Share the love

Il-ħajja dan l-aħħar saret pjuttost stramba; f’dak kollu li nagħmlu qed ikollna naddattaw ruħna għall-istess post u spazju. Kull kamra f’darna saret il-post tax-xogħol, ta’ diskussjonijiet, ta’ divertiment, fejn nattendu lekċers, nieklu u nitkellmu.

Xi koppji qed jużaw dan iż-żmien biex jerġgħu isaħħu r-relazzjoni tagħhom, u jqattgħu aktar ħin flimkien bħala familja. Madankollu, koppji li diġa’ kellhom xi problemi eżistenti bejniethom mhux isibu dan iż-żmien daqshekk faċli. Ġenituri, speċjalment dawk li għandhom tfal pjuttost żgħar, qed iħabbtu wiċċhom ma sfidi emozzjonali ġodda, kemm dawk li qed jesperjenzaw huma, kif ukoll dawk t’uliedhom.

Bl-istess mod li bih il-pandemija affettwatilna kull aspett ta’ ħajjitna, setgħet affettwat ukoll il-ħajja sesswali tagħna b’mod sostanzjali. Xi koppji użaw l-intimita’ sesswali biex jistabbilixxu ċertu sens ta’ normalita’ fi żmien fejn ħafna affarijiet m’humiex bħas-soltu. Min naħa l-oħra, koppji oħra esperjenzaw nuqqas t’intimita’ sesswali, speċjalment dawk b’livelli aktar għolja t’ansjeta’ u nuqqas ta’ kontroll fuq is-sitwazzjoni preżenti.

Fi żmien daqstant stressanti u bla rutina ta’ xejn, tkun idea tajba jekk is-sess ikun ippjanat. Il-maġġoranza ta’ terapisti sesswali jirrakkomandaw skedar ta’ sess anke fi żminijiet mingħajr kwarantina, speċjalment fejn wieħed jew iż-żewġ partners ikunu għaddejjin minn perjodu ta’ għajja jew stress. F’dan iż-żmien, jekk tkun ġenitur, hemm ċans kbir li t-tfal qed ikunu d-dar iktar mis-soltu, għalhekk, forsi hemm inqas ċans u privatezza għal intimita’ sesswali.

Pariri prattiċi għal intimita’ sesswali waqt li t-tfal ikunu d-dar:

  • Ikkomunika: Il-komunikazzjoni hija mportanti f’kull relazzjoni. Poġġu bilqiegħda u ddeċiedu dwar il-frekwenza tas-sess, u jekk ikun hemm bżonn ibbukkjaw ħinijiet fuq il-kalendarji rispettivi tagħkom.
  • Kunu nnovattivi u kreattivi: Ipprovaw l-użu ta’ ‘sex toys’ (jekk it-tnejn li intom tħossukom komdi dwar dan) u pprovaw agħmlu ħilitkom biex tikkrejaw atmosfera intima madwarkom.
  • Sakkru l-bieb tal-kamra tas-sodda: B’hekk it-tfal ma jidħlux fuqkhom bla ħsieb. Itfgħu xi ftit tal-mużika romantika. Kunu ċerti wkoll li t-tfal jinsabu distratti u okkupati b’xi attivita’ li tirrikjedi attenzjoni. Jew inkella sibu ħin fejn kulħadd ikun daħal fis-sodda u li d-dar tkun bla ebda distrazzjoni.
  • Ġenituri ‘single’ kif ukoll dawk li bħalissa jinsabu bogħod mill-partners tagħhom jistgħu jużaw mezzi onlajn għas-sess, bħal ‘sexting’ u ‘facetime’. Ovvjament huwa dejjem importanti li tikkonsidraw miżuri ta’ sigurta’ fejn jidħlu pjattaformi onlajn.
  • Kunu flessibbli: Jekk fid-data li tkunu ppjanajtu tħossukom wisq għajjenin jew stressjati biex ikollkom x’taqsmu sesswalment, minflok użaw dan il-ħin biex tkunu intimi bejnietkom b’modi oħra. Kunu hemm għal xulxin, araw xi film flimkien jew tgħannqu xi ftit iktar qabel torqdu.

Għalkemm dawn iż-żminijiet huma pjuttost diffiċli u strambi, tajjeb li nieħdu din l-opportunita’ biex inkunu xi ftit aktar ġentili magħna nfusna u ma ta’ madwarna, kif ukoll nerġgħu niskopru lil xulxin b’modi differenti.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *