Dil-ġimgħa waqt dibattitu fuq il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa, l-avukata Nicki Vella De Fremaux attakkat is-sitwazzjoni politika meta qalet li l-kwoti tal-ġeneru huma “insulti” lejn in-nisa.
Biex inkunu preċiżi, hija qalet: “Ma rrid lil ħadd jagħtini siġġu fil-parlament jew xogħol ieħor minħabba l-fatt li jien mara, għax li tużagħni biex timla l-kwota nqisu bħala nsult”.
Ironkament, il-kummenti ta’ De Fremaux intqalu fl-istess xahar li fih persuna ta’ 19-il sena ġie mogħti siġġu fil-Bord tal-Gvernaturi tal-Finanzi f’Malta. Dan iż-żagħżugħ, li għadu lanqas iggradwa mill-Universita’, ġie mogħti pożizzjoni kruċjali li normalment tiġi mogħtija biss lil dawk li jkollhom snin t’esperjenza.
Aqta’ x’ġeneru jidentifika miegħu dan iż-żagħżugħ?
Eżatt! Dan huwa raġel ‘cisgender’ ta’ ġilda ċara.
Ovjament dan mhux inċident iżolat. De Fremaux donnha qed tinjora l-idea li l-irġiel ilhom żmien twil jiġu offruti dawn il-pożizzjonijiet minħabba li huma sempliċiment irġiel; u sfortunatament din il-ħaġa mhux qed taraha bħala insult.
Barra minn dan, hi qalet ukoll li: “l-MPs għandhom jirrapreżentaw id-drittijiet u l-interessi tal-poplu, u m’għandux ikun xi ħadd anzjan li n-nies ma jafdawx u li huwa hemm sabiex jissodisfa l-kwota.”
Eżatt! L-MPs għandhom jirrapreżentaw id-drittijiet u l-interessi tal-poplu, u għalhekk hija ħaġa mhux f’lokha li n-nisa huma daqshekk f’minoranza fejn tidħol il-politika, speċjalment meta nafu li n-nisa jifformaw 50% tal-popolazzjoni. In-nuqqas enormi tar-repreżentanza femminili għandha tiġi indirizzata b’mod li jġib bidla immedjata. M’hemmx aktar ħela ta’ ħin.
Għalkemm f’dinja ideali wieħed jista’ jifhem dan is-sentiment, din mhijiex dinja idejali. Eżempju, il-kelma ‘ekwita’’ ma tfissirx ‘l-istess’; ħadd ma qal li n-nisa u l-irġiel m’għandhomx differenzi. Madankollu, il-kelma ekwita’ tfisser li dawn id-differenzi m’għandhomx ikollhom kontroll fuq il-livelli differenti ta’ aċċessibilta’ u opportunita’. Għalhekk, għalkemm minn bniedem għall-ieħor hemm id-differenzi, ċerti strutturi għandhom ikunu f’posthom biex jiżguraw livelli ugwali t’opportunita’, minkejja d-differenzi fil-ġeneri. Biex jingħalaq dan l-ispazju wara snin twal ta’ negliġenza, miżuri pożittivi li joffru triq ċara ta’ rapreżentazzjoni għandhom jinħolqu immedjatament.
Il-kwoti jevolvu b’ritmu aktar mgħaġġel f’oċean kbir. Li m’hemmx bżonn ta’ kwoti speċifikament għan-nisa biex jingħataw pożizzjonijiet importanti għax huma kapaċi jirnexxu waħedhom huwa argument kemmxejn bla sens. Minħabba l-misoġinija sistematika li tmexxi l-istituzzjonijiet tagħna, il-kwoti tal-ġeneru joffru l-opportunita’ lin-nisa kwalifikati sabiex jikkwalifikaw għal postijiet li ħaqqhom.
Dan għandu jiġi bħala riżultat ta’ nisa kwalifikati li jiġu injorati, filwaqt li rġiel (li xi kultant ma jkollhomx l-istess kwalifikazzjonijiet) jingħataw il-kariga. Il-għala jiġri dan jista’ jiġi spjegat b’mod kumpless, iżda verżjoni ta’ risposta qasira hija li l-valuri patrijarkali (li ġejjin minn soċjeta’ patrijarkali) jibqgħu prevalenti sal-lum il-ġurnata, u n-normi maskili jibqgħu jiġu ppreferuti (kemm b’mod konxju u kemm le).
M’aħniex ngħidu li l-irġiel kollha jfittxu li jopponu, jew li l-irġiel kollha jaħtu għal dan; fuq kollox ħafna nisa jibqgħu jipperpetwaw ideoloġiji misoġinisti. Hemm drabi fejn l-irġiel stess jippruvaw jiġġieldu dawn l-ideoloġiji. Minkejja dan, is-soċjeta’ li ngħixu fiha tibqa’ toffri ċerti privileġġi lill-irġiel u mhux lin-nisa.
Filwaqt li bdew iseħħu ċertu bidliet f’dawn l-aħħar snin biex din il-ħaġa tiġi ndirizzata, dawn għadhom mhux biżżejjed sabiex inpattu għas-snin twal passati mimlija oppressjoni u problemi oħra. Fl-2019, l-istatistiċi f’Malta wrew li pajjiżna għandu it-tielet mill-inqas persentaġġi ta’ rappreżentanti femminili fil-Parlament (statistiċi oħra tista’ ssibhom hawnhekk). Jekk aħna ninsabu lesti biex naraw bidliet kbar f’ħajjitna, irridu ninfurzaw miżuri pożittivi biex inkissru u nibnu mill-ġdid id-dinja maskili li ilna nafu.
Il-kwoti tal-ġeneru żgur mhumiex soluzzjonijiet li jegħlbu l-problemi kollha, iżda huma metodi temporanji li jistgħu itejbu din il-monstrożita’ kolossali li tant hija kbira li tista’ tgħid li hi kważi mpossibbli li tiġi mibdula f’din il-ħajja. Miżuri pożittivi jibdew dan proċess f’kapitlu li fih qed nipprovaw nagħmlu dak kollu li nistgħu biex titwaqqaf il-mixja ta’ ħsara patrijarka. Meta jew jekk l-oppressjoni sistematika mpoġġija fuq in-nisa tiġi rriversjata u ekwita’ reali bejn il-ġeneri tintlaħaq, il-kwoti jibqgħu biss memorja antika li nistgħu ninsew.
Madankollu, bħall ma diġa semmejna, dan mhux il-każ bħalissa, u għalhekk għandna bżonn naħdmu b’dak li għandna sabiex niżguraw li n-nisa jibdew jidħlu f’pożizzjonijiet fejn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jirrapreżentaw mill-inqas nofs il-popolazzjoni. Ħadd ma jrid il-kwoti tal-ġeneru, iżda huma biss jistgħu jikkonstitwixxu parti mportanti li twassal għall-ekwita’.
Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Emily Galea hija awtriċi u femminista attivista f’ Malta. Emily hija l-Viċi-President tal-‘Young Progressive Beings’, ‘Project Co-Lead’ tal-kampanja ‘Dear Decision Makers, u bħalissa qed issegwi Masters fil-“Gender, Society & Culture’ fl-Universita’ ta’ Malta.