‘Baby Loss Awareness Week’ huwa avveniment annwali li jfakkar lil dawk it-trabi li tilfu ħajjithom waqt it-tqala jew eżatt wara t-twelid. Dan l-avveniment jinkludi l-ommijiet, il-‘partners’, il-membri tal-familja u l-ħbieb.
Matul din il-ġimgħa, aktar minn 90 grupp ta’ karita’ jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti li jaffaċċjaw dawk l-individwi li jkunu tilfu tarbija, bl-għan aħħari jkun biex jgħinhom iħossuhom inqas iżolati u weħidhom.
Jekk inti tlift tarbija jew ġejt mogħtija l-aħbar li qed tistenna l-mewta, nissimpatizzaw miegħek f’dan il-mument diffiċli. Hawn taħt għandek issib xi servizzi li tista’ tagħmel użu minnhom, kif ukoll xi affarijiet li tista’ tagħmel biex tfakkar it-tifkira ta’ l-anġlu żgħir tiegħek, speċjalment waqt il-‘Baby Loss Awareness Week’.
‘Bereavement and Support’
Jekk qiegħdha taffaċċja u tipprova taċċetta l-mewta tat-tarbija tiegħek jeħtieġ li jkollok l-aħjar sapport possibbli. L-impatt emozzjonali ta’ din it-telfa tista’ tiġi esperjenzata immedjatament kif ukoll wara ammont ta’ ġimgħat. Sintomi emozzjonali u fiżiċi jistgħu jinkludu nuqqas t’aptit, għajja qawwija, nuqqas ta’ rqad, sensazzjoni ta’ ħtija, xokk, dwejjaq u anke nervi. Jekk qiegħdha tesperjenza xi ħaġa minn dawn tista’ tikkuntattja lil-‘Practice Midwife (Bereavement & Support)’ fl-Isptar Mater Dei fuq 25454442 għall-pariri u s-sapport kollu neċessarju.
Sapport ‘Peer-to-Peer’
‘Miscarriages Malta’ huwa grupp ta’ sapport ‘peer to peer’ immexxi minn Martina Maria Hili, li joffri sapport għal dawk li qed jesperjenzaw jew qed jaffaċċjaw korriment; sapport għal dawk li qed jippruvaw biex iġibu t-tfal fid-dinja wara korriment jew li bħalissa jinsabu tqal wara korriment, kif ukoll sapport għall-irġiel, ‘partners’, familjari jew ħbieb ta’ dawk in-nisa li għaddew minn korriment, biex ikunu nfurmati, kif ukoll biex isibu komfort f’xulxin.
Żigarelli Roża u Blu
Din l-idea tista’ tiġi implimentata waqt il-‘Baby Loss Awareness Week’ minn familjari li qiegħdin jibku t-telfa ta’ tarbija kif ukoll minn dawk kollha li jixtiequ juru s-sapport tagħhom lil kull min tilef tarbija.
Sa mill-ewwel inawgurazzjoni tal-‘Baby Loss Awareness Week’ li seħħet fl-2002, iż-żigarelli roża u blu bdew jintużaw bħala sinjal ta’ sapport lil dawk it-trabi u l-familji tagħhom. Dan tista’ tagħmlu billi tixtri żigarelli roża u blu u twaħħalhom fejn jidhru bħala sinjal ta’ sapport jew biex tfakkar lill dawk l-anġli żgħar li tilfu ħajjithom. Tista wkoll tipprintja mudelli taż-żigarelli minn fuq https://babyloss-awareness.org/wp-content/uploads/2019/08/BLAW-Ribbon-Template.pdf.
Wave of Light
‘Baby Loss Awareness Week’ jilħaq il-quċċata tiegħu fil-15 t’Ottubru, meta jseħħ l-avveniment magħruf madwar id-dinja kollha imsejjaħ ‘Wave of Light’. Familji u individwi madwar id-dinja huma inkoraġġuti jixegħlu xema fis-7 ta’ filgħaxija fil-ħin lokali u jħalluha tixgħel mill-inqas siegħa, biex ifakkru dawk it-trabi li saru anġli kmieni.
Din is-sena ser iseħħ ukoll ‘Wave of Light’ virtwali, fejn inti tista’ tiġbed ritratt tax-xema tiegħek u ttellgħu fuq Facebook, Twitter jew Instagram bil-‘hashtag’ #WaveOfLight, fis-7 ta’ filgħaxija, ħin lokali.
Aqsam Magħna L-Istorja Tiegħek
Kull storja hija mportanti. Meta taqsam l-esperjenza tiegħek ma tkunx qed tgħin biss għall-fejqan emozzjonali tiegħek, iżda wkoll lil dawk li jkunu qed jgħaddu mill-istess esperjenza. Jekk inti esperjenzajt telfa ta’ tarbija bħala ġenitur, nannu jew nanna, aħwa, professjonist tal-kura tas-saħħa jew bħala ħabib jew ħabiba, nistednuk taqsam l-istorja tiegħek mal-qarrejja ta’ Wham billi tibgħatilna l-esperjenza tiegħek fuq [email protected].
Referenzi
SANDS. (2020). Baby Loss Awareness Week. Accessed on 8th October 2020 at https://babyloss-awareness.org/
Claire Galea hija omm ta’ tlieta li bħalissa qed issegwi Degree fin-Nursing fil-Faculty of Health Sciences, fl-Universita’ ta’ Malta, bħala studenta matura. Hija ħerqana ħafna dwar l-edukazzjoni pubblika rigward suġġetti relatati mas-saħħa kif ukoll fuq il-kura ħolistika tal-pazjent.
Hi tħobb ukoll toħloq għarfien dwar l-impatt negattiv li tħalli l-vjolenza domestika fuq is-saħħa mentali, emozzjonali, soċjali u fiżika tal-vittmi.
Għal aktar informazzjoni dwar Claire kif ukoll għal lista ta’ artikli miktuba minnha agħfas hawn