Share the love

it-telfa u n-niket

It-telfa u n-niket li nistgħu nesperjenzaw f’relazzjoni intima tagħna kapaċi jkunu diffiċli ferm. Li ttemm relazzjoni intima hija difficli, anke meta nkunu aħna stess li nieħdu din id-deċiżjoni. It-telfa tal-preżenza fiżika tal-persuna, it-telfa tar-rutina, it-telfa tal-esperjenzi flimkien u wkoll xi kultant, it-telfa ta’ memorji sbieħ… Ħafna drabi meta nitilfu persuna li kienet importanti f’ħajjitna nistgħu ninsew il-problemi u d-diffikultajiet li wassluna għal dik d-deċiżjoni u niffukaw fuq dak li kien tajjeb biss. Għall-ewwel jiem, ġimgħat u anke xhur wara s-separazzjoni, nistgħu nesperjenzaw bħal donnu vojt ġewwa fina, jew toqol u dell tqil li jsegwina kull fejn immorru.

It-telfa twassal għal uġiegħ emozzjonali u għalhekk huwa normali li tipprova tevita dan l-uġiegħ fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum. Minħabba f’hekk tista’ ssib lilek innifsek tagħmel dak kollu li tista’ biex trażżan dan l-uġiegħ, kif ukoll tipprova taljena rasek. Dan il-proċess emozzjonali jista’ jikkawża għajja u jwaħħalna f’post fejn ma nkunux nistgħu nibqgħu nimxu l-quddiem. Tispiċċa bħallikieku maqbuda fi ħsibijiet bħal “kieku forsi smajt aktar konna nibqgħu flimkien”, “kieku ħdimt anqas forsi kien jirnexxielna negħlbu d-diffikultajiet tagħna”.

In-niket huwa rispons naturali għat-telfa. Riċerka riċenti tissuġġerixxi li n-niket mhux dejjem juri ruħu bl-istess mod. F’ġurnata waħda kapaċi tesperjenza emozzjonijiet varji bħal rabja, dwejjaq, aċċettazzjoni, niket, rimors, ħtija, biża’u frustrazzjoni. Jiġu ġranet b’mumenti sbieħ u oħrajn fejn in-niket inħossuh aktar mis-soltu għax nagħmlu ġurnata niftakru fil-persuna li tlifna.

X’jista’ jgħinna nkampaw meta nesperjenzaw telfa ta’ persuna li kienet importanti għalina?

Żomm rutina regolari:

Li żżomm rutina regolari hija mportanti ħafna. Ħu xawer filgħodu, kul il-kolazzjon favorit tiegħek u mur mixja. Żomm ir-rutina tiegħek mid-dar jew l-uffiċċju. Agħmel dawk l-attivitajiet li jgħinuk toħloq struttura fil-ġurnata tiegħek kif ukoll li jtuk sens ta’ normalita’.

Poġġi lilek innifsek l-ewwel:

Huwa mportanti li meta nkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli, nagħtu ftit spazju lilna nfusna biex inkunu nistgħu infiequ emozzjonalment. Għal xi wħud jgħin it-talb jew meditazzjoni, għal oħrajn li jkunu fil-kampanja jew ħdejn il-baħar. Ktieb tajjeb jew film jew serje fuq it-televiżjoni jistgħu jgħinu biex naljenaw ruħna xi ftit. Importanti li nsibu ħin għalina nfusna biex nkunu nistgħu nfiequ u nistrieħu xi ftit.

Naċċettaw is-sens ta’ telfa:

Meta nitilfu l-xi ħadd li nħobbu nistgħu nħossu l-bżonn li nwarrbu dawk l-emozzjonijiet qawwija ta’ dwejjaq u ansjeta’ li nkunu qed nesperjenzaw. Xi kultant it-tentazzjoni tista’ tkun li niżvugaw f’ikel jew xorb eċċessiv, nagħmlu użu żejjed tal-midja soċjali, jew inqattgħu ħin eċċessiv fuq ix-xogħol…fi ftit kliem nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninsew l-uġiegħ emozzjonali tagħna.

Li naċċettaw it-telfa tista’ tgħinna nimxu pass il-quddiem lejn il-fejqan. U għalkemm meta nkunu qed ngħixu din l-esperjenza nistgħu naħsbu li dan l-uġiegħ emozzjonali se jkun għal dejjem, ir-realta’ hi li dan l-uġiegħ biż-żmien jgħaddi wkoll.


Esperjenzajt it-telfa u n-niket f’relazzjoni intima inti wkoll? Jekk tixtieq taqsam l-esperjenza tiegħek magħna ikkuntattjana jew bgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Comments are closed, but trackbacks and pingbacks are open.