Kemm il-darba nisimgħu b’vittmi ta’ vjolenza domestika li jiġu ġġudikati talli jkunu baqgħu f’relazzjoni b’abbuż kontinwu meta setgħu jitilqu? Sfortunatament spiss rajt nisa jiġu ġġudikati b’dan il mod, speċjalment fuq il-medja soċjali…
“Jekk baqgħet sinjal li kienet qed tgħix komda”…
“Ma nemminhiex din l-istorja… għala mara għandha tibqa’ f’relazzjoni daqshekk tossika? Bilfors qed tigdeb, din ma tistax tkun vera!”
“Għala għandha tħalli lit-tfal ibagħtu dik it-tbatija u l-uġiegħ kollu? Kif tista’ tkun egoista hekk?’”
“Għaliex ma krietx post għaliha u għat-tfal u telqet?”
Kif ma tirrealizzawx li din il-povra mara probabbli qed taqra’ dawn il-kummenti dwarha fuq il-medja soċjali? Ma taħsbux li meta tħallu dawn it-tip ta’ kummenti, li evidentament m’għandhom l-ebda empatija, tkunu qed iżżidu mal-uġiegħ li diġa’ qed tesperjenza?
Għaliex qed ngħid dan kollu? It-tweġiba hija waħda faċli… dik il-mara hija jien!
Irriserva ftit mill-ħin tiegħek biex taqra’ l-karba tiegħi miktuba hawn taħt…
Jien ġejt abbużata sesswalment, ikkontrollata, ristretta milli nilbeż qliezet ta’ taħt ikkuluriti (iva, kont f’sitwazzjoni daqshekk gravi!), ma kellix permess nitgħallem insuq, kont il-ħin kollu niġi akkużata li qed niġġerra, kont niġi mitluba ngħidlu kull pass li nagħmel kull meta noħroġ mid-dar, kont niġi mitluba nċempel qabel ma noħroġ (biex nixtri l-bżonnijiet tagħna) u nerġa’ nċempel xħin nasal id-dar (biex b’hekk il-ħin li nieħu jiġi kkunsidrat bħala wieħed raġunevoli jew mhux raġunevoli), kien jistaqsini x’għidt lill-ġara tagħna, kont niġi akkużata li qed immur ma l-irġiel fuq il-post tax-xogħol li kont naħdem fih meta l-klijenti kienu jiġu fl-aħħar sekonda qabel nagħlqu u jkolli nibqa’ aktar wara l-ħin, kelli nwieġeb it-telefonati tiegħu mallewwel, inkella kont nerġa niġi akkużata (u t-telefonati tiegħu kienu jieħdu madwar 70% tal-ħin li fih ma kienx ikun miegħi), kont niġi akkużata li qed indawwar it-tfal kontrih kull meta kienu jaqbżu għalija, kont niġi akkużata li ttradejtu u mort ma xi ħadd ieħor, u kont niġi kkastigata verbalment għal siegħat sħaħ kull darba li nirrifjuta jkolli x’naqsam miegħu (li prattikament kienu 25 lejl minn kull xahar għal aktar minn għaxar snin, inkluż iż-żmien li fih kont tqila), kont niġi akkużata li qed nigdeb fuqu ma familti (għalkemm huma dejjem qagħdu kwieti u ma nterferewx biex iżommu l-“familja” tagħna magħquda), kont niġi mgħajjra l-ħin kollu, u kien jgħidli li jien kont il-kaġun tal-problemi kollha, u li b’għemili kont qed inkisser il-familja, u li kont qed inwaħħal fih għal kull ħaġa li jinqala’ u li hu kien il-vittma f’din ir-‘relazzjoni’…
Tħossok xi ftit soffokata inti w’taqra’ dan il-kliem? X’aktarx li iva…
Issa immaġina li din tkun ħajtek … Kull. Siegħa. Tal. Ġurnata.
Litteralment sitwazzjoni li tkisserk. L-effett li tgħix ma persuna hekk huwa uġiegħ tremend, taħwid kbir u ħsara psikoloġika.
Esperjenzajt dan kollu għal madwar 15-il sena. Moħħi ma baqax jaħseb sew. Ma kienx fadalli farka ta’ stima personali lejja nnifsi. Ma kont kapaċi nagħmel xejn, lanqas naħseb. Kelli dipressjoni, kont anzjuża, mitlufa u waħdi, imma madankollu, għalkemm moħħi kien imħawwad u tista’ tgħid jiffunzjona b’ mod minimu, xorta stajt nisma’ leħnu jtambar f’rasi l-ħin kollu, anke meta ma kienx ikun id-dar.
Emmint l-akkużi kollha. Iva, kont naf li ma qlibthielux, imma waqt dik is-sofferenza kollha kont ġejt manipulata biex nemmen li l-problemi kollha tagħna kienu kollha tort tiegħi, u li kieku kont mara aħjar, l-affarijiet kienu jkunu ferm aħjar ukoll. Mingħajr l-abbilta’ li naħseb, jien ma kien fadalli xejn. Ma stajt nagħmel xejn. Ma kien fadalli l-ebda poter, lanqas fuqi nnifsi.
Minbarra dan kollu, kien hemm aspett ieħor f’din ir-‘relazzjoni’ – kontroll finanzjarju.
Sa mill-bidu nett hu nsista li ma nagħmlux kont flimkien il-bank. Ried li nżommu l-kontijiet separati. Jien kelli 18-il sena meta żżewwiġna (u iva, dik storj’oħra għaliha li tista’ taqra’ fuq https://wham.com.mt/mt/2020/09/20/abbuz-sesswali-u-emozzjonali-waqt-iz-zwieg/) u għalhekk, jien bażikament ma kelli l-ebda tfaddil taħt rasi għax il-ftit li kelli nfaqtu fuq it-tieġ, eżatt kif ried hu. Kull meta kelli ċ-ċans naħdem (ovjament f’dak l-istat konfuż u mimli uġiegħ emozzjonali imsemmi aktar il-fuq), jien kont niġi mitluba nħallas kollox minn dak kollu li naqla’. Xahar wara xahar ma kienx iħallini nfaddal ċenteżmu mġiddem.
Eventwalment kelli nitlaq minn dan ix-xogħol għax ma kontx niflaħ aktar l-abbuż psikoloġiku u l-effett tiegħu fuq is-saħħa mentali tiegħi. Tant kienet ħakmitni sew id-dipressjoni li ma stajtx niffunzjona sew aktar.
Matul is-snin ippruvajt nitlaq bit-tfal minn din ir-relazzjoni ta’ vjolenza domestika tliet darbiet.
Il-problemi li ħafna ma jimmaġinawx u ma jqisux f’ sitwazzjonijiet hekk huma dawn:
L-ebda stima personali
L-ebda fiduċja fija nnifsi
L-ebda dinjita‘
Mingħajr l-ebda tama’
Tifrik psikoloġiku
U aktar u aktar…
Bla flus!
Kif tista’ mara tkampa tikri post waħedha u tissapportja lit-tfal fl-istess ħin meta litteralment ma jkollha xejn taħt rasha?
Iva, hemm ix-xelters, u filfatt għext hemmhekk kull meta jien u t-tfal tlaqna mid-dar, imma xejn ma kien ward u żahar. Għalkemm jiena grata li kelli saqaf fuq rasi u li anke kelli t-terapija b’xejn dak iż-żmien, kelli nħallas għall-elettriku li kien jiġi ġġenerat mill-kamra tagħna kull ġimgħa. Kelli nixtri l-bżonnijiet tagħna minn buti (kellna l-ikel b’xejn f’nofsinhar, imma ridna nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħna għall-kumplament tal-ġurnata). Kif tista’ tixtri dak li jkollok bżonn meta ma jkollok assulutament xejn? U fuq kollox, darbtejn minn tlieta, kont ġejt imħeġġa nitlaq biex nagħmel post għal ħaddieħor jekk ma kontx 100% ċerta li se nibqa’ l-bogħod minnu… darbtejn!
Ċerti nies jistgħu jgħidu “imma għala ma bdietx tfaddal xi flus qabel ħalli jkollha meta tasal titlaq?” Kif stajt jekk qatt ma kelli xejn? Hu dejjem agħmel ċert li kelli 0 fil-kont tal-bank. U l-unika ammont li kien jagħtini f’idi darba f’xahar kienu bażikament Eur568… kif jistgħu iservu Eur568 sakemm tqum fuq saqajk??
Xi wħud jinsew ukoll il-kwistjoni tas-saħħa psikoloġika u mentali… kif tista’ mara li tħossha bla saħħa tmur għal ‘interview’ pulita, professjonali u preparata, meta lanqas għandha ħwejjeġ li jiġuha sew? Kif tista’ turi l-abbiltajiet tagħha meta tant hija mkissra psikoloġikament li lanqas tiftakar x’kielet siegħa qabel? L-unika ftit enerġija li jkun fadlilha tużagħha biex tieħu ħsieb lit-tfal u tara li għandhom dak kollu li għandhom bżonn (ipotetikament).
Hekk kif qed naqsam il-passat imkisser tiegħi magħkom, naf li qed nerġa’ npoġġi lili nnifsi quddiemkom biex niġi ġġudikata. Naf li se jkun hawn min se jsib mezz biex jitfa’ t-tort fuqi u f’dak li ktibt, u jissuġġerixxi xi stajt nagħmel minflok dak li għamilt… u emmnuni, tweġġa’ ħafn’ aktar meta dawn il-kummenti jkunu ġejjin minn nisa oħra. Imma xtaqt nuri r-realta’ moħbija wara l-kelma GĦALIEX.
Araha b’dan il-mod… għasfur magħluq ġo gaġġa, dejjem imsakkar ġewwa, iħares il-barra bix-xewqa li jtir u jaħrab il-bogħod kemm jista’ jkun. Imma jaf li m’hemm l-ebda mod li bih jista’ joħroġ. Darba minnhom ‘sidu’ jinsa’ l-bieba tal-gaġġa u t-tieqa miftuħa. L-għasfur jipprova jtir, imma dlonk jirrealizza li tant kien ilu msakkar ġo dan l-ambjent soffokanti, li ma jistax itir. M’għandux abbilta’, ‘stamina’, u tama.
Dan huwa dak li tesperjenza dik il-mara li tixtieq titlaq imma ma tistax. Mhux kull mara tgħaddi minn dan kollu, u għall-grazzja t’Alla hemm ħafna li jirnexxilhom jitilqu u jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid… imma fil-każ tiegħi, din ma kinitx possibbli. Kull sitwazzjoni hija differenti, u kull persuna hija differenti.
Nixtieq minn qalbi li ma tiġġudikawx nisa li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar il-vjolenza domestika. Ħafna drabi kull ma jkunu jixtiequ huma l-kompassjoni u l-empatija: dawn huma valuri verament sbieħ u vitali għal kulħadd, imma huma wkoll valuri li x’aktarx ikunu ilhom ma jesperjenzaw għal żmien twil.
Jekk qed issofri minn xi tip t’abbuż, ikkuntattja l-Appoġġ fuq 2295 9000 jew ‘Supportline’ 179, u staqsihom iqabbduk mas-Sezzjoni tal-Vjolenza Domestika (DVU). Inti tista’ tiġi assenjata ma ‘social worker’ li jista’ jiggwidak personalment dwar l-għażliet disponibbli għalik. Kun af li 179 huwa b’xejn minn kull telefown u mowbajl, u li s-‘social workers’ ma jikkuntatjawkx lura huma sakemm ma ttihomx il-permess inti, sabiex bl-ebda mod ma tiġi f’xi tip ta’ periklu.
‘Women for Women Foundation – Malta’ ġiet maħluqa riċentament bl-għan li tagħti s-saħħa lin-nisa bħal Mariposa sabiex jerġgħu jieħdu l-kontroll fuq ħajjithom, ikunu indipendenti u kapaċi jissapportjaw lilhom infushom u lil uliedhom bil-gwida, is-sapport, l-edukazzjoni u t-taħriġ neċessarju. Inti wkoll tista’ tgħin lil dawn in-nisa billi tagħfas ‘like’ fuq ‘Women for Women Foundation – Malta’s Facebook Page’ u toffri s-sapport tiegħek kif tista’.
Jekk inti wkoll għandek storja li tixtieq taqsam mal-qarrejja tagħna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Mariposa’s Blog jippreżenta esperjenzi reali kif ukoll emozzjonijiet ta’ omm u uliedha bniet. Flimkien jaqsmu esperjenzi relatati mal-ħajja, bħal emozzjonijiet, fertilita’, vjolenza domestika, problemi relatati mal-ħajja studenteska, nisa, ‘teens’, saħħa u edukazzjoni relatata ma’ l-ulied ta’ eta’ żgħira, u ħafna aktar.