Share the love

l-artista Martina Mifsud

L-artista Martina Mifsud esebixxiet pitturi personali ħafna tagħha nnifisha nuda f’Malta, fejn in-nudita’ għadha meqjusa bħala xi ħaġa pjuttost ambigwa.

Personalment ma jien tajba f’xejn relatat ma l-arti, ma nafx inpitter, niżfen, inkanta u lanqas ma jien tajba fl-isport. Niftakar li anke meta kont żgħira kont nemmen li Alla (meta kont għadni nemmen fl-eżistenza tiegħu) ma tani l-ebda talent. Għalhekk li nista’ nagħmel hu li napprezza lil dawk kollha li jagħrfu t-talenti tagħhom u jiżviluppawhom.

Meta Luisa, binti tar-rispett, bagħtitli ritratti t’esebizzjoni ta’ pitturi nudi tal-ħabiba tagħha, l-artista Martina Mifsud, ħassejtni intrigata minnufih. Dawn il-pitturi mhumiex biss sbieħ saħansitra għal min bħali mhux tekniku fl-arti. Li laqatni l-aktar kien il-kuraġġ ta’ din it-tfajla, kuraġġ kbir li permezz tiegħu għażlet li tesebixxi pitturi daqstant personali tagħha nfisha f’pajjiżna, pajjiż fejn in-nudita’ għadha ta spiss tiġi meqjusa bħala ħaġa ambigwa, u fejn li tgħum ‘topless’ għadu meqjuż bħala att kriminali.

l-artista Martina Mifsud

Ħadt din l-opportunita’ biex niltaqa’ ma l-artista Martina Mifsud. Hekk kif wasalt fejn konna miftiehmin niltaqgħu intbaħt minnufih bi tfajla żgħira li fakkrittni fl-espressjoni Maltija “l-essenza fil-fliexken iż-żgħar”. L-istatura ċkejkna u l-atteġġjament ħelu ta’ Martina ċertament jaħbu l-kunfidenza u l-għarfien ta’ din it-tfajla daqstant ispirattiva. Għalija li ma nifhimx daqshekk fl-arti, il-pitturi ta’ Tina huma sbieħ ħafna, iżda nagħżel li nħalli l-kritika artistika għall-esperti – ninsab ħerqana biex insir naf aktar dwar Martina, magħrufa wkoll mal-ħbieb tagħha bħala Tina.

Nibda billi nistaqsi lil Martina jekk inkunx korretta meta naħseb li hi jista’ jkun li hi l-ewwel artista f’Malta li qed tesebixxi arti tagħha nnifisha nuda. Tina tikkonferma dan u tgħidli li iva, sa fejn taf hi, l-ebda artista lokali apparti minnha għadha m’esebiet arti tagħha nuda qabel.

l-artista Martina Mifsud

Tina titkellem b’mod ċar dwar ir-raġuni li għaliha għażlet li tesprimi lilha nnifisha b’mod daqshekk kuraġġuż fl-arti tagħha. Permezz ta’ l-arti tixtieq tgħaddi messaġġ u toħloq konverżazzjoni. Tina tammetti li sentejn ilu batiet minn kundizzjoni msejħa ‘body dysmorphia’. Skond il-Mayo Clinic, ‘body dysmorphia’ hija kundizzjoni relatata mas-saħħa mentali li biha persuna ma tiqafx taħseb dwar dak li tara bħala difetti fl-apparenza tagħha, anke jekk dawn ikunu minimi jew ma jidhrux. Din il-kundizzjoni toħloq imbarazzament, mistħija u ansjeta’, u twassal għal nuqqas ta’ nvolviment soċjali.

Tina tgħidli “kont nevita lili nnifsi kompletament. Ma kontx inħares lejn ir-riflessjoni tiegħi: la f’mera jew f”camera’, u lanqas meta nkun għaddejja minn fejn xi ħġieġa…ma ridtx naffaċċja li niddiżappunta lili nnifsi bil-mod li bih kont nara lili nnifsi”.

l-artista Martina Mifsud

“Għaddejt madwar 5 xhur f’dan il-limbu, konfuża u mdejqa bija nnifsi”.

Il-fatt li dan kollu kien qed jaffettwaha b’mod daqstant negattiv dejjaqha sew lil Tina, speċjalment għax hi minn dejjem kienet kunfidenti, iżda xi kultant kelma negattiva jew kumment kritiku faċilment jitfagħna fi triq differenti. Hi għarfet li kellha tagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni tagħha. Riedet tħossha aħjar. U għalhekk bdiet tirriċerka dwar is-suġġett u hemm iltaqgħet ma tip ta’ terapija msejħa ‘exposure therapy’. Skond l-assoċjazjoni psikoloġika Amerikana, espożizzjoni għal dak li tibża’ minnu jgħin biex titnaqqas il-biża’ u l-evitar tiegħu. Hekk kif qrat dan, Tina ddeċidiet li tipprova turi lilha nnifisha kif tassew hi.

arti nuda

Tina bdiet billi ħadet ħafna ritratti tagħha nfisha għal perjodu ta sentejn, perjodu li fih il-piż tagħha kien varjat. “Ridt niddokumenta t-tibdil kontinwu li kien qed iseħħ f’ġismi”. Hi bdiet tieħu ritratti tagħha nfisha nuda f’pożizzjonijiet diversi li f’għajnejha kienu jesponu l-agħar tagħha. “Il-ħsieb ewlieni kien li wara li nara lili nnifsi fl-agħar tiegħi, nibda nħossni aktar kunfidenti meta nipprova nħares lejn ir-riflessjoni tiegħi, għax inkun rajt agħar. Ridt li sa fl-aħħar inkun rajt lil ġismi sew. Eventwalment bdejt inpitter”. Tina tgħidli li “dan evolva fi proġett li bih stajt insir naf lili nnifsi sew, insir naf aktar dwar dak li jixraqli l-aktar, l-istatura tiegħi u liema tip ta’ ħwejjeġ huma l-aktar addattati għall-istatura tiegħi”. Bħala mara b’ħafna nsikurezza dwar il-mod li bih nidher nista’ nifhem eżatt dak li trid tfisser.

Tina u jien niddiskutu kif il-ħajja hija vjaġġ, u kif għandna bżonn nesploraw is-saħħa li għandna fina nfusna. Martina dlonk issemmi kif viżitatur maskili tal-esebizzjoni tagħha assoċja l-arti tagħha ma l-emozzjonijiet li jesperjenza hu stess mhux mal-aspett fiżiku iżda m’aspetti relatati mal-karattru tiegħu. Hu ammetta ma Martina li mistħi ħafna u din il-mistħija żżommu lura milli jagħmel ħafna affarijiet fil-ħajja, b’ċertu nies saħansitra jaqbdu miegħu dwar dan, anke jekk b’mod ċajtier. Frażijiet bħal “ejja qum minn hemm” jaffettwawh ħafna b’mod negattiv. Hu spjega lil Martina kif ħassu ispirat bil-mod li bih irnexxielha tibdel l-insikurezzi tagħha f’xi ħaġa li ħafna nies jistgħu jirrelataw magħha u saħansitra bidlitha f’arti daqstant pożittiva.

Martina tistqarr li “l-importanti hu li persuna tħossha komda biha nfisha”. Din is-sentenza tolqotni mmedjatament għax kemm il-darba meta kont għadni iżgħar kont inħossni skomda bija nnifsi, u meta rnexxieli negħleb dan kont ħassejtni nieħu r-ruħ. Li ma tinkwetax dwar dak li jistgħu jgħidu n-nies dwarek, jew dwar xi ħaġa li ma tagħmilx sew, jew li tilbes ilbies li ma jixraqlekx daqshekk, jew li jkollok ġurnata fejn xagħrek ma jkun irid joqgħod sew b’xejn, jew li tagħmel kull ma tista’ bil-ħsieb li tingħoġob minn ta madwarek…meta tħalli dawn il-ħsibijiet kollha warajk tkun qed tillibera lilek innifsek.

arti nuda

Nammetti li din it-tfajla artista ta’ 26 sena għandha għerf inkredibbli; “Meta n-nies jistaqsuni jekk irnexxilix negħleb il-fażi ta’ ‘body dysmorphia’ nwieġeb li illum il-ġurnata rrealizzajt li ġisimna jgħaddi minn tibdil fiżiku kontinwament, u ħa jibqa’ jinbidel, u m’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex inwaqqfu dan”.

Stqarrejt ma Martina li personalment naħseb li l-pitturi kollha tal-esebizzjoni tagħha huma tassew sbieħ u li ma nara xejn ikrah fihom…inħoss biss sens ta skumdita’ mill-perspettiva tal-figura fil-pittura. “F’kollezzjonijiet bħal din, l-għan mhuwiex li nbiegħ il-pitturi, iżda li permezz tagħhom nirrakkonta storja. Dejjem kelli x-xewqa li l-pitturi tiegħi iqanqlu diskussjonijiet politiċi u li joħolqu lok għal diskussjoni. Fil-fatt, ħbiebi stqarrew li wara li ġew jaraw l-esebizzjoni li tellajt, spiċċaw jitkellmu dwar il-ġisem u d-drittijiet tan-nisa għal lejla sħiħa. Tassew ħadt gost nisma dan il-kliem għaliex dak hu l-għan aħħari tal-pitturi tiegħi!”.

Dwar is-suġġett tad-drittijiet tan-nisa ddiskutejna kif artisti femminili tal-passat kellhom diffikultajiet kbar minħabba l-irwol mistenni mill-ġeneru tagħhom, u li n-nisa ma kellhomx il-permess ikomplu jistudjaw. Sakemm ma kellhomx missier li jagħżel li jgħallimhom jew jinkoraġġihom u jħallsilhom għat-tagħlim, kienu biss mistennija jagħmlu dak li s-soċjeta’ kienet tistenna minnhom bħala nisa (https://artsandculture.google.com/story/the-women-painters-overlooked-by-art-history/7AJCHFiEkqVKJg). Għalhekk f’dawk iż-żminijiet in-nisa kienu jintużaw bħala mudelli għall-artisti rġiel minflok. Dan fakkarni f’ ritratt li rajt riċentament, fejn ġie msemmi kif fil-Metropolitan Museum fi New York fis-sena 1989, inqas minn 5% tal-artisti fis-sezzjoni tal-arti moderna kienu nisa, filwaqt li 85% ta pitturi b’figuri nudi kienu ta’ nisa. Sfortunatament għan-nisa, għalkemm ħafna affarijiet inbidlu mill-passat lil-hawn, għad fadal ħafna fhiex nimxu l-quddiem.

arti nuda

Iddiskutejna wkoll kemm hu mportanti li n-nisa jkunu indipendenti finanzjarjament. Martina seemmili l-fatt li l-ġenituri tagħha dejjem issapportjaw id-deċiżjonijiet tagħha u kienu huma li nkoraġġewha biex tmur tistudja l-arti Barċellona, iżda kien importanti wkoll għalihom li tiggradwa, kif għamlet meta ggradwat fis-settur tat-turiżmu. Martina tirrakkonta wkoll kemm kienet esperjenza sabiħa għaliha li studjat l-arti Barċellona, u li kienet waħda mill-‘mentors’ tagħha li ssuġġeritilha tiffoka fuqha nnifisha biex tegħleb l-insikurezzi tagħha u tibni l-kunfidenza fiha nnifisha.

Tkellimna fit-tul, u għalkemm għandi żmien biżżejjed biex inqis lili nnifsi tampar omm Martina, napprezza l-konnessjoni u l-pożittivita’ li jirriżultaw biss fejn mara tapprezza u tkun lesta tikkolabora, tifhem u tissapportja mara oħra. Meta mara tħossha komda, issapportjata u nkoraġġatha, jinħoloq sentiment speċjali u uniku. Nixtieq lill-Martina kull suċċess fl-arti imma qabel ma titlaq issemmili wkoll proġett ieħor eċitanti li nvolviet ruħha fih flimkien mal-ħabiba tagħha Suzi Mifsud – flimkien qed jiddisinjaw u jbiegħu basktijiet tal-ġilda żgħar – imsemmija Fold (ara itsfold.com). Martina hija ta’ ispirazzjoni kif ukoll prova ċara li mhemm l-ebda limitu għal dak li nistgħu nilħqu meta nitgħallmu nħobbu u nafdaw lilna nfusna.


Taf lil xi artista jew tikkonsidra lilek innifsek bħala artista t’ispirazzjoni? Nieħdu gost nisimgħu aktar dwarek! Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *