“Ipprattikajna l-meditazzjoni flimkien, u ‘mantras’ li bħala koppja ftehmna li nużaw waqt l-għawma ta’ Neil. Kelma, frażi, li kont ngħajjatlu waqt l-għawma tiegħu li kienet tfisser ħafna għat-tnejn li aħna. Mument li kien jieħdu f’’post’ li konna diġa’ esperjenzajna flimkien”.
“Emmint li l-baħar u l-annimali tal-baħar kienu se jipproteġu l-Neil”
Lara Vella
Lara Vella hija kampjonessa tal-għawm kif ukoll is-sieħba tal-attivist kontra t-tniġġis – Neil Agius. Riċentament Neil għam minn Sqallija sa Malta f’ħin rekord ta’ 28 siegħa, 7 minuti u 28 sekonda. Daniela Allen tkellmet ma’ Lara dwar l-esperjenza tagħha waqt l-għawma epika ta’ Neil li seħħet f’Ġunju tas-sena 2020, u s-sapport kontinwu tagħha lejh.
“Wegħdt il-Neil li se nkun miegħu tul l-esperjenza kollha, mill-bidu sa l-aħħar mument tal-għawma. U hemm kont”, stqarret Lara qabel ma bdiet tiddiskrivi l-mumenti differenti kif ukoll l-emozzjonijiet li esperjenzat waqt l-għawma.
”F’ mument partikolari kien hemm mument ta’ paniku fejn f’nofs ta’ lejl bejn it-3 u l-5 ta’ filgħodu fejn Neil beda jesperjenza għajja kbira…”
F’dan il-mument Neil daħal fi stat li Lara ddiskriviet bħala stat ta’ “konfużjoni mentali”, xi ħaġa li hi kif ukoll it-tim mediku li kien fuq id-dgħajsa qribu kienu qed jistennew.
“Kienu s-sigħat bikrin tas-26 ta’ Ġunju fejn jien ma stajtx nara l-Neil u hu ma setax jarani. Ma kien hemm l-ebda dawl jew viżibilta’ apparti ċ-ċinga ‘neon’ imwaħħla mal-‘goggles’ ta’ Neil li sempliċiment kieket iddawwal in-naħa ta’ wara ta’ rasu,” spjegat Lara. “Kien il-mument li l-mewġ beda jżid fil-qawwa tiegħu u t-temperatura tal-baħar kienet niżlet ġmielha – Neil beda jbati”.
Dak il-ħin, kull min kien fuq id-dagħjsa beda jipprova jiġbidlu l-attenzjoni, biex nuruh id-direzzjoni t-tajba – kollox kien għalxejn. Id-dieqa li tara lil Neil anke f’punt wieħed jgħum fid-direzzjoni opposta ma stajniex nifilħuha. Ma stajna nagħmlu xejn.
Sakemm f’ daqqa waħda ħadet il-kontroll tas-sitwazzjoni f’idejha Lara. Hija spjegat li l-unika ħaġa li setgħet tagħmel f’dak il-mument huwa li tgħajjat ismu (b’leħen għoli) bit-tama li Neil jisma leħinha waqt li kien qed jgħum fil-ħemda ta’ dak il-lejl.
“Minkejja l-fatt li konna qed nistennew li dan iseħħ, irrealizzajt li l-istat mentali ta’ Neil kienet qed jiddeterjora b’ rittmu mgħaġġel. Wara li għajjatt ismu kemm il-darba, huwa lemaħ l-għajnejja, ħarisli, u hemm qabad ir-rittmu fid-direzzjoni t-tajba.” Min dak il-ħin l’hemm, Neil baqa’ miexi b’pass stabbli – l-agħar kien għadda.
Wara li tkellimna fuq l-aktar mumenti diffiċli ta’ dik l-għawma, li jidhru biċ-ċar li għadhom vividi f’moħħ Lara, iddiskutejna wkoll il-preparazzjoni għall-għawma.
Il-preparazzjoni bdiet madwar tliet snin ilu, fejn Neil ħa d-deċiżjoni li jagħmel din l-għawma u beda jippjana l-isfida tiegħu għas-sena 2020. Ma kellu l-ebda idea li din is-sena d-dinja kienet se tiġi affetwata mill-COVID-19 u minħabba f’hekk is-sessjonijiet tat-‘training’ tiegħu kien se jkollhom jiġu limitati.
Imma l-COVID-19 ma rnexxilux iwaqqaf lil Neil. Lara ddeskriviet il-ġranet li fihom Neil kien iqum fis-siegħa ta’ filgħodu u jmur jgħum bil-lejl l-Għadira, waħdu, għal diversi drabi fil-ġimgħa.
Għalkemm minn kemm kienet ilha tafu Lara Neil kien dejjem iqum kmieni minħabba x-xogħol tiegħu bħala kowċ tal-għawm, din kienet xi ħaġa li sabet diffiċli biex tidra.
Kien hemm l-aspett nutrittiv għall-isfida ta’ Neil – li jżomm dieta sana kienet punt kruċjali. Neil kien jipprepara l-ikliet tiegħu stess – u anke ta Lara, “Neil huwa iċ-‘chef’ id-dar”.
Min-naħa l-oħra Lara ssapportjat il-benesseri psikoloġika tiegħu – ippreparatu mentalment għal dak li kien se jgħaddi minnu. Enfasizzat li 70% ta’ l-isfida tal-għawm kienet waħda mentali.
“Ipprattikajna l-meditazzjoni flimkien, u ‘mantras’ li bħala koppja ftehmna li nużaw waqt l-għawma ta’ Neil. Kelma, frażi, li kont ngħajjatlu waqt l-għawma tiegħu li kienet tfisser ħafna għat-tnejn li aħna. Mument li kien jieħdu f’’post’ li konna diġa’ esperjenzajna flimkien”.
Kien hemm mumenti fejn Lara kienet se ddoqq jew tkanta kanzunetta li t-tnejn kienu jafu tajjeb sabiex Neil ikun jista’ jismaha hekk kif ikun qed jaffaċċja l-mewġ ġej kontrih.
Lara tkellmet ukoll dwar l-imħabba li għandhom lejn l-Amerika Latina u s-safra lejn il Brazil li għamlu qabel il-COVID-19 laqat id-dinja. “Veru tgħallimna…fehemna x’jiġifieri r-rispett u li jkollok tama fil-baħar. Emminna li Neil kien se jkun sikur fil-vjaġġ tiegħu.”
It-tama għenet kemm lilha kif ukoll lil Neil biex jilħqu l-għan tagħhom. “Emmint li l-baħar u l-annimali tal-baħar kienu se jipproteġu l-Neil. Offrejna wkoll rigali lill-baħar bħala sinjal tal-gratitudni waqt l-għawma.
Wara dawk is-sigħat kollha fil-baħar, il-mument kien qed joqrob. Issa xejn ma seta’ jwaqqaf lil-Neil.
It-tim kollu li kien magħmul minn għoxrin persuna u li kien dejjem hemmhek biex jassisti lil Neil fl-aħħar kien se jara l-eroj tiegħu ilesti l-vjaġġ impressjonanti tiegħu.
Dak il-ħin Lara kienet qed tistennih fuq l-art, flimkien mal-ġenituri tiegħu. “L-aħħar kompitu kien li Neil jmiss is-sellum, jitilgħu u li jkun jista’ jqum bilwieqfa,” Hi spjegat li din kienet waħda mir-regulazzjonijiet tar-Rekord Nazzjonali.
Neil Agius huwa t-tieni persuna fir-rekord tal-istorja li għam bejn Sqallija u Malta. Huwa laħaq il-bajja tal-Balluta f’San Ġiljan fid-9.21 ta’ filgħodu, il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2020 wara li telaq minn Punta Braccetto f’Ragusa, Sqallijja filgħodu kmieni fil-25 ta’ Ġunju.
Lara fakkritni li Neil kien qal kemm il-darba li dan il-vjaġġ m’għamlux għalih innifsu iżda biex iqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis tal-baħar u biex jispira lin-nies biex jieħdu aktar ħsieb l-ambjent marittimu.
Huwa jmexxi l-moviment ‘The Wave of Change’ li jinkuraġġixxi lil kull persuna biex tiġbor tliet oġġetti taż-żibel kull darba li tmur fejn il-baħar, bl-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar. L-għawma tiegħu minn Sqallija sa Malta hija l-itqal sfida li qatt għamel, u Lara kienet dejjem ħdejh.
Aktar informazzjoni dwar dan il-moviment tista’ żżur il-paġna ta’ Facebook: Wave of Change Malta
Dwar l-Awtriċi
Daniela Allen hija ġurnalista freelance u konsulenta PR