Share the love

Bħala studenta matura f’kors tal-infermiera fl-Universita’ ta’ Malta, riċentament kelli l-privileġġ nattendi ‘lecture’ li ppreżentat Dr. Corinne Ward. Niftakarni attenta nisma’ dak kollu li kienet qed tgħid waqt li bdejt nammira s-saħħa, id-determinazzjoni u l-kuraġġ li din il-mara kellha, kif ukoll it-tibdil pożittiv kollu li kkontribwixxiet fih fil-professjoni tal-infermiera tul is-snin. Niftakarni nesperjenza x-xewqa li nimxi fuq il-passi tagħha ħalli jien ukoll fil-futur inkun kapaċi nikkontribwixxi bl-istess mod pożittiv fis-soċjeta’ tagħna, bit-tama ewlenija tkun: dinja aħjar.

Għalhekk illum inħossni kburija nippreżentalkom lil Dr Corinne Ward li ġentilment aċċettat biex taqsam magħkom dak kollu li hu neċessarju biex bih bħala nisa nsemmgħu leħinna b’mod liberu u b’determinazzjoni, u nikkontribwixxu f’tibdil pożittiv.

Corinne Scicluna hija preżentament ‘lecturer’ fin-Nursing Department fl-Universita’ ta’ Malta. Hija kienet l-ewwel Tissue Viability Specialist Nurse li mexxiet dan is-servizz f’Malta. Corinne hija l-president tal-Maltese Association of Skin and Wound Care, u l-former president tal-International Skin Care Nursing Group. Hija tirrapreżenta l-Malta fl-International Diabetic Foot Group, l-għaqda ta’ l-għalliema fil-European Wound Management Association, u hija wkoll membru Ewopew tal-World Union of Wound Healing Societies. Corinne hija membru editorjali tal-Journal of Wound Care, kienet Senior Nursing Manager fl-Isptar Mater Dei u mexxiet ukoll iċ-Child and Development Assessment Unit f’St Luke’s Hospital.

Corinne kienet il-president tan-Nurses’ Association of Malta qabel ma dan ingħaqad fil-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN). Hija kienet iċ-‘chair’ tal-Commonwealth Nursing Federation for the European Region fis-snin ta’ bejn l-2002 u l-2007. L-interessi tagħha jinkludu: skin and wound care, advanced nursing practice u legal and professional preparation of the nurse with a particular interest on the specialist nurse’s role from a national policy perspective.

Grazzi ħafna Dr Corinne Ward talli aċċettajt l-istedina tiegħi għal din l-intervista. Tista’ tgħidilna ftit aktar dwarek u dwar il-kisbiet tiegħek s’issa?

Grazzi ta’ din l-istedina fejn nista’ naqsam il-vjaġġ tiegħi relatat mal-infermerija li bdejt tletin sena ilu bħala studenta infermiera. Sa minn meta kelli 4 snin kont naf li ridt nimxi fuq il-passi taz-zija tiegħi May u nilħaq infermiera u possibilment qabla. Irċevejt l-edukazzjoni tiegħi fis-St Dorothy’s convent f’Tas-Sliema u aktar tard fl-Imdina, u minn hemm dħalt mill-ewwel fil-qasam ta’ l-infermerija.

Personalment ġejja minn linja prinċipali ta’ nisa determinati, bil-matrijarka mmexxija mill-Pecorella’s. Iz-zijiet tiegħi, ommi, nannti kif ukoll omm nannti kienu primarjament infermiera jew qwiebel, u għalhekk nemmen li l-kuraġġ tiegħi ġej kollu minnhom, li kienu kollha kemm huma nisa kuraġġużi. Fi tfuliti kont nehda nismagħhom jirrakkontawli stejjer mill-passat tagħhom; stejjer li kienu jirriflettu kuraġġ u determinazzjoni.

Bħala qabla t’eta’ pjuttost żgħira, iz-zija May kienet issuq l-ambulanza waqt il-gwerra, u ta’ spiss kont nieħu gost nisma’ l-istorja ta’ meta kienet waħedha u għenet omm biex twelled ‘triplets’ fid-dar tagħhom stess – x’eċitament!

Minn naħa tagħha, ommi kienet ukoll femminista li nisslet fija u f’oħti l-importanza li għandhom l-edukazzjoni u l-indipendenza għalina n-nisa. Għallmitna prinċipji bħal ma huma l-onesta’, il-kuraġġ u li nsemmgħu leħinna fejn ikun hemm bżonn: valuri li ħa jibqgħu miegħi għal dejjem. Fis-snin 70 in-nisa kellhom permess jaħdmu wara li jiżżewġu, imma meta jinqabdu tqal kellhom jieqfu mix-xogħol. Madankollu ommi ħbiet it-tqala tagħha għal 8 xhur biex tkompli taħdem, għax kienet temmen li t-tqala ma kinitx marda.

Dawn iż-żewġ nisa f’ħajti kienu xiehda u saħansitra nkoraġġewni nilħaq il-quċċata ta’ dak kollu li ridt fil-ħajja, u għallmuni nkun kburija b’dak kollu li nagħmel b’onesta’, ħidma u passjoni. Bħal ma tista’ timmaġina, l-imħabba li għandi għal professjoni tiegħi ġiet minn dawn iż-żewġ nisa mportanti f’ħajti. Din is-sena tlift liz-zija May li kellha biss 98 sena, u li kienet għadha mimlija għomor sa ġimgħatejn qabel ħallietna mdawwra bil-familja u l-annimali tagħha. Il-kuraġġ u l-ferħ li kellha għal ħajja u biex tgħin lill-ħaddieħor hija xi ħaġa li ħa tibqa’ miegħi għal dejjem. Ħadmet sakemm għalqet 80 sena bħala qabla fil-komunita’, u baqgħet issuq il-karozza tagħha sakemm kellna noħdulha ċ-ċwievet fl-eta’ ta’ aktar minn 90 sena. Gawdiet kull opportunita’ li kellha quddiemha u baqgħet issiefer sa l-aħħar. L-eta’ qatt ma żammitha lura!

Bdejt nistudja biex nilħaq bħala infermiera reġistrata fin-Nursing School fl-Isptar San Luqa u nammetti li ma kinitx ħaġa faċli. Persuna titkellem bl-Ingliż tistudja biex tilħaq infermiera f’dak iż-żmien ma kinitx xi ħaġa mixtieqa, u għaldaqstant kelli nagħmel sforz akbar biex nuri li tassew ridt nilħaq. Niftakar ċar l-ewwel ‘placement’ li kelli f’sala partikolari fejn ‘nursing officer’ ħares ħarsa lejja u dlonk qalli li kont fil-kors ħażin u li missni dħalt nistudja l-mediċina, li skond hu kienet tkun professjoni aktar addattata għalija. Naħseb dan kien l-ewwel intopp li affaċjajt, iżda ħassejtni determinata biex nelimina l-eżistenza ta’ dan l-isterjotip.

Wara 6 snin ta’ taħriġ fil-professjoni tal-infermiera, bl-ewwel 4 snin ikunu biex inġib id-Diploma u b’sentejn oħra għal-Degree, iddeċidejt li nkompli nispeċjalizza fil-professjoni. Minn dejjem kont interessata fil-‘wound care’ u għalhekk wara biss 4 xhur naħdem mal-MMDNA, li sa ftit ilu kienet toffri l-unika servizzi minn infermiera fil-komunita’, irrealizzajt li dan is-suġġett kien u għadu mportanti ħafna, u li huwa suġġett partikolarment tajjeb għall-infermiera biex jispeċjalizzaw fih.

Dan ukoll serva bħala ntopp għax kif ġieli ingħad, l-infermiera għadhom it-tendenza ‘jieklu’ liż-żgħar tagħhom. Sibt l-akbar oppożizzjoni mill-professur tiegħi, iżda kelli wkoll min issapportjani u emmen fil-viżjoni li kelli. L-ewwel persuna li nkuraġġietni dak iż-żmien kienet Ms Nikolina Farrugia, li ssapportjat l-idea tiegħi li mmur l-Ingilterra biex nosserva u nitgħallem mill-ispeċjalisti t’hemmhekk li kienu jipprattikaw f’dan il-qasam. B’hekk mort Oxford għal perjodu ta’ 6 ġimgħat u ġejt lura Malta b’determinazzjoni akbar. Emmint bis-sħiħ li din l-ispeċjalizzazzjoni kellna tassew bżonnha hawn Malta.

Fis-snin 90 l-infermiera kienu ġeneralment dawk li jieħdu l-ordnijiet mingħand it-tobba, u għalkemm ma kelli l-ebda problema dwar dan, xtaqt nispeċjalizza f’suġġett li sa dak iż-żmien ma kienx għad hawn speċjalizzazzjoni fih f’Malta. Għalhekk ingħaqadt mal-Medical School f’Cardiff biex insegwi l-unika Masters f’Wound Healing and Tissue Repair bl-għan li nġib it-tagħlim lura miegħi għall-professjoni u l-pazjenti tiegħi.

Hemmhekk bdejt it-triq li wasslitni biex niftaħ l-ewwel klinika mmexxija mill-infermiera f’Malta, fejn ħdimt mill-qrib ma’ Dermatoloġisti, Podjatra, Spiżjara u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa. Il-klinika li kont immexxi kienet klinika fejn ma kienx ikun hemm tabib preżenti, imma kienet l-ewwel klinika li stajt issib fil-ġurnata tal-Ħadd. Dak li llum huwa l-passat, issa sar il-qasam magħruf bħala Tissue Viability: wieħed mis-suġġetti relatat mal-infermerija li miexi l-quddiem ħafna, b’madwar 10 infermiera speċjalisti msejħa ‘practice nurses’ f’dan il-qasam, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Bħal ma semmejt aktar kmieni, għadni niftakar ċar l-ammirazzjoni li ħassejt lejk l-ewwel darba li smajtek titkellem. Inti kont tassew pijuniera fil-professjoni ta’ l-infermiera f’Malta billi dejjem waqaft għal dak li emmint fih, anke fi żminijiet meta li tkun mara ma kienx jgħin biex issemma’ leħnek, aktar u aktar meta tagħmel dan bil-għan li ġġib tibdil neċessarju. Tista’ tispjega ftit mal-qarrejja tagħna xi wħud mill-esperjenzi tiegħek rigward dan?

L-ewwel ħaġa li ġġilidt għaliha f’isem l-infermiera kollha kienet li bħala nfermiera kellna ningħataw l-istess opportunitajiet biex nistudjaw u nitgħallmu aktar – lura fis-snin 90 l-infermiera ma kinux jattendu konferenzi, u jien kelli x-xewqa li nibdel dan il-fatt.

Kont attendejt l-ewwel konferenza internazzjonali tiegħi lura fis-sena 1996, u niftakar li meta mort nitlob għal ‘Study Leave’ bħal ma għamlu t-tobba fid-dipartiment fejn kont jien, il-‘manager’ ta’ dak iż-żmien qalli li din it-talba kellha tasal il-Head Office. Dak li llum jista’ jinstema’ bħala esaġerazzjoni, dak iż-żmien kien realta’, iżda sejħa għall-applikazzjonijiet ħarġet għall-infermiera kollha biex japplikaw ħalli l-Gvern jisponsorja din il-konferenza. Ovjament jien ma kontx magħżula għal ħafna raġunijiet, u filwaqt li nħallu l-politika barra, jien kont l-iżgħar persuna li applikajt. Iżda għalkemm ma ġejtx magħżula, jien kont l-unika waħda li attendejt għax dawk kollha li kienu ntagħżlu ma kienux applikaw u għalhekk kienu tard wisq biex jattendu. Is-saga tal-istudy leave kompliet, u kienet tiddependi mid-direttur dak iż-żmien. Jien emmint li din kellha tinbidel, għax il-professjonijiet kollha għandhom jiġu trattati b’mod ugwali.

Il-battalja ta’ warajha ġrat fl-2010 meta applikajt biex nistudja għal PhD. Hawnhekk qaluli li jekk ridt is-sapport kelli nibdel il-kors u nattendi l-Universita’ ta’ Malta, għax skond huma, PhD’s kellhom isiru hemm u post l-infermiera b’PhD ma kienx bżonnjuż fl-isptar!! Jien ma qbiltx ma dan, u għalhekk applikajt għal fond Ewropew li rnexxieli nirbaħ, iżda xorta waħda kelli bżonn is-sapport minn naħa tal-Gvern. Wara li ħdimt u ktibt lil membri parlamentari u lil kull min ħsibt li forsi seta’ jgħinni, fl-aħħar ingħatajt l-aħbar li ġiet imnehdija study leave policy għall-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa.

Ħaġa oħra li nemmen li għent fiha kienet il-proċess tal-Kunsill ta’ l-Infermiera f’ Malta. Wara protest ġudizzjarju li jien u kollega tiegħi ftaħna kontra l-Ministru tas-Saħħa, sar tibdil pożittiv b’relazzjoni mal-proċess tal-elezzjoni tal-kunsill. Fadal ħafna xogħol xi jsir f’dan il-qasam għax bħala professjoni għandu jkollna rappreżentanti tal-infermiera full-time. Iżda ż-żerriegħa nżergħet, u permezz ta’ dak li ngħid nittama li niżra’ sens ta’ mpenn u involviment fil-professjoni tagħna fl-istudenti infermiera, li jmur oltre l-pazjent u l-organizzazzjoni, li jgawdi minnu l-pajjiż kollu.

Tlett ġenerazzjonijiet – 90 sena differenza bejn l-akbar u l-iżgħar – 2017

Fl-opinjoni tiegħek, taħseb li bħala nisa xi kultant jippretendu minna li nħallu kollox kif inhu mingħajr ma nagħmlu ħilitna biex nipproponu tibdil neċessarju, minħabba li aħna nisa? U jekk iva, x’taħseb li hemm bżonn biex tinbidel din il-mentalita’?

Il-professjoni tagħna għandha bżonn timbidel qabel ma nistennew oħrajn biex jibdluha għalina. Aktar minn hekk, aħna bħala infermiera għandna nemmnu aktar fina nfusna. In-Nursing huwa meqjus bħala professjoni femminili, u l-aspettattivi dwarna jinkludu li għandna nkunu anġli jew ‘hand maidens. Il-ħasra hi li ċertu infermiera għadhom iħossuhom sikuri jkomplu b’dan il-mod. Dejjem ittamajt u ridt inkun anġlu għal pazjenti tiegħi, u nħossni privileġġata li l-pazjenti tiegħi jafdawni, iżda ċertament li jien m’inix anġlu fil-‘board rooms’. Ngħidha kif inhi u nibqa’ nagħmel dak li nemmen fih jew inkella nimxi l-quddiem. Qatt m’hu se nkun numru mingħajr vuċi jew persuna ta’ ‘yes sir’ jew ‘yes madam’ – il-ġurnata li dan iseħħ inkun tlift id-dinjita’ tiegħi. Iżda ngħid ukoll li tgħallimt nisma aktar u ma nirreaġixxix mill-ewwel.

Il-passjoni tiegħi għadha 100% imma nippreferi minflok niġġieled il-battalji kollha, nagħżel sew dawk il-battalji li rrid nirbaħ. Il-passjoni tiegħi spiss tiġi nterpretata bħala aggressjoni jew xi ħaġa marbuta mal-karattru tiegħi, iżda kienet din l-istess passjoni li żammitni f’din il-professjoni dejjem infittex li naqbeż l-ostakli u ntejjeb il-kura tal-pazjenti u l-familji tagħhom u l-professjoni tagħna. Nemmen li nistgħu inkunu ħafn’aħjar, mhux biss fl-isptar jew bħala nfermiera, iżda wkoll bħala nazzjon – ninġibed lura meta nara dak li qed jiġri madwari u kif il-politika u l-injoranza ta’ partiġġjanar tagħmina u ma tħalliniex ikollna opinjoni onesta. Jiena persuna li jkun min ikun fil-Gvern lesta naħdem biex intejjeb li jkun hemm bżonn għax nemmen li nistgħu inkunu ħafn’aħjar.

Bħala studenta infermiera tgħallimt dwar l-importanza li nkun l-avukata tal-pazjenti tiegħi. Dan jirrikjedi saħħa, determinazzjoni u perseveranza fl-opinjoni tiegħi. X’taħseb dwar dan Dr Corinne, u kif tista’ persuna tipprattika dawn il-kwalitajiet biex tilħaq l-għanijiet mixtieqa, mhux biss fil-professjoni tal-infermiera, iżda wkoll fil-ħajja ta’ kuljum?

Personalment dejjem għedt u emmint li l-għarfien huwa poter! Għalhekk, aktar ma persuna jkollha l-għarfien, aktar ikollha ċans tagħmel differenza. Dan jista’ jiġi wkoll attribwit mar-rikoveranza tal-pazjent – aktar ma l-infermiera tkun edukata u informata, aktar tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tal-pazjent. Bl-istess mod fil-ħajja, aktar ma tkun informata dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħha, aktar ikkollha ċans tieħu l-kontroll tal-ħajja u tkun il-mara li verament hi.

Personalment nemmen ħafna f’impenn lejn riżultati aħjar speċjalment f’każi ta’ inġustizzja. Inħoss ukoll il-bżonn li noħloq tibdil neċessarju fis-soċjeta’ tagħna. Madankollu spiss insib persuni li jirrifjutaw li jaċċettaw il-possibilta’ ta’ tibdil f’sitwazzjonijiet li ilhom l-istess għal żmien twil. Kien hemm drabi fejn qaluli li lanqas biss għandi nipprova, waqt li f’okkażjonijiet oħra ġejt avżata biex inżomm fil-limiti tiegħi u biex inżomm posti, anke fid-drabi fejn ippreżentajt evidenza li turi l-bżonn ta’ tibdil neċessarju.

Nimmaġina li hemm aktar nisa hemm barra li bħali esperjenzaw sitwazzjonijiet simili; sitwazzjonijiet li jġagħluk taħsibha darbtejn jekk tippersistix jew saħansitra tieqaf tipprova. X’parir tagħti lil nisa li jesperjenzaw sitwazzjonijiet simili?

Il-ġustizzja hija waħda mill-virtujiet li napprezza b’qalbi kollha. Ġustizzja, trasparenza, ekwalita’ huma kollha marbutin flimkien. Fil-kultura tagħna huwa diffiċli nżommu ma dawn il-valuri għax sfortunatament ħafna nies għadhom jemmnu li l-ġustizzja ma teżistix u li llum tirbaħ int u tkun fil-gvern, u għada nirbaħ jien. Iżda nisa bħali li ma konniex involuti fil-politika u li ngħidu kollox kif inhu, ma jkollniex ħbieb f’pożizzjonijiet għolja. Nibqa’ għal dejjem niġġieled għal ġustizzja u għal kul min ħaqqu. Nemmen li huwa dmir tiegħi li nipproteġi lill-dawk li m’għandhomx vuċi, u nemmen li dan itini s-saħħa nkompli miexja l-quddiem biex nagħmel id-dinja tagħna waħda aħjar.

Nixtieq navżak madankollu li dan kapaċi jħalli effett fuqek. Li temmen u tkun perseveranti f’dak li temmen li hu ġust jista’ ma jkunx bħall-ideoloġija tas-soċjeta’ u għalhekk dan jista’ joħloq konflitt f’ħajtek. Madankollu, għalkemm mhux faċli, personalment nippreferi li bil-lejl norqod b’moħħi mistrieħ li mxejt ma dak li emmint fih.

Nixtieq nirringrazzjak għal ħin tiegħek Dr Corinne. Ninsab ċerta li ħafna nisa se jsibu kliemek inkoraġġanti ħafna. L-aħħar domanda: Il-bidla mhux dejjem tkun bidla relatata mas-soċjeta’ b’mod ġenerali, iżda tista’ tkun ukoll waħda individwali: li tagħmel tibdil fik innifsek, li tieħu l-kontroll ta’ ħajtek, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn persuna tkun esperjenzat abbuż jew kontroll ta’ kwalunkwe tip minn xi partner, persuna fil-familja jew sitwazzjonijiet simili.

X’parir tagħti lil nisa li qed jesperjenzaw xi tip ta’ ripressjoni u nuqqas ta’ nkoraġġiment rigward il-bżonn li jieħdu kontroll ta’ ħajjithom u jerġgħu isibu l-vuċi tagħhom?

Din hija domanda pjuttost diffiċli għax in-nisa kollha għandhom qawwa fihom li hija differenti. Madankollu, mill-esperjenza nista’ ngħid li kull meta missejt il-qiegħ u ħsibt li ma kien għad fadalli l-ħadd fid-dinja, dejjem kien hemm xi ħadd li għeni, speċjalment kull meta sibt il-kuraġġ u tlabt l-għajnuna. Għalhekk nixtieq nagħti l-parir lil dawn in-nisa biex jagħmlu kuraġġ u jitolbu l-għajnuna. Kollha kemm aħna xi kultant ikollna bżonn l-għajnuna, għalhekk m’għandekx għalfejn tiddejjaq tistaqsi – li tistaqsi mhux sinjal ta’ debbolizza iżda ta’ qawwa u kuraġġ kbir.


The University of Malta is currently offering 9 undergraduate courses in relation to the Nursing Profession. These courses include the Bachelor of Science (Honours) in Nursing on a 3 year Full Time basis, as well as on a 5 year Part Time basis, which gives students with other commitments the possibility of becoming registered nurses. For more information please visit https://www.um.edu.mt/courses/keyword/Undergraduate/Nursing

Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *