ukoll koppji li jistgħu isiru ġenituri ma jingħatawx valur u ma jiġux mismugħa f’dan il-pajjiż. Uħud minnhom ikunu diġa għaddew minn tbatijiet kbar, kif ukoll proċeduri twal ta’ IVF li jiswew ħafna flus, biex imbagħad isiru jafu dwar pronjosi koroh u ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn. Din tkun prova li l-politikanti favur il-ħajja, mhux verament il-ħajja qegħdin jipproteġu imma il-“valuri” morali personali tagħhom u biex jirbħu ftit voti minn nies oħra li ma jimpurtahomx biżżejjed biex jippruvaw jisimgħu.


Share the love