Fit-teorija kollha kemm aħna nifhmu li, jekk eżempju għandi l-ġuħ u l-ħabiba tiegħi qed tiekol pakket krisps, għandi nsaqsiha qabel ma nieħu ftit u mhux naqbad indaħħal idi u nieħu.
L-istess japplika għal kunsens sesswali. Fit-teorija nifhmu l-kunċett li għandu jkollna l-ispazju personali tagħna u li nħallu biss nies li nafu u nafdaw jidħlu f’dan l-ispazju. Madankollu, jekk nixorbu ftit mhux ħażin, jew dawk ta’ madwarna jkunu qed ikunu intimi, hemm ċans li nħossuna pressati biex inkunu intimi aħna wkoll. Ma nitkellmux fuqha, ma niddiskutuhiex u ma nesplorawhiex, u hemm ċans li nispiċċaw nagħmlu xi ħaġa li nippreferu ma nagħmlux. Ukoll, meta nkunu xrobna xi naqra żejda nistgħu ninterpretaw xi avvanzi ta’ ħaddieħor b’mod ħazin.
Studji li seħħew fl-Universita’ ta’ Galway fl-Irlanda ffurmaw l-iżvilupp tal-qafas teoretiku, ‘SMART’ biex jispjegaw l-oqsma ewlenin tal-kunsens sesswali li għandna dejjem nikkunsidraw.
SMART huwa akronimu li jfisser:
S: L-orjentazzjoni Sesswali u l-‘gender identity’:
Il-kunsens irid jiġi rispettat indipendenti mill-orjentazzjoni sesswali u ‘gender identity’.
M: L-Istat tal-Moħħ:
Meta xi ħadd ikun jrid jagħti l-kunsens, għandu jkollu l-liberta’ biex jiddeċiedi. Li jaħseb b’mod ċar, mingħajr influwenza tal-alkoħol u d-drogi. Dan hu mportanti ħafna meta tkun se tagħti l-kunsens.
A: Kull forma ta’ intimita’ u Atti sesswali:
Mill-bews, u tmellis sa’ sess orali u penetrattiv.
Kunsens sesswali jrid ikun preżenti waqt l-att sesswali kollu u l-parteċipanti jisgħtu jiddeċiedu jieqfu u jirtiraw il-kunsens tagħhom f’kull punt tal-proċess.
R: Relazzjoni:
Il-kunsens sesswali jrid ikun preżenti kemm jekk tkun relazzjoni kommessa jew tkun waħda każwali.
T: Titkellem:
Il-kunsens jista’ jkun verbali u mhux verbali u jrid jiġi rispettat fiż-żewġ każijiet.
“Irridu nitkellmu fuq il-kunsens…mhux ħaġa daqshekk ‘sexy’… imma tista’ tgħinna biex nesperjenzaw sess aħjar…”
Nixtieq ninkuraġġikom biex taraw dan il-vidjow qasir ta’ ‘youtube’. Kien miktub, bi produzzjoni u direzzjoni ta’ studenti li jattendu l-Universita’ ta’ New York wara 18-il siegħa intervisti ma’ studenti u studenti gradwati minn New York City. Fl-opinjoni tiegħi, dan jagħti perspettiva vera nteressanti tal-kunsens u x’jgħin biex ikollna sess sodisfaċenti.
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn