Share the love

Minn dejjem kienet għal qalbi l-filigrana, u għalhekk meta Dr. Joanna Delia ikkuntattjatni bi pjan għal kollaborazzjoni u bejgħ ta’ ġojjellerija filigrana għal ġbir ta’ fondi b’risq il-Women for Women Foundation u l-Women’s Rights Foundation aċċettajt mill-ewwel. Ċans ieħor sabiex nikkollabora ma Joanna u nisa oħra b’għanijiet simili għal ġbir ta’ fondi.

Ħadt gost aktar meta Dr Joanna Delia qaltli li l-pendenti l-ġodda kienu se jirrappreżentaw il-vaġina tal-mara. B’affezzjoni kbira laqqamthom ‘Pussy Pendants’ filwaqt li Joanna sejħitilhom ‘Weewees’.

Dawn il-‘Weewees’ jew ‘Pussy Pendants‘ huma ddisinjati bl-idejn minn artist professjonali fil-filigrana u l-ħadid, Kevin Attard. Kevin ilu jagħmel xogħol fin bl-idejn għal aktar minn 33 sena. Riċentament iltqajt ma Kevin u Joanna l-Belt Valletta u onestament ma stajniex nieqfu nitkellmu, norganizzaw u nippjanaw modi li bihom nistgħu nagħtu spinta lill-industrija tal-filigrana u filwaqt li nbiegħu dan ix-xogħol noħolqu mod kif ngħinu n-nisa b’aktar proġetti ta’ ġbir ta’ fondi.

Qatt ma kont iltqajt ma Kevin qabel, iżda nista’ niddiskrivih bħala ġgant ġentili u qalbu tajba, b’talent artistiku, u apparentament anke b’suċċess fil-qasam sportiv. Għedt lil Kevin bl-imħabba tiegħi lejn il-filigrana u kif anke bħala tifla żgħira dejjem impressjonajt ruħi bil-fatt li x-xogħol tal-filigrana, li huwa xogħol daqstant delikat u sabiħ, tradizzjonalment dejjem kien maħdum mill-irġiel biss. Kevin spjegali li bħala kraft kien dejjem tradizzjonalment mgħoddi minn missier lil ibnu minħabba li sa ftit taż-żmien ilu, l-irġiel kienu mistennija jieħdu ħsieb jaħdmu u jaqilgħu il-flus għall-familja, u n-nisa ma kienux jiġu mgħallma snajja jew krafts. Madankollu Kevin lanqas ġie mgħallem il-filigrana minn missieru, iżda minn ħabib ta’ missieru, fl-eta’ ta’ 16-il sena.

Skond Kevin, kull min għandu l-paċenzja, kreattivita’ u attenzjoni għad-dettal huwa kapaċi jaħdem u jikkrea xogħol sabiħ tal-filigrana, u filfatt jemmen li n-nisa huma aktar addattati għal dan il-kraft.

Kevin joffri ‘workshops’ fil-filigrana regolarment, u fi ftit sigħat biss kapaċi jgħallem lill-istudenti privati tiegħu kif jikkrejaw pendenti sempliċi. Kif smajna hekk, jien u Joanna assumejna rwol ieħor – “Wow tajjeb! Mela nistgħu ukoll inbiegħu vawċers u rigali għall-Milied għall-‘workshops’ tiegħek ukoll” esprimiet Joanna b’entużjażmu, “iva mela, u 50% mill-prezz imur lejn l-organizzazzjonijiet tagħkom biex tkunu tistgħu tgħinnu aktar nisa” qalilna Kevin b’ġenerożita’ daqstant kbira! Inħoss eċitament kbir dwar dan kollu, u filfatt diġa bbukkjajt sessjoni għalija u għar-raġel tiegħi (hu wkoll ilu ħafna nteressat fl-arti tal-filigrana).

Għal dawk minnkom li forsi għadhom qatt ma semgħu bl-arti tal-filigrana, sfortunatament din hija arti li qed tmut bil-mod il-mod; il-filigrana ssir billi b’mod pjuttost kumpless tgħawweġ biċċiet jew ħajt irqiq tal-fidda fina f’forom dettaljati ta’ ġojjellerija jew forom dekorattivi li kapaċi jħallu mpatt. Il-filigrana rat il-bidu tagħha bejn is-sitt u t-tielet seklu qabel Kristu, u ġie ntrodott f’pajjiżna mill-Feniċi. Il-propja filigrana tista’ biss issir bl-idejn permezz ta’ biċċiet żgħar li jiġu mgħaqqda flimkien sabiex joħolqu r-riżultat finali.

Il-‘pussy pendant’ favurit tiegħi diġa ordnajtu, u għandu jkun lest fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru.

Jekk inti wkoll tixtieq tibbukkja wieħed minn dawn il-pendenti ‘limited edition’, jew tixtieq tixtri wieħed bħala rigal għal xi ħabiba, ibgħatilna imejl fuq [email protected]. Il-pendenti se jkunu għal bejgħ mingħand People and Skin f’ Tas-Sliema, u vawċers għall-‘workshops’ jistgħu ukoll jinxtraw b’Eur45 li jissarfu f’siegħa ta’ tagħlim privat b’pendent li toħloq int stess inkluż.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *