Anorgażmija hija l-kelma relatata mal-inabbilta’ li tilħaq l-orgażmu waqt is-sess jew stimulazzjoni sesswali. Xi kultant nużaw il-frazi “ma rnexxielix niġi” jew “ma naħsibx li orgażmajt” wara attivita’ sesswali mas-sieħeb jew sieħba tagħna.
Fl-esperjenza klinika tiegħi, in-nisa jesperjenzaw distress meta ma jorgażmawx minħabba l-biża’ li għandhom xi ħaġa ħażina jew li ġisimhom ma jkunx qed jiffunzjona sew.
Madankollu, studju riċenti jindika li fil-maġġoranza tal-każi ta’ anorgażmija, il-problema ma tkunx waħda bijoloġika. Dan l-istudju jindika li r-raġunijiet li persuna ma torgażmax huma varji u jistgħu jinkludu stress u ansjeta’, nuqqas ta’ ħin allokat għal pjaċir waqt is-sess, mistħija u problemi relatati ma ‘body image’, nuqqas ta’ tqanqil sesswali u lubrikazzjoni, effetti mediċinali, uġiegħ u trawma sesswali mill-passat. Ħafna minn nisa jitolbu l-għajnuna meta jaraw li n-nuqqas t’abbilta’ biex jorgażmaw tibda’ tikkawża problemi fir-relazzjonijiet tagħhom. Id-diffikultajiet fir-relazzjoni jistgħu ikunu l-kawżi primarji ta’ din il-problema. Per eżempju, nuqqas ta’ fiduċja, infedelta’, u nuqqas ta’ komunikazzjoni jistgħu iwasslu biex mara żżomm lura u ma tkunx vulnerabbli waqt is-sess. Dan iwassal għal punt fejn il-mara ma tintelaqx kompletament u għalhekk ma tħallix lilha nnifisha tesperjenza gost sesswali u konnessjoni mal-partner.
Huwa mportanti hafna li nifhmu li n-nisa għandhom bżonn stimulazzjoni tal-klitoris biex jorgażmaw. Fl-irġiel, ir-ras tal-pene fiha l-akbar ammont ta’ nervituri li waqt ‘intercourse’ jiġu stimulati. Sakemm ma jkunx hemm disfunzjoni erettili, l-irġiel kapaċi jesperjenzaw orgażmu mingħajr problemi. Minn naħa l-oħra il-maġġoranza tan-nervituri li jwasslu għall-orgażmu fin-nisa jinsabu fil-klitoris u mhux fil-vaġina. Din il-parti nteressanti fl-anatomija tal-mara tinsab ftit il-fuq mill-fetħa tal-vaġina, protetta mill-labia jew l-hekk imsejħa ‘xufftejn vaġinali’. Ix-‘xogħol’ tal-klitoris huwa biex jagħti pjaċir l-mara. Jekk ma jkunx hemn stimulazzjoni diretta tal-klitoris il mara ssibha diffiċli biex torgażma. Masturbazzjoni tal-parti femminili u sess orali joffru aktar stimulazzjoni tal-klitoris minn ‘intercourse’ u dan iwassal għal ċans ikbar ta’ orgażmu. Żieda fl-intimita’ sesswali u konnessjoni permezz ta’ bews, tgħanniq u massaġġi jgħinu wkoll.
Sfortunatament il-pornografija tpinġi l-orgażmu femminili waqt sess eterosesswali b’mod differenti u l-fok ħafna drabi hu fuq ‘intercourse’ u orgażmu iktar milli fuq pjacir reċiproku u konnesjoni. Nemmen li huwa mportanti li ngħallmu lil partners tagħna, ikun xi jkun il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, kif intejbu l-intimita’ sesswali tagħna, u għalhekk huwa mportanti ħafna li nkunu nafu l-ġisimna sew u dak li jogħġobna jew idejjaqna waqt is-sess.
“X’aktarx li ffalsifikajt orgażmu aktar milli esperjenzajtu realment. Kultant l-għajja tirbaħ. Kultant taparsi wasalt għax ikolli dahri juġagħni u nkun xbajt. L-irġiel għandhom din l-idea li jekk ma torgażmax ma tkunx lesta…jiffukaw fuq ir-riżultat… L-orgażmu mhuwiex l-att finali tas-sess…l-importanti huwa l-vjaġġ” – Margaret Cho.
Esperjenzajt anorgażmija wkoll? Tista’ taqsam l-esperjenza tiegħek magħna b’mod anonimu…ikkuntattjana billi tibgħatilna imejl fuq [email protected]
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn