Share the love

metoomalta

Twissija ta’ kontenut dwar attakki sesswali u stupru.

Meta l-amministratriċi ta’ Women for Women Francesca Fenech Conti qasmet esperjenza ta’ attakk sesswali fuq il-grupp tagħha ta’ Facebook, żgur li ma kellhiex idea li kienet ħa tinħoloq tsunami ta’ messaġġi anonimi minn uħud mill-35,000 nisa membri f’ dan il-grupp.

B’ tagging ta’ #metooMalta u #ibelieveyou, messaġġi anonimi dwar fastidju sesswali, esponenza indiċenti, attakki sesswali u stupru bdew deħlin kontinwament f’ dawn l-aħħar 3 ijiem. Aktar u aktar nisa qed jagħmlu kuraġġ u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-abbuż sesswali li għaddew minnu fil-passat, b’ ammont sostanzjali ta’ nisa li tkellmu dwar dan għall-ewwel darba f’ ħajjithom.

“Qatt ma mmaġinajt li se tinħoloq reazzjoni hekk…il-bieraħ qas beda jirnexxili nlaħħaq mal-messaġġi li bdew deħlin. Ħafna nisa jridu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom biex jgħinu nisa oħra kif ukoll iqajmu għarfien dwar is-suġġett.”

Francesca Fenech Conti

L-uġigħ emozzjonali li esperjenzaw dawn in-nisa waqt li żammew dan kollu mistur ġewwa fihom għal snin twal jinħass faċilment f’ kull kelma li tgħaqqad l-istorja tagħhom. L-esponiment orribbli ta’ daqstant każi ta’ abbuż sesswali, anke fit-tfulija, b’ ħafna minn dawn imwettqa minn membri tal-familja, jwasslu għal domanda mportanti:

F’ pajjiż li jqis lit-tfal żgħar innoċenti b’ valur għoli, kif jista’ jkun li daqstant trasgressuri tas-sess immirat lejn it-tfal jirnexxilhom jaħarbu mir-responsabbilta’ u jħallu warajhom ħerba mill-ħajjiet tal-vittmi tagħhom?

“Iżżewwiġt u ninsab kuntenta, iżda qatt ma ridt li jkolli t-tfal biex b’ hekk nipproteġihom żgur.”

Persuna li rnexxielha tegħleb esperjenza ta’ attakk sesswali fi tfulitha

Missirijiet, kuġini, zijiet, ‘partners’, u nanniet huma wħud minn dawn, iżda f’ każi hekk mhux biss jiġu mwettqa mill-familjari. Hemm ukoll stejjer ta’ attakki sesswali u stupru fuq nisa u tfajliet minn membri fdati fi ħdan il-komunita’, inklużi mexxejja u professjonisti, tobba, avukati, għalliema, kapijiet ta’ l-iskola, qassisin u pulizija, li mmanipulaw nisa u tfajliet, nasbuhom, attakkawhom, stuprawhom u eventwalment irrikattawhom u hedduhom biex qatt ma jgħidu kelma ma’ ħaddieħor dwar dak li kienu esperjenzaw.

Xi wħud jistaqsu għala l-vittmi ma jirrappurtawx lil dawk li jkunu abbużaw minnhom, iżda t-tweġiba tista faċilment tinstab fl-uġigħ tal-memorji ta’ nisa li ġew injorati, akkużati, ikkastigati u saħansitra ostraċjati mis-soċjeta’ talli esponew ir-realta’.

“L-ewwel ħaġa li l-pulizija qaluli kienet “Taf hux li tista’ teħel sa sentejn ħabs talli tigdeb?”

“Kont għedt lill-ommi dwar dak li kien għamilli missieri, iżda hi qaltli biex nieqaf nivvinta dwaru.”

Aktar ma’ taqra’ dawn l-esperjenzi aktar tibda tħoss l-istonku tiela u demmek ibaqbaq. In-nuqqas ta’ protezzjoni li joffri l-istat skond kif ġie deskritt minn uħud ta’ l-esperjenzi miktuba huwa xokkanti.

“Inħoss uġigħ u rabja kbira għas-sistema sħiħa li qed tonqosna kull darba. Kull ma tlabt kien li ssir ġustizzja ma’ wliedi l-bniet…iżda hu xorta ingħata ħin għal żjarat sorveljati, b’ uliedi jwerżqu filwaqt li jiġu meħuda minni għal erbgħa sigħat fil-ġimgħa.”

– Omm ta’ bniet li esperjenzaw stupru.

Għal ħafna oħrajn, dawn l-esperjenzi jfakkru l-qarrejja f’ memorji li kienu ilhom jinjoraw għal snin twal, kemm jekk b’ mod intenzjonali jew mhux intenzjonali. Huwa komuni ħafna li wħud, speċjalment f’ esperjenzi miktuba onlajn, jaqilgħu sentimenti qawwija f’ każi ta’ attakki sesswali u vjolenza. Id-dwejjaq u r-rabja jistgħu jinħassu faċilment.

Ommijiet u nanniet jikkummentaw dwar l-importanza ta’ prevenzjoni u tagħlim li għandna ngħallmu lill-uliedna bniet biex ikunu viġilanti u biex ikunu jafu li ħadd m’ għandu d-dritt imisshom b’ mod mhux xieraq.

Waqt li dan huwa mportanti, tajjeb inkunu nafu li meta niffokaw primarjament fuq dak li għandhom jagħmlu t-tfajliet żgħar u n-nisa jimplika tort lil vittma: l-idea li l-vittma setgħet b’ xi mod tkun taf kif tipprevjeni jew twaqqaf l-attakk sesswali. Fil-fatt, ħafna nisa jammettu li jħossu sens ta’ ħtija simili fl-esperjenzi reali u kuraġġużi li qasmu mal-membri tal-grupp.

Hawn nuqqas ta’ diskussjoni dwar dawk li jabbużaw kif ukoll l-attitudnijiet dwar stupru u kunsens. Ma dan inżidu l-fatt li anke subien u rġiel jistgħu ikunu vittmi t’ abbuż sesswali u stupru. Forsi wasal iż-żmien biex ikun hawn ukoll post sikur għall-irġiel u s-subien, missirijiet u uliedhom subien biex ikollhom ukoll sapport fi gruppi bħal ma għandna aħna n-nisa.

L-attakki sesswali u stupru mhumiex biss dwar is-sess, iżda dwar poter. Ir-riċerka turi li l-persuni li jwettqu dawn il-krimini ġeneralment jaħsbu li m’ humiex problema. F’ soċjeta’ patrijarkali bħal tagħna, dan l-atteġġjament iwassal għal mod kif il-komunita’ taħseb b’ mod ġenerali, u huwa għalhekk li spiss naraw min jagħti t-tort lil vittma u saħansitra jgħajruha flok jgħinuha.

Nisa li għelbu abbużi sesswali jafu li għandhom iċ-ċans li ma jiġux emmnuti, u li saħansitra jispiċċaw huma stess evalwati fil-qorti. Waqt li ħafna għażlu li jaħbu r-realta’ biex ma jikkawżawx uġigħ u sofferenzi żejda lill-familjari tagħhom, oħrajn għażlu li jagħmlu dan għax l-esperjenza innifisha kienet trawmatika biżżejjed, tant li jkun aħjar għalihom li jippruvaw jinsew milli jaħlu aktar ġranet minn ħajjithom fuq is-sofferenzi tal-passat.

Madankollu, esperjenzi t’ attakk sesswali u stupru jħallu effetti trawmatiċi fit-tul fuq il-vittmi, li spiss iwasslu għal problemi mentali bħal PTSD (Post Traumatic Stress Disorder) fost l-oħrajn. Terapija psikoloġika hija rakkomandata għal persuni li qed jesperjenzaw impatt emozzjonali minħabba stupru jew attakki sesswali, u għalhekk huwa ta’ mportanza li kulħadd ikun jaf fejn jista’ jaċċessa għajnuna, kemm jekk għalih kif ukoll għal persuni li jħobb.

Victim Support Malta

Victim Support Malta hija NGO lokali li tipprovdi sapport lil vittmi ta’ abbuż sesswali u stupru.

Kwalunkwe vittma ta’ abbuż sesswali li hija ta’ eta’ minn 18-il sena l-fuq li taċċessa l-isptar għal raġunijiet varji hija offruta s-sapport ta’ ‘social worker’ permezz ta’ dan is-servizz. L-irwol tas-‘social worker’ huwa li takkumpanja l-vittma fl-istadji inizzjali għal aċċess ta’ sapport, u biex taċċerta ruħha li l-klijenti tagħha huma sapportjati u nfurmati sew dwar dak li jkun għaddej meta jitkellmu mal-pulizija, jew meta jkunu qed jiġu investigati forensikament jew medikament.

Il-klijenti huwa wkoll offruti sessjonijiet ta’ psikoterapija u sapport legali b’ xejn. Sapport legali b’ xejn ifisser li l-klijent ikun irrappreżentat parzjalment mill-istat fil-qorti. Avukati esperti jikkomunikaw mal-pulizija biex jaċċertaw ruħom li l-klijenta tkun miżmuma infurmata sew dwar kull progress relatat mal-każ, tkun preżenti għal kull sessjoni fil-qorti, tkun il-vuċi tal-klijenta kif ukoll tissapportja l-klijenta waqt li tkun tixhed fil-qorti. L-avukati jagħmlu ċert ukoll li d-drittijiet tal-klijenti tagħhom huma rispettati waqt il-proċeduri kollha relatati mal-qorti.

Psikoterapisti u ‘councellors’ huma hemmhekk biex jgħinu lill-klijenta biex tipproċessa dak li tkun għaddiet minnu. Abbuż sesswali jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-mod kif il-vittma tħossha u kif tħares lejha nfisha. PTSD hija wkoll komuni ħafna f’ dawk li jkunu esperjenzaw abbuż sesswali. Sintomi tal-PTSD jinkludu memorji trawmatiċi li jaċċessaw f’ affarijiet relatati mal-att li jkunu esperjenzaw, inkluzi rwejjaħ, ħsejjes, sensazzjonijiet, postijiet u ħafna oħrajn, u ħolm ikraħ. Minħabba t-trawma li jkunu esperjenzaw, ċertu individwi jsibuha iebsa ħafna biex jagħmlu kuntatt m’ oħrajn, u għaldaqstant faċilment jesperjenzaw iżolament soċjali. L-irwol tal-psikoterapista jew ‘councellor’ huwa li tissapportja l-klijenta biex taffronta u tegħleb il-konsegwenzi psikoloġiċi ta’ vjolenza sesswali.

Dawn is-servizzi huma wkoll aċċessibbli minn individwi li esperjenzaw abbuż sesswali jew stupru fil-passat. M’ hemm l-ebda limitu ta’ ħin biex dak li jkun jaċċessahom. Il-vittmi kollha jistgħu jaċċessaw kwalunkwe servizz li jixtiequ, waqt li jirrifjutaw servizzi li ma’ jridux.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi ta’ ‘Care for Victims of Sexual Assault’ tistgħu tikkuntattjaw lil Krista Tabone fuq 21228333 waqt il-ħinijiet ta’ l-uffiċju, jew fuq [email protected].

Jekk inti wkoll għandek esperjenza li tixtieq taqsam magħna b’ mod anonimu bħal ma diġa għamlu ħafna, ibgħatilna imejl fuq [email protected]

Ktieb ideali li kollha kemm aħna għandu jkollna biex naqrawh spiss l-uliedna…

Minn emozzjonijiet sikuri u mhux sikuri, sinjali msejħa “early warning signs”, u netwerk sikur ta’ ħames adulti li tista’ tafda f’ kollox, dan il-ktieb jipprovdi gwida komprensiva dwar kif iżżomm lilek u l-ġismek sikur, kif tagħraf emozzjonijiet personali, u x’ tagħmel f’ każ li tħossok skomda jew f’ periklu…


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *