X’jigi f’moħħok meta taħseb fuq il-bizzilla Maltija? Forsi kont tara lil bużnanna tiegħek taħdem il-bizzilla meta kont tifel jew tifla, forsi tisma’ stejjer dwar minn fejn ġew it-tvalji l-iktar apprezzati ta’ ommok, memorji ta’ min ifassal id-disinji f’Għawdex li jbigħu l-prodotti tal-bizzilla tagħhom jew ritratti ta’ rjali Ingliżi lebsin il-bizzilla tagħna. Għalkemm it-tfassil tal-bizzilla qiegħed ftit ftit jgħib fl-istorja kulturali tagħna, aħna lkoll għandna xi storja jew xi esperjenza relatata.
Is-servizz SOAR tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide nieda proġett fl-aħħar tal-2019 imsejjaħ A Stitch in Time, biex jiġbor in-nisa, speċjalment nisa li affaċċjaw ċirkostanzi diffiċli tal-ħajja bħal faqar, dipressjoni u vjolenza domestika. B’kollaborazzjoni ma’ Ħajja, intrapriża soċjali mmexxija minn Bibiche Rath, saru sessjonijiet ta’ kull ġimgħa fejn il-parteċipanti ta’ dan il-proġett tgħallmu ponti ġodda tal-bizzilla biċ-ċombini, iddokumentaw il-progress tagħhom, irrakkontaw l-istejjer u l-memorji tagħhom tal-bizzilla, iċċajtaw u daħku, kif ukoll tgħallmu dwar l-istorja kulturali wara l-istorja tal-bizzilla. Kull sessjoni pprovdiet spazju sigur biex isir skambju bbilanċjat: rakkontar ta’ esperjenzi u tagħlim, b’ mumenti ta’ silenzju li jinkiser biss bil-ħoss taċ-ċombini jħabbtu ma xulxin waqt li jiġu maħduma.
Il-bizzilla tista’ tgħallmek ħafna dwar il-ħajja u dwarek innifsek.
Il-bizzilla tippruvak biex tara kif inti tittratta lilek innifsek meta tagħmel xi żbalji.
Tippruvalek il-paċenzja tiegħek billi turik fejn kien il-punt ħażin tiegħek 20 minuta u 2 ringieli wara.
Dan jgħallmek il-perseveranza u kif ukoll kif għandek taddatta ruħek ma’ sitwazzjonijiet mhux mistennija, hekk kif tħabbat wiċċek mal-għażla li jew tħalli l-iżball fil-bizzilla bħala difett permanenti u tfakkar li l-biċċa tiegħek hija difettuża imma oriġinali, jew li tħoll ix-xogħol, tifhem x’għamilt ħażin u terġa’ tibda taħdem mil-ġdid. Dan jgħinek, għaliex għalkemm tħossok frustrata li tkun għamilt żball u li għandek bżonn tħoll ringieli ta’ xogħol, titgħallem ma’ tkunx iebsa mieġħek innifsek, u tagħraf li int uman, u l-bnedmin jiżbaljaw. Li tiżbalja hija parti mill-ħajja li minnha nitgħallmu lezzjonijiet importanti.
Fl-aħħar, il-bizzilla toħloq fik dak is-sens ta’ kisba kif ukoll sens ta’ apprezzament għax-xogħol iebes u prezzjuż li jidħol f’ kull parti żgħira ta’ bizzilla li inti u oħrajn tkunu għamiltu.
Il-bizzilla (u l-ħbiberija) huma tassew imprezzabbli.
Meta l-pandemija Covid-19 laqtet lill-gżejjer tagħna, il-proġett ġie mhedded minhabba l-lockdown. Il-grupp ma setax jibqa jiltaqa’ kull nhar ta’ Tnejn biex jaħdem aktar bizzilla minħabba r-riskju ta’ infezzjoni. Għalhekk SOAR ġie affaċċjat bil-possibbiltà li jkollu jtemm il-proġett xahrejn biss wara li beda.
Hekk kif kulħadd sab ruħu iżolat, kulħadd xtaq isib soluzzjoni mill-bogħod biex iżomm il-kuntatt mal-parteċipanti l-oħra. Malajr instab mod biex il-proġett ikompli permezz ta’ lezzjonijiet irrekordjati, tnedija tal-grupp fuq whatsapp, kif ukoll permezz tal-programm Zoom. Il-parteċipanti kollha kellhom smartphone li permezz tiegħu kulħadd seta’ jipparteċipa f’ vidjo fuq Zoom.
Arts Council Malta fehem u appoġġja kompletament il-bidliet neċessarji fil-baġit biex jakkomoda dan kollu. Ghalhekk inxtara apparat apposta biex ikun jista jintuża l-ismartphone waqt il-proġett, u dan ġei pprovdut lill-parteċipanti kollha inkluża l-għalliema, biex ikollhom idejhom liberi ħalli jaħdmu l-bizzilla waqt li jkunu qegħdin jitkellmu u jsegwu lill-għalliema fuq Zoom. Uħud mill-parteċipanti kellhom bżonn ukoll xi ftit għajnuna dwar it-tniżżil u l-użu ta’ Whatsapp u Zoom.
L-għalliema qatt ma kienet għamlet lezzjonijiet virtwali bil-vidjo jew użat Zoom fi grupp, għalhekk dan kien proċess ġdid għaliha. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti ma kellhomx il-materjali li kellhom bżonn bħall-ħjut, ċombini żejda, trajbu, labar tar-ras u disinji biex jagħmlu ponti ġodda. Bibiche minn Ħajja ppreparat Bizzilla Boxes speċjali bil-provvisti kollha meħtieġa, kejlet ħjut differenti għal ponti differenti u organizzathom b’ kodiċi tal-kulur. Imbagħad għamlet konsenji personalment madwar Malta biex twassalhom lill-parteċipanti!
L-isfidi kienu ħafna, iżda flimkien dawn intgħelbu. Il-ħeġġa tal-parteċipanti biex il-proġett jitkompla għamlet dan possibbli. Is-sessjonijiet oriġinarjament kienu maħsuba biex jiġbru lin-nisa, biex jippromwovu saħħa mentali tajba u biex jiġġieldu l-esklużjoni soċjali – dawk l-għanijiet qatt ma kienu aktar sinifikanti minn meta spiċċajna f’nofs ta’ pandemija globali.
Il-moniteraġġ tal-proġett Arts Council Malta tana feedback tajjeb ħafna, u użawh bħala eżempju ta’ prattika eċċezzjonali. Is-Sinjura Annalisa Schembri kkummentat dwar “il-mod inteliġenti li bih il-proġett ġie addattat fi programm onlajn minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid”.
Żminijiet diffiċli u impenjattivi juru s-sinifikat li naħdmu flimkien u nkunu innovattivi. Ma kien xejn għajr ir-reżiljenza tan-nisa li ġabu inġenji storiċi, artistiċi, u kulturali biex jilħqu t-teknoloġija moderna ta’kuljum.
Dan il-proġett kien appoġġjat mill President’s Award for Creativity u mill – Arts Council, Malta.