Share the love

confidence is sexy

Riċentament kont qed naqra kummenti nteressanti ħafna fuq Facebook fil-grupp Women for Women dwar kif aħna bħala nisa nistgħu inkunu aktar sexy. Stajt nara diversi kummenti bħal “jiena goofball”, “l-idea biss li nipprova nkun sexy ġġagħlni nitqalla”, u “kun kuntenta b’ dak li int”, “kollha kemm aħna għandna kapaċita’ nkunu sexy bil-mod uniku tagħna”.

Bħala tfajliet żgħar tgħallimna nassoċjaw il-kelma ‘sexy’ ma’ fatturi relatati mad-dehra tagħna – kif nidhru fiżikament, il-ħwejjeġ li nilbsu, il-‘makeup’ li nagħmlu, kemm aħna rqaq. Kultant nibdew naħsbu li jekk ma nidhrux bħal dawk il-mudelli li jidhru fuq rivisti tan-nisa ma nistgħu qatt inkunu tajbin biżżejjed. Madankollu r-riċerka turi li l-kunfidenza u l-istima tagħna nfusna huma iktar importanti minn dan kollu – li tħossok kuntenta bik innifsek hu relatat direttament ma kemm tħossok sexy u kemm tkun mixtieqa minn ta’ madwarek!

confidence is sexy

Pariri biex iżżid il-kunfidenza u l-istima tiegħek innifsek:

Ibdel l-idea tiegħek ta’ sbuħija. Tiffokax fuq it-tip ta’ sbuħija li tara fir-rivisti, imma fuq l-isbuħija ta’ ġewwa li tista tara f’ persuni li tammira, persuni ta’ vera.

Tbissem. Kollha kemm aħna nippreferu aktar persuni bi tbissima minn dawk li donnhom dejjem bin-nervi. Tbissima kapaċi ttik dehra aktar pjaċevoli. Apparti minn dan, meta titbissem awtomatikament terħi ormoni msejħa ‘endorphins’ – ormoni li jġagħluk tħossok aktar pożittiva – li b’ hekk iġagħluk tħossok aktar kuntenta bik innifsek!

Warrab dik il-mera. Meta tgħaddi ħin twil tħares lejk innifsek fil-mera għandek iċ-ċans li żżid l-anzjeta’ – iffoka fuq kif tħossok minn ġewwa aktar milli minn barra

Isma minn dak li jgħidlek ħaddieħor. Forsi vera li ma tħossokx komda b’ ċertu fatturi fiżiċi li għandek – madankollu dawk il-fatturi taf huma l-aktar fatturi li dawk ta’ madwarek jammiraw l-iktar fik. Tibżax taċċetta ‘feedback’ minn dawk li huma l-aktar qrib tiegħek u li tħoss li tista tafda.

Żomm saħħtek bħala prijorita’. L-eżerċizzju flimkien ma’ dieta sensibbli jgħinuk iġġib il-figura li tixtieq. Minbarra dan, saħħtek għandha effett pożittiv fuq l-istima tiegħek innifsek – li tħossok b’ saħħtek huwa tajjeb ħafna għalik!

Tqisx lilek innifsek biss fuq kif tidher. Qis lilek innifsek fuq il-kwalitajiet tiegħek, kif inti minn ġewwa u mhux minn barra. Iffoka fuq is-sabiħ kollu tal-personalita’ tiegħek, tar-relazzjonijiet u l-abbiltajiet kollha tiegħek – u fuq kif tħares lejn id-dinja. Ħafna drabi huwa aktar faċli tibdel partijiet minn dawn il-fatturi milli tibdel fatturi fil-wiċċ u fil-ġisem.

Sostni r-relazzjonijiet li jgħinuk tħossok kuntenta bik innifsek. Tinsab imdawwra b’ nies f’ ħajtek li kontinwament iġagħluk tħossok ħażin bik innifsek billi jipprovaw jiffukaw fuq kull aspett negattiv li possibilment jista jkollok? Warrab dawn it-tip ta’ relazzjonijiet u għaddi aktar ħin ma dawk il-persuni li minflok jgħinuk tagħraf is-sabiħ li għandek billi jtuk ‘feedback’ onest u aktar pożittiv.

Aktar eċitament fil-kamra tas-sodda. Li tagħraf dak kollu li jogħġbok u li jagħti pjaċir lilek u lill-partner huwa sexy. Erġgħu skopru l-ġisem ta’ xulxin, sibu ‘erogenous zones’ ġodda. Agħtu mportanza lill-intimita’ u sibu ħin biżżejjed għaliha. Esperimentaw b’ ‘sex toys’ u ‘lingerie’, oħolqu atmosfera intima permezz ta’ xemgħat, irwejjaħ aromatiċi u mużika. Sibu ħin għall-intimita’.  

Biex nikkonkludu, kun lesta biex taċċetta verżjoni ġdida tiegħek innifsek, verżjoni aktar sexy! Aktar ma żżid il-kunfidenza u l-istima tiegħek innifsek, aktar tħossok tajba, sexy, kif ukoll issaħħaħ ir-relazzjoni tiegħek ma dawk il-persuni l-aktar għal qalbek – dan nistgħu faċilment insejħulu ċiklu pożittivament virtuż!


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *