Share the love

Il-ħsieb li aħna n-nisa Maltin m’għandna l-ebda dritt fuq ġisimna ġie aktar evidenti wara li l-qrati f’Malta, hekk kif ġie rrappurtat fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Women’s Rights Foundation’, waqqfu mara milli ssiefer għax l-għarus tagħha allega li kienet se ssiefer biex tagħmel abort – u dan m’huwa vera xejn!

Il-fatt li l-qrati aġixxew fuq dak li ġie allegat u dlonk neħħewlha d-dritt tal-liberta’ tal-moviment, huwa bla raġuni, perikoluż u jistabbilixxi preċedent tal-biża’. Dan ifisser li jekk jien nissuspetta li xi ħadd qed jagħmel xi ħaġa, nista’ kemm immur għand il-pulizija u ngħidilhom li eżempju, Joe Bloggs għandu jiġi miżmum għax jien ċerta li se jmur Amsterdam biex ipejjep il-ħaxixa (meta nkun qed ngħidilhom hekk għax jien ma jogħġobnix dan ir-raġel u nixtieq naqlagħlu l-inkwiet) – u l-pulizija jiddeċiedu li jeħdulu l-passaport, iwaqqfuħ u jfittxuħ bil-qorti.

Sa fejn naf jien, sakemm persuna ma tkunx ikkommettiet xi llegalita’, ma tistax tiġi miżmuma fuq xi ħaġa li tista’ possibilment tagħmel f’pajjiż ieħor legalment. Il-kunċett li meta aħna n-nisa nkunu tqal naqgħu taħt il-ħniena tal-istat u ma jibqagħlniex kontroll fuq is-saħħa mentali u fiżika tagħna, hija xi ħaġa li għandna nibżgħu minnha, kemm jekk tkun raġel, mara, ‘pro-life’ jew ‘pro-choice’.

Dan jista’ jiġri li kull waħda minna, lil ħutna, lill-kuġini u lill-uliedna. Fejn se tinqata’ linja? Jista’ xi ħadd jaqbad jgħajjat il-kelma abort, u nispiċċaw il-ħabs għal 9 xhur sħaħ biex imbagħad jeħdulna t-tarbija u din tispiċċa propjeta’ tal-istat? Nistgħu niġu sfurzati biex ma nsiefrux waqt li nkunu tqal, anke mal-‘partners’, għax ikun hemm riskju li b’xi mod inweġġgħu lit-tarbija tagħna?

Forsi f’dak il-każ m’għandniex inħallu n-nisa jaħdmu, jixorbu jew jagħmlu l-eżerċizzju. Jekk in-nisa qed jiġu trattati bħala inkubaturi, mingħajr il-kapaċita’ mentali neċessarja biex jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għalihom infushom u għal uliedhom – allura kif nistgħu inkunu tajbin biżżejjed biex inrabbu ġenerazzjonijiet futuri fejn it-tfal ikunu stabbli biżżejjed u b’saħħithom mentalment?

Forsi hawnekk tintlemaħ il-problema għala pajjiżna jinsab fi kriżi. Dan il-pajjiż qed jiġi mmexxi minn irġiel b’ nuqqas ta’ kapaċita’ li x’aktarx ġew imrobbija minn nisa bla ebda awtorita’ fil-familji tagħhom li kellhom jagħmlu dak kollu li jgħidulhom f’din is-soċjeta patrijarka. Soċjeta’ li ma tagħtix valur mistħoqq lin-nisa hija soċjeta’ bla saħħa li fl-aħħar mill-aħħar mhux se tesperjenza progress u ma tistax timxi l-quddiem iżda tkompli tibqa’ timxi fuq il-medjokrità.

Jekk inħobbu l-Malta u nagħtu kas fuq il-futur tagħna u dak ta’ uliedna, irridu nifhmu li l-futur għandu bżonn jara aktar nisa fil-parlament, u fil-pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet u r-regoli. Dan jista’ jseħħ biss jekk aħna jkollna kontroll assolut fuq ġisimna, għax jekk ma jkollniex dan, qatt ma nistgħu nesperjenzaw l-awtorita’ li jistħoqqilna.

Segwi l-istorja hekk kif qed tisvolġi fuq il-paġna ta’ Facebook Women’s Rights Foundation


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *