Għadni kif qattajt il-wara nofsinhar tiegħi ma mara oħra li tispirani – Francesca Pace, imprenditur mill-aqwa u disinjatur b’talent u mara tan-negozju. Id-ditta tal-ħwejjeġ tat-tfal tagħha, ‘Gaia and Nina’ li hija msemmija għaż-żewġt’ ibniet tagħha, qed tissemma madwar id-dinja kollha. “Veru eċitata għax Harrods ikkunttattjawni il-bieraħ ukoll!” qaltli b’entużjażmu.
Saqsejtha kif ġietha l-idea u fehmitni li nibtet ftit tas-snin ilu meta kellha ‘health scare; “Ħassejt il-bżonn li nibda nagħmel xi ħaġa mat-tfal, b’hekk bdejt billi ħlaqt profil fuq ‘Instagram’ u bdejt intella’ ritratti tal-ħajja tiegħi u tat-tfal”. Il-paġna ta’ Instagram, imsemmija għat-tfal tagħha Gaia u Nina saret ‘hit’ istantanja.
“B’xorti tajba wara xi snin niġġieled il-kundizzjoni li kelli, fiqt u kont lesta biex inkompli ħajti. Ridt li noħloq xi ħaġ’ oħra, xtaqt inħalli wirt lit-tfal, xi ħaġa li x’ħin jarawha jiftakru fija, u meta jħarsu lura jiftakru fil-gost li jkunu ħadu m’ommhom” qaltli Francesca. Gaia li għandha 6 snin, u Nina 5, huma l-ispirazzjoni, il-mudelli u il-mużiet tagħha.
Bqajt impressjonata meta qaltli li tagħmel kollox hi: ir-ritratti, id-disinji, is-sorsing tad-drappijiet, il-‘marketing’, kollox.
Din hija mara t’ispirazzjoni u bieżla ħafna, imma xorta sabet il-ħin biex tiġi tiddiskuti miegħi fuq kif taħseb li tista’ toħloq aktar kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-importanza li mara tkun indipendenti finazjarjament.
Iċċajtajna flimkien u d-diskutejna fuq kemm inħobbu t-tfal tagħna b’mod passjonat. Iżda fl-istess ħin għarafna l-bżonn tal-ħin u l-ispazju tagħna biex nieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tagħna stess u nużaw l-enerġija tagħna biex noħolqu xi ħaġa għalina stess.
Tkellimna fuq il-fatt li kieku ma kienux it-“trabi” l-oħra, ix-xogħolijiet u n-negozji, konna niġġennu. Ikkumparajna u ddiskutejna l-irġiel tagħna, fuq kif dejjem ikunu hemm għalina u għat-tfal tagħna u l-importanza li jkollok relazzjoni tajba. Iddiskutejna kif bħala nisa għandna bżonn li nieqfu għad-drittijiet tagħna u niżguraw li s-sieħba tagħna jirrealizzaw li aħna biss hekk: is-sieħba tagħhom, mhux il-gwardjani tad-dar tagħhom, in-‘nannies’, il-prodotti tat-tindif u l-kokijiet personali tagħhom.
Iddiskutejna dwar kif is-sieħba tagħna iridu jkunu jafu li jekk ma jkunx hemm l-għajnuna tagħhom fit-trobbija tat-tfal u fit-temxxija tal-familja bħal ma dejjem għamlu, hija kważi mpossibli li n-nisa joħolqu xi ħaġa ġdida jew imexxu negozju.
Tkellimna fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u fuq kemm hi mportanti għan-nisa li jissapportjaw u jikkollaboraw ma nisa oħra, li jaħdmu flimkien u jirriklamaw lil xulxin – bħall ma dejjem għamlu l-irġiel.
Stajna nagħmlu sigħat nitkellmu, imma t-tnejn li aħna nisa bieżla u kellna appuntamenti oħra wara dan. Kemm nixtieq li kelli tifla żgħira biex nixtrilha lbiesi tal-marka ‘Gaia and Nina’! Imma t-tarbija tiegħi huwa tifel u għandu 22-il sena…kemm jikbru malajr!
Jekk għandek tifla żgħira li tħobb l-ilbiesi magħmula minn drappijiet fini, jew għandha bżonn libsa għall xi okkażjoni speċjali, żur is-sit ta Francesca https://gaiaandnina.com/collections/gift-vouchers u segwi ‘Gaia and Nina’ fuq https://www.instagram.com/gaiaandnina/.
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.