Maya Spiteri Dalli hija studenta tal-liġi fl-Universita’ ta’ Malta. Bħala membru tal-GħSL kellha rwol sinifikanti fil-kreazzjoni ta’ dokument nazzjonali favur l-ugwaljanza bejn is-sessi. Apparti minn hekk, dan jisħaq favur il-legalizzazzjoni tal-abort, aċċess b’xejn għal prodotti kontraċettivi, u riforma kompleta ta’ l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali. Din l-istrateġija ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna f’pajjiżna minħabba li hija l-ewwel waħda ta’ dan it-tip, kif ukoll minħabba li hija pass sinifikanti fl-istorja legali f’pajjiżna dwar id-drittijiet tan-nisa. Tkellimna ma Maya li spjegatilna l-proċess kollu tal-kreazzjoni ta’ dan id-dokument, l-irwol tagħha fil-kreazzjoni tiegħu, kif ukoll dwar dak li tittama li dan id-dokument jista’ jibdel f’Malta.
X’inhu l-irwol tiegħek fil-GħSL? Għidli ftit dwar ir-responsabbiltajiet li hemm marbuta miegħu.
Preżentament jiena s-Segretarja Ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni; madankollu qabel dan aċċettajt l-inkarigu ta’ Policy Officer biex inkun it-‘task leader’ ta’ l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali. Flimkien mal-kollegi tiegħi Matthew Charles u Valentina nsegwu l-eżekuttiv ġenerali u naħdmu flimkien b’mod konsistenti. Nammetti li fejn naċċella f’ċertu affarijiet u mhux f’oħrajn, Matthew Charles jgħin billi jiddisinja materjal għal GħSL u Valentina torganizza l-avvenimenti. L-irwol tiegħi b’mod speċifiku jinvolvi l-organizzazzjoni tal-laqgħat eżekuttivi tal-organizzazzjoni, ngħin kull fejn ikun hemm il-bżonn fi kwalunkwe uffiċċju u fejn oħrajn ma jkunux jistgħu.
X’kienet dik il-forza li kkontribwixxiet għal kreazzjoni ta’ dan id-dokument legali dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva?
Ftit tax-xhur ilu is-sottokummissjoni relatata ma dan id-dokument iddiskutiet lista ta’ suġġetti li huma fi bżonn t’ evalwazzjoni legali. L-uffiċċju diġa’ għandu warajh portafoll interessanti b’suġġetti bħal ma huma l-ewtanasja u t-traffikar tal-umani, u għalhekk, diskussjoni dwar l-abort kienet għażla naturali.
X’inhuma l-oġġettivi ewlenin ta’ dan id-dokument legali?
Id-dokmenti legali kollha jirrikjedu l-istess proċess u oġġettivi sabiex iwasslu għar-riżultat mixtieq – dokument ibbażat fuq riċerka profonda; riċerka li tevalwa s-suġġett minn perspettiva ġenerali, u fejn hemm bżonn, jiġu wkoll ikkreati proposti li joffru konsiderazzjonijiet relevanti lill-leġiżlatur. Oġġettiv ieħor li ntlaħaq grazzi għal dan id-dokument kien li jippromwovi diskussjoni matura lil hinn mit-twemmin u fuq bażi ta’ rispett.
Bħala organizzazzjoni x’ għan qed tittamaw li jilħaq dan id-dokument?
Aħna qed nittamaw li dan id-dokument iservi ta’ suppliment għall-informazzjoni u r-riċerka li diġa ġiet ippubblikata dwar dan is-suġġett. Nittamaw ukoll li l-kwalunkwe qafas ta’ leġiżlazzjoni li fil-futur jasal biex jifforma bażi għall-bidla jikkunsidra dan id-dokument bħala punt primarju ta’ referenza. Nittamaw li n-nies jaqrawh b’mod oġġettiv u jiddeċiedu huma għalihom infushom, u fl-istess ħin jifformaw parti minn din is-soċjeta’ li għaddejja minn bidla kontinwa. Ċertu nies jinjoraw il-fatt li l-attiviżmu mill-istudenti u organizzazzjonijiet simili kapaċi joffru aktar minn espożizzjoni minima, iżda meta ħdimna mill-qrib ma l-istudenti fuq dan id-dokument ħareġ biċ-ċar kemm dan mhu minnu xejn. L-istudenti kienu kapaċi jibqgħu oġġettivi, leali għall-fatti u b’moħħhom miftuħ, u flimkien magħhom stajna niddiskutu diversi suġġetti b’mod ċar ħafna.
X’tip ta’ xogħol kien jirrikjedi l-kreazzjoni ta’ dan id-dokument?
Minħabba l-fatt li s-suġġett magħżul huwa suġġett pjuttost diskuss, ħa żmien mhux ħażin – biex inkunu eżatt ħa sena u żewġ kunsilli eżekuttivi differenti sakemm tlesta. Irnexxielna wkoll ninkludu esperti minn oqsma differenti biex jagħmlu ‘peer review’ tiegħu. Nammettu li bħala studenti tal-liġi, għalkemm aħna għatxana biex inkunu nafu u nifhmu dwar diversi suġġetti, nifhmu wkoll li ċertu affarijiet għandhom jitħallew f’idejn l-esperti fl-oqsma konċernati, u fejn kien hemm bżonn ta’ referenza fittxejniha.
Xi membri ddedikati mill-kumitat għamlu riċerka dettaljata għal dan id-dokument u kkontribwew b’mod tassew bżonnjuż. Il-proposti setgħu biss joħorġu wara li r-riċerka ġenerali kienet lesta.
L-istruttura tad-dokument kienet teħtieġ ukoll ċertu konsiderazzjonijiet. Spjegajt lil Matthew Charles, il-President tal-GħSL, li d-disinn mixtieq ma kellux jirrifletti biss perspettiva waħda, iżda kombinazzjoni tat-tnejn, sabiex kulħadd ikun ġie valutat għax-xogħol li jkun għamel.
X’kellek jew lil min kellek f’moħħok meta kont qed taħdem fuq il-qafas ta’ dan id-dokument?
Aktar milli kellna lil xi ħadd f’moħħna, naħseb li kien aktar importanti li niffukaw fuq dak li kellna nikkonsidraw b’referenza mas-sitwazzjoni, mhux biss f’Malta, imma madwar id-dinja kollha. Normalment nikkomparaw lil pajjiżna mal-pajjiżi Ewropej, iżda ninsew x’hemm lil hinn mill-borduri ta’ l-Ewropa. Kellna nikkonsidraw li dan huwa suġġett pjuttost sensittiv għal ħafna, u għalhekk il-mod li bih trattajna s-suġġett, ħdimna fuq il-qofol u t-terminoloġija użata kellu jirrifletti dan il-fatt. Apparti minn hekk, kellna wkoll naċċettaw il-fatt li dan is-suġġett hu wieħed pjuttost diviżiv, u għalhekk kien jeħtieġ li nħarsu lejn ir-riċerka b’oġġettivita’. Onestament meta wasalt biex ngħaqqad il-kontribuzzjonijiet li rċevejt minn diversi kontributuri fil-prodott finali, stajt biss naħseb dwar kemm it-tazza kafe’ li jmiss kelli nagħmilha qawwija!
Temmen li l-oġġettivi mniżżla f’dan id-dokument jistgħu jintlaħqu fil-futur qarib?
Onestament, għalkemm nixtieq li nista’ nagħtik risposta konkreta, nemmen li dan ma jiddependix minna. Bis-saħħa tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument intlaħaq l-għan li s-suġġett jiġi kkunsidrat u li tinħoloq diskussjoni. Imma nixtiequ wkoll li apparti diskussjoni, nimxu pass ieħor il-quddiem billi nkunu offrejna qafas dwar is-saħħa u l-edukazzjoni sesswali, kif ukoll ir-raġunijiet li għandhom jiġu meqjusa biex għalihom l-abort jiġi dikriminalizzat. Imma biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ riforma ġenerali.
Bħala eżempju nistgħu insemmu l-‘Women’s Rights and Gender Equality Committee’ li aħna ssuġġerejna li għandu jiġi ffurmat fil-‘Maltese House of Representatives’…dan hu bbażat fuq kumitat simili li jinsab fil-Parlament Ewropew, u li għalhekk mhuwiex kunċett totalment ġdid.
Kif jistgħu jgħinu lin-nisa u gruppi oħra marġinalizzati dawn l-oġġettivi?
Sinċerament inħoss li l-oġġettivi jistgħu jgħinu lil kulħadd! Jekk il-kontraċettivi jkunu aktar aċċessibbli, kull min hu f’relazzjoni se jgawdi minnu. Jekk noħolqu ‘Women’s Rights and Gender Equality’ committee fil-kamra tar-rapreżentanti nkunu qed nagħtu ċ-ċans lil membri parlamentari sabiex jaffaċċjaw is-sitwazzjonijiet u jisguraw ugwaljanza bejn is-sessi fl-aspetti kollha. Rigward id-dikriminalizzazzjoni tal-abort nemmen li minflok ninforzawha, aktar jagħmel sens li flok nimponu sentenza ta’ ħabs nippromwovu ‘counseling’, li joffri approċċ aktar empatiku għal kull min jinsab fis-sitwazzjoni.
Kif tikkunsidra l-pożizzjoni tiegħek – waħda t’impatt, jew pjuttost naturali?
Din hi domanda li ma nistgħux inwieġbu għax ma nistgħux naddottaw il-perspettiva ta’ kull persuna u nifhmu l-impatt li dan id-dokument se jħalli fuq id-diskussjoni ġenerali relatata mal-abort. Nemmnu li xogħolna preżentament huwa ta’ valur kbir u ninsabu kburin ħafna b’dan, iżda maż-żmien biss nistgħu inkunu nafu jekk l-għanijiet tagħna jkunux intlaħqu.
Tajjeb ngħidu li d-deċiżjoni li niktbu dwar dan is-suġġett ma kienx impulsiv jew bla ħsieb. Minn naħa aħna konxji li d-dibattitu dwar l-abort għadu kkunsidrat bħala tabu’, anke jekk ilu għaddej għal ammont ta snin, u stennejna li t-terminoloġija użata fil-proposti tagħna kienet se toħloq oppożizzjoni fuq is-suġġett. Minn naħa l-oħra, stajna ninjoraw l-effetti tanġibbli li dawn il-liġijiet qed iħallu fuq nisa ta’ kull eta’ minn diversi oqsma soċjo-ekonomiċi, li f’pajjiżna ċertament li dan kien ikun aktar konvenjenti. Iżda ħassejna li jekk nagħmlu hekk inkunu qed nonqsu mir-responsabbiltajiet tagħna bħala avukati futuri u attivisti f’dan il-qasam.
Għaliex temmen li l-abort għandu jkun dikriminalizzat u aċċessibbli għal kulħadd?
Meta wieħed jevalwa l-kuntest li l-Maltin qed isibu ruħhom fih, inkluż il-fatt li l-abort huwa servizz offrut f’pajjiżi viċin tagħna, jinduna li l-liġi li għandna timponi sentenza ta’ ħabs fuq in-nisa li jagħżlu din il-proċedura.
Ejjew għal mument ninsew l-argument spiss imsemmi mill-ġurija lokali li l-liġi preżentament qiegħda hemm biex isservi ta’ gwida morali għas-soċjeta’ sabiex tagħti valur lill-ħajja. Aħna nemmnu li dawn il-prattiċi diskriminatorji relatati ma din il-liġi jegħlbu l-morali, l-etika u l-politika sinikattiva li dawn il-liġijiet jindikaw li fihom. Jekk dawn is-servizzi abortivi jistgħu joperaw mingħajr biża’ ta’ sentenza kriminali u retribuzzjoni, u b’aċċessibilita’ għal dawk kollha li jiġu bżonnhom irrispettivament mill-liema oqsma soċjo-ekonomiċi ġejjin minnhom, inkunu qed neliminaw l-inugwaljanza li għandna preżentament f’pajjiżna.
Naċċennaw ripetittivament li minflok sentenza ta’ ħabs, ‘counseling’ joffri għażla aktar empatika u aħjar għaż-żewġ partijiet konċernati.
Emily Galea hija awtriċi u femminista attivista f’ Malta. Emily hija l-Viċi-President tal-‘Young Progressive Beings’, ‘Project Co-Lead’ tal-kampanja ‘Dear Decision Makers, u bħalissa qed issegwi Masters fil-“Gender, Society & Culture’ fl-Universita’ ta’ Malta.
Comments are closed, but trackbacks and pingbacks are open.