Dejjem ammirajt ‘trail blazers’ u nisa li jiksbu suċċess f’żoni jew negozji ddominati mill-irġiel. Ovjament il-mara wara l-‘brand’ ta’ Mvintage m’hija l-ebda eċċezzjoni, u għalhekk xtaqt insir naf aktar dwar Krystle Penza: il-mara wara din il-‘brand’ Maltija. Li toħloq ‘brand’ mhix xi ħaġa ħafifa, anzi tirrikjedi dedikazzjoni, viżjoni, determinazzjoni u kapaċita’ b’saħħitha għal teħid ta’ deċiżjonijiet relatati man-negozju.
Meta ltqajt ma Krystle Penza ħassni qisni qed niltaqa’ ma’ idolu tiegħi: kelli għajnejja jixegħlu bl-ammirazzjoni li esperjenzajt f’ dak il-mument.
Poġġejna fil-kafetterija ta’ Mvintage fil-maħżen ewlieni tagħhom fl-Iklin. Ħassejtni qisni ltqajt ma’ ikona lokali, imma fl-istess ħin ma’ ħabiba li donni kont tlift snin ilu. Dlonk ħassejtni miġbuda lejha u fi ftit minuti sirna nafu ħafna affarijiet fuq xulxin għax ħassejna lilna nfusna komdi naqsmu esperjenzi personali li ġraw fil-passat f’ħajjitna. Iddiskutejna kemm hi diffiċli għall-mara biex tirnexxi mingħajr għajnuna jew sapport, speċjalment f’ każ ta’ ommijiet waħedhom.
Fil-fatt Krystle kibret f’familja b’ġenitur wieħed, waqt li jien stess għamilt żmien bħala single parent, u b’hekk sibna ħafna x’ngħidu fuq din is-sitwazzjoni.
Tkellimna fuq kemm nemmnu fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-importanza ta’ mudelli b’saħħithom u rwoli femminili fis-soċjetà, fuq nisa jissapportjaw lil nisa oħra u fuq kemm hija importanti għalina l-familja, imma fl-istess ħin dwar l-importanza li jkollna karriera u li nżommu moħħna dejjem okkupat.
Għalkemm Krystle hija l-moħħ ta’ wara din il-‘brand’, Mvintage huwa negozju tal-familja, u r-raġel tagħha Gordon jidentifika ruħu bħala l-akbar ‘fan’ ta’ Krystle u jmexxi l-aspett kummerċjali tan-negozju. It-tifla tagħhom Francesca tagħmel parti mill-uffiċju ta’ Krystle u ġeneralment tinstab tpenġi jew tistudja fuq il-mejda t’ommha bil-kelba gustuża u brava tagħhom – Honey – maġembha.
Illum il-ġurnata għandhom erba’ ħwienet ta’ Mvintage madwar Malta, u aktar minn 60 ħaddiem – nista’ nimmaġina kemm hi tqila li tinvesti daqsekk ħin, enerġija u flus f’impriża daqs din. Xtaqt inkun naf x’jgħin lil Krystle timxi l-quddiem u liema karatteristiċi taħseb li xi ħadd għandu jkollu biex jimxi l-quddiem bl-istess mod. Krystle aċċettat li taqsam ftit tal-ħin prezzjuż minn tagħha biex tgħin, tagħti s-setgħa u tispira nisa żgħar oħra.
Francesca: Krystle, għidilna ftit kif bdejt u x’kienet il-viżjoni li għenitek biex tirrealizza l-ħolma tiegħek?
L-ewwel ħaġa li rrid nibda biha hija li ngħidlek kemm nammira LILEK bħala mara. Nammirak għax għaddejt minn tbatija u sfidi iebsa ħafna fil-ħajja. Nammira l-fatt li inti dejjem irnexxielek tibqa’ b’saħħtek għal familtek kollha u aktar minn qatt qabel qed tiddedika lilek innifsek biex tgħin lil ħaddieħor.
Nispera li tirrealizza li dak li qed tagħmel huwa xi ħaġa veru ammirabbli. Qed taħdem għal kawża nobbli ħafna. Inti l-ewwel mara f’Malta li għaqqdet lin-nisa kollha f’daqqa; inti kkontribwejt għall-idea li bħala nisa għandna kollha naħdmu flimkien u ngħollu lil xulxin il-fuq, għax nifhmu lil xulxin aħjar; li kollha kemm aħna ngħaddu minn mumenti tad-dwejjaq u li bis-saħħa t’hekk ħafna nisa qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u fl-istess ħin jagħtu tama lil nisa oħra mill-pjattaforma tiegħek.
Inti ħlaqt post biex tgħin lin-nisa f’ aspetti differenti, inklużi emozzjonalment u finanzjarjament. Inti r-‘role model’ tiegħi, persuna li nammira u li timmotivani nibqa’ b’saħħti kuljum għall-familti, għan-negozju u għall-għan tagħna.
Immorru għall-mistoqsija tiegħek: għalija kollox beda meta kont tqila b’Francesca; nemmen li f’ dak iż-żmien għall-ewwel darba f’ħajti moħħi beda jaħseb fuq dak li rrid mill-ħajja. Il-maternita’ m’għamlithilix faċli, imma fl-istess ħin kienet il-forza ewlinija li għenitni nimxi l-quddiem; Ħassejt li ridt noħloq wirt għat-tifla tiegħi u xtaqt ukoll li t-tifla tiegħi tkun kburija bija.
Francesca: Min jew x’kien li ispirak, u min kienu ir-‘role models’ tiegħek int u tikber?
Żgur u mhux forsi li l-aktar persuna li ispiratni f’ ħajti kienet ommi. Hija l-moħħ wara l-kreazzjoni ta’ żewg nisa b’saħħithom ħafna: jien u oħti. Kelli żraben kbar x’nimla għat-tifla tiegħi. Ommi għallmitna s-sopravivenza: biex inxammru l-kmiem u naħdmu għal kull ħaġa li rridu fil-ħajja u fuq kollox jien xortija tajba li għallmitni l-imħabba u r-rispett.
Francesca: Irid ikollok ħafna flus biex tibda? Jew huwa biżżejjed li taħdem fuq pjan tajjeb u idea tajba?
Personalment bdejt b’ħamest’ elef fi tfaddil imma tlifthom minħabba deċiżjoni ħażina fil-bidu. Imbagħad għamilt dak li dejjem kont mgħallma nagħmel: niġbor l-irmied u nerġa’ nqum fuq saqajja. Kulħadd ħaseb li qed nitlef moħħi Fran, imma biż-żmien kelli nies li emmnu fija u fl-ideat tiegħi biex akkwistajt l-ammont ta’ fondi meħtieġa.
Il-frażi ‘li taħdem ħafna’ hija sottovalutata fir-realta’; trid taħdem ħafna ħafna aktar milli wieħed jaħseb. Irid ikun hemm id-determinazzjoni u l-passjoni f’dak li nagħmlu. Iva, trid tkun taf xi tkun qed tagħmel, u jrid ikollok pjan għan-negozju tajjeb. Dan hu neċessarju biex takkwista l-kunfidenza u toħloq viżjoni fit-tul.
Francesca : Akkademikament kont studenta tajba fl-iskola? Jew kont tidentifika ruħek aktar bħala studenta artistika?
Minħabba l-problemi li kelli fil-ħajja privata tiegħi, jien kont waħda mill-agħar studenti akkademikament, u l-arti kienet linja li ma stajtx nieħu għax ommi kienet dejjem tgħallimna li l-arti ma kinitx se tipprovdili biżżejjed flus fil-ħajja. Illum bħala omm li tixtieq tgħallem lil bintha biex issir indipendenti u b’saħħitha, nifhem eżatt x’riedet tfisser. Dak iż-żmien il-ħajja kienet differenti, l-opportunitajiet kienu limitati u ma riditx tieħu ċans li nfalli! Eventwalment għażilt nistudja l-arti fi skola privata għal ftit taż-żmien, u nħossni fortunata li llum Mvintage itini ċ-ċans nesprimi n-naħa kreattiva tiegħi.
Biż-żmien, bdejt nerġa’ nqum fuq saqajja u fl-aħħar ġejt mogħtija premju għall-aħjar prestazzjoni u kisba matul is-snin fl-Universita’. Finalment gradwajt fil-‘manegement’ bħala l-aqwa studenta, u dan tagħni ħafna kunfidenza u għallimni li jiena tajba biżżejjed biex nakkwista kull ħaġa li moħħi jagħżel li jrid jakkwista.
Francesca: X’ parir tixtieq tagħti lil nisa żgħażagħ oħra li għadhom jibdew jew imħajrin jibdew negozju iżda m’għandhom l-ebda idea minn fejn jibdew?
In-negozju huwa minnu nnifsu riskju kbir. Taħdem kemm taħdem xorta tkun qed tissogra kuljum… ħares lejn dis-sena 2020! Fid-dawl ta’ dan inwissihom biex ikunu nteliġenti, jippjanaw sew u jikkalkulaw in-numri minn qabel biex ikunu protetti sew. Jekk qed tinvesti u qed teħodha bis-serjeta’, mela aħdem fuq xi ħaġa differenti milli qed jipproponu nies oħra u dejjem ibqa’ leali lejn min int u lejn il-klijenti tiegħek.
Lit-tfajliet żgħar nagħtihom parir biex l-ewwel jibnu l-esperjenza, jitgħallmu mill-kbar fin-negozji tal-interess tagħhom, u jifhmu verament x’jiġifieri li jkollok negozju.
Francesca: Jien nemmen ħafna fis-‘self-care’ u ‘self-preservation’. Bħalissa l-Covid-19 poġġa pressjoni żejda u mhux prevista fuq ħafna negozji. Kif taffronta l-istress u x’inhi l-ħaġa li ttaffilek il-pressjoni? Fi kliem ieħor, Krystle kif tieħu ħsieb lil-Krystle?
Onestament ma tantx għandi ħin għalija nnifsi, imma meta jkolli ċ-ċans nieħu gost immur xi mixja mal-kelba, jien biss, il-kelba u l-ħsibijiet u xejn aktar.
Francesca: Jien bdejt naħdem ta’ eta’ żgħira. Il-ġenituri tiegħi qatt ma mlewni b’oġġetti materjali, u dejjem kelli naqla’ l-flus tiegħi stess u nixtri l-affarijiet għalija nnifsi. Madankollu, ħa nkun onesta’, illum xorta għadni nsibha bi tqila biex nixtri xi ġojjellerija għalija nnifsi…. qisni nħossni ħatja… u minħabba li hija xi ħaġa ta’ lussu u mhux ta’ bżonn, rari nixtri affarijiet għalija nnifsi. Dejjem nixtri l-ġojjellerija għal ħaddieħor bħala rigal imma għalija nnifsi qatt. Kif jista xi ħadd bħali jbiddel dan ir-raġunament? Ċerta li hemm nisa oħra li jħossuhom l-istess.
Nifhmek perfettament Fran! Kelli l-ewwel xogħol tiegħi ta 14-il sena! Personalment inħobb xogħol ta’ disinjaturi bħal Chanel li kieku nitħajjar nixtri iżda nagħraf li xorta finalment ma’ jagħmlunix ferħana. Nista’ ngħix bihom jew mingħajrhom.
Imma għalkemm ngħid hekk, ma jfissirx li jien ma ħaqqnix nagħti rigal lili nnifsi u nixtri xi ħaġa għalija biex inħossni tajba. Ħadt snin biex wasalt għal dan ir-raġunament u din tinstema tad-daħk; fir-realta’ hija tad-daħk!! Naf li ħafna jifhmuni fuq din għax jistgħu jirrelataw miegħi imma dejjem ħassni ħażin li nonfoq il-flus fuqi nnifsi għax f’moħħi dejjem kien ikun hemm xi ħaġa li kienet aktar importanti minni.
Ħadt 35 sena biex irrealizzajt li dan kien ħażin. Aħna għandna nħobbu lilna nfusna u nkunu ta’ l-ewwel li nagħtu rigal lilna nfusna. Irridu nkunu aħna li naraw il-veru valur tagħna, nevalwaw u nferrħu lilna nfusna. Dan jagħmilna nies aħjar, nisa aħjar, nisa b’saħħitna, nisa b’ awtorita’.
Veru Krystle, għandek raġun. M’hemm xejn ħazin li nferrħu lilna nfusna u nixtru affarijiet għalina nfusna xi kultant, anke jekk tkun xi ħaġa żgħira. U issa li qed naħseb fuqha – li nisa jixtru ġojjellerija għalihom infushom huwa l-akbar simbolu ta’ awtorizzazzjoni … hmm naħseb veru ħaqqni nixtri l-inizzjali ‘F’ li ili nixtieq… anzi naħseb nixtri F,F u C u mmur – Naħseb ħaqqni 🙂
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.