Share the love

Ma niftakarx eżatt il-punt li fih sirt ‘pro-choice’, iżda niftakar meta ġejt konxja tal-pożizzjoni tiegħi bħala mara.

Niftakar sitwazzjonijiet ta’ sesswalizzazzjoni sa minn kmieni ħafna fil-ħajja. Ta’ 9 snin niftakarni nimpika miegħi innifsi biex inġorr 6 siġġijiet f’daqqa bil-frustrazzjoni li ħassejt fija meta xi ħadd qalli li ‘subien b’saħħithom’ biss jistgħu iġorru s-siġġijiet. Ta’ 11-il sena jien u miexja biex naqbad tal-linja niftakar xufier ta’ trakk ipaqpaqli u jgħajjatli ‘sex’…l-ewwel minn ħafna episodji simili. Ta’ 19-il sena ġejt imsejħa ‘tomboy’ f”interview għal xogħol minħabba li m’aċċettajtx li nagħmel il-‘makeup’ u nilbes it-takkuna għax-xogħol. Kien hemm ħafn’ aktar sitwazzjonijiet simili li ma kienx ikun denju li nibqa’ niftakar fit-tul.

Dawn il-ħafna sitwazzjonijiet ‘żgħar’ bnew sentiment wieħed kbir: rabja. Rabja għax jien mara. Rabja għas-sistema patrijarka li twelidt fiha, għar-reliġjon, għal politiċi, għad-dinja: din ir-rabja inbidlet f’mod li bih stajt inkampa ma l-inġustizzji ta’ madwari.

Jien u nikber tgħallimt dwar l-orrur relatat ma dak li verament ifisser li tkun mara f’dan il-pajjiż. Minn differenza kbira fl-ammont ta’ paga bejn il-ġeneri differenti għal nuqqas komplet t’awtonomija fuq il-ġisem, il-mod li bih is-sistema taħdem fil-konfront ta’ vjolenza domestika li ħafna drabi tiffavorixxi lil dawk li jkunu abbużivi, astinenza bl-iskuża ta’ edukazzjoni sesswali, kontraċettivi jiswew ħafna, il-mod li bih ninnormalizzaw li n-nisa/tfal ikunu tqal, poverta’ relatata mal-menstrwazzjoni, rata għolja ta’ vjolenza domestika…u l-lista tkompli.

Ir-rabja fija li kienet dejjem tikber kelli nara kif nużaha fit-tajjeb hekk kif bdejt nara li billi nargumenta ma ħbieb u familjari ma kontx qed nagħmel differenza: ħassejt il-bżonn li nesperjenza x’jiġifieri toħloq differenza f’ din is-sistema soċjali kontra n-nisa. Għalhekk, ta madwar 20 sena iddeċidejt nidħol b’ruħi w’ġismi fil-moviment ‘pro-choice’.

Ħsibijieti kienu li wara kollox, jekk ma jkollniex struttura f’postha li tissapportja l-vittmi ta’ vjolenza domestika, jew ġustizzja għal vittmi ta’ stupru (anke jekk dawn ikunu tfal) almenu l-inqas li Malta tista’ tagħmel hu li tħalli d-drittjiet riproduttivi f’idejn in-nisa billi tagħti aċċess għall-abort bħal kull pajjiż ieħor membru tal-Unjoni Ewropea. Bil-mod li bih kont qed nara s-sitwazzjoni jien, il-Gvern stess qed jikkommetti vjolenza kontra n-nisa billi jġiegħlhom ibagħtu l-konsegwenzi kollha huma.

Minn hemm il-quddiem, bħala membru tal-Young Progressive Beings, bdejna noħolqu għarfien u nċaqalqu l-ilma qiegħed f’konverżazzjonijiet waqt ikliet ta’ bosta Maltin. Poġġejna fit-toroq u tkellimna ma nies ġejjin minn oqsma differenti, uħud b’suċċess u ħafn’oħrajn b’falliment. Madankollu, ma kull darba bdejna naraw il-falliment jonqos, u aktar nies bdew ikunu lesti jisimgħu il-vuċijiet tagħna. Kull meta kien jiġri dan konna naraw li suċċess wieħed kien ipatti għal kull falliment.

Mexxejna dimostrazzjonijiet f’diversi okkażjonijiet, madankollu, dimostrazzjoni partikolari li seħħet dis-sena ħalliet impatt sew. Din id-dimostrazzjoni għamilniha fil-każ li seħħ il-Qorti fejn mara tqila, vittma ta’ vjolenza domestika, ittiħdilha l-passaport minħabba li r-raġel li kien jabbuża minnha allega li kienet se ssiefer biex tagħmel abort barra minn Malta. Dan il-każ kif ukoll kull individwu responsabbli mit-teħid tal-passaport ta’ din il-mara, wera biċ-ċar il-misoġinija li għandna f’pajjiżna, inkluż fl-istituzzjonijiet tagħna. L-ewwel nett, din kienet vittma t’abbuż, iżda f’dan il-każ ġiet trattata bħala kriminali fuq bażi ta’ xi ħaġa kompletament legali hawn Malta. It-tieni, l-att li fih ġie kkonfiskat il-passaport tagħha jimplika li min kien abbużiv fil-konfront tagħha huwa sors aktar affidabbli minnha, rigward l-affarijiet personali tagħha. Ovjament bħala organizzazzjoni (YPB) kien imperattiv għalina li nieħdu azzjoni mmedjata. Ma kull ġurnata li fiha hi kienet se tibqa’ ostaġġ, ksur ta’ numru ta’ drittijiet fundamentali umani kienu qed jiġu aċċettati. Għalhekk għamilna diversi kitbiet u sinjali, u poġġejna barra l-Qorti bi protesta, fejn tlabna li jiġi rilaxxat il-passaport tagħha, waqt li wiegħdna li ma kull ġurnata li s-sitwazzjoni tibqa’ l-istess, aħna konna se nerġgħu nagħmlu l-istess.

Fi żmien 24 siegħa rċeviet id-dokumenti tagħha lura.

Dan l-inċident immanifesta l-poter ta’ l-immobilizzazzjoni, kif ukoll il-bżonn kbir għalih f’Malta. Minn protesti żgħar fuq l-imwejjed ta’ l-ikel, għal dimostrazzjonijiet kbar, YPB kien attiv b’mod konsistenti għal aktar minn sena, fejn sfida fatti bla bażi li ilhom aċċettati żżejjed mill-popolazzjoni Maltija.

Wara xi żmien naħdem f’dan il-qasam, irċevejt messaġġ minn ħabiba miflija b’rabja u kkargata biex tiġġieled din il-ġlieda siekta fuq ġisem il-mara. Bħali kienet frustrata minħabba s-sitwazzjoni, u bħali xtaqet mod produttiv biex tieħu azzjoni. Flimkien ħlaqna pjan biex niġbru stejjer ta’ nisa Maltin li soffrew minn din il-ġlieda kontra l-abort f’pajjiżna, kif ukoll il-ħsibijiet ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jemmnu li l-kura tal-pazjenti tagħhom qed tiġi mfixkla, kif ukoll ittra ndirizzata lid-‘decision makers’. Minn din il-konverżazzjoni ma Laura Paris, tfasslet kampanja t’esperjenzi rigward id-drittijiet riproduttivi msejħa “Dear Decision Makers”.

Minn dik il-konverżazzjoni l-hawn ġbarna madwar 50 esperjenza bl-għajnuna ta’ Break the Taboo Malta, fejn użajna ‘portal’ anonimu biex ġbarna dawn l-istejjer. Irċevejna stejjer minn nisa differenti, kollha b’ħaġa waħda komuni: nuqqas t’awtonomija fuq ġisimhom. Minn ħadid ta’ spallieri sa abbuż ta’ pilloli, is-sitwazzjoni hija totalment differenti minn kif qed tiġi mpinġija mill-moviment ‘anti-choice’. Apparti l-għafsa ta’ qalb li nħossu meta naqraw dawn l-esperjenzi, nemmnu li huwa neċessarju niġġieldu dan u naslu għal ħaġa akbar: il-politiċizzazzjoni tal-ġisem tal-mara. Għal dan il-għan inħossuna grati ħafna għal kull mara u persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li qed isibu l-kuraġġ biex jikkontribwixxu lejn id-dokument tagħna.

Waqt li dan ix-xogħol itina sodisfazzjon kbir, warajħ hemm sfidi kbar ukoll. Theddid, insulti u kummenti jiġru warajna kullimkien. Mhux l-ewwel darba li ritratti ta’ wiċċna jitfaċċaw fuq il-paġni ta’ Facebook relatati ma movimenti ‘anti-choice’. Ġejna mgħajjra nazzisti, satanisti, u dak kollu li jaqa’ fl-istess tip ta’ listi. Madankollu ma nistax naħseb dwar komunita’ li toffri aktar sapport bħal ma joffri l-moviment ‘pro-choice’. Din l-esperjenza rregalatni bi ħbieb tal-qalb u memorji mill-isbaħ, kollha kemm huma b’relazzjoni mal-ġustizzja soċjali.

Tixtieq tingħaqad magħna f’din il-ġlieda? Ikkuntattja lill-Young Progressive Beings hawn: [email protected].

Tixtieq taqsam xi storja ma “Dear Decision Makers”? Żur il-link: https://docs.google.com/forms/d/1U-EIeQyaAA6eagta57_ZS0k9k8feWL0KoUlRTNbR7B0/viewform?edit_requested=true 


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *