L-intenzjoni tiegħi hi li nservi t’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajja billi nħeġġiġhom dejjem jaħdmu fuq il-ħolm tagħhom, ikunu xi jkunu. It-tajjeb dejjem jirbaħ u jekk taħdem u tistinka dejjem ikun hemm premju jistennik.
Nikki Muscat
Aħna ta’ Wham iltqajna ma Nikki Muscat: mara żagħżugħa b’passjoni kbira għall-għawm. Minkejja l-problemi li kellha taffaċċja fil-passat, illum Nikki hija mara b’saħħitha, reżiljenti u t’ispirazzjoni, u hija ddeterminata li tilħaq l-għanijiet kollha tagħha.
Francesca: Naf li pparteċipajt fl-Olimpjadi f’Londra u Rio fl-2012 u 2016 rispettavament – nimmaġina li dik probabbli kienet xewqa tiegħek li saret realta’… għidilna naqra kif spiċċajt hemmhekk u kif kienet l-esperjenza tiegħek.
Meta kelli 6 snin u kont diġa ili ngħum sentejn, rajt il-mixja tal-kontinġenti Maltin fl-Olimpjadi ħerġin għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ f’Atlanta fl-1996. Niftakarni niġri ma kullimkien bl-eċitament li kelli biex ngħid lill-ġenituri tiegħi li xtaqt inkun hemmhekk meta nikber. Naħseb propju hemmhekk beda l-vjaġġ tiegħi għax din il-memorja ilha ċara f’moħħi minn dakinhar u dan l-‘għan’ kien maħluq veru kmieni fil-karriera tiegħi.
Meta kelli 12-il sena kien ikolli t-taħriġ darbtejn fil-ġimgħa. Il-ġranet tiegħi kienu jibdew fil-ħamsa ta’ filgħodu b’taħriġ tal-għawm u kienu jispiċċaw b’sessjoni oħra wara l-iskola li kienet iddum sagħtejn. Sena wara kkwalifikajt u kkompetejt fl-ewwel Logħob Żgħar Nazzjonali (GSSE) u fil-logħob li kien imiss sentejn wara ġejt mogħtija midalja tal-bronż. Dawk is-snin imlewni bl-adrenalina u mumenti fejn ħassejtni verament tajba minħabba dak ix-xogħol għal numru ta’ gruppi tal-eta’ u rekords Nazzjonali, kompetizzjonijiet internazzjonali u midalji.
L-isport li nħobb l-aktar ġab miegħu ukoll mumenti veru iebsa f’ħajti. Nixtieq li l-affarijiet ma ġewx hekk, imma dawn il-mumenti tad-disperazzjoni kienu relatati direttament ma l-inġustizzja severa fl-isport. Dawn l-avvenimenti rikorrenti ġagħluni nemmen li mpossibbli nilħaq l-għanijiet tiegħi.
Ħafna drabi kont insib lili nnifsi nistaqsi għala għażilt li ngħaddi lili nnifsi minn daqshekk uġiegħ relatat ma korruzzjoni sistematika u ‘bullying’ kontinwu li poġġieli snin ta’ xogħol iebes għar-rimi.
F’okkażjoni minnhom kien hemm min beżaq fuq il-ġenituri tiegħi u darb’oħra spiċċajna bl-avukati għax jien u ħija konna qed niġu ddiskriminati b’mod sever waqt opportunita’ li nikkompetu fil-GSSE (2015) li ġiet miċħuda jumejn biss qabel il-ġurnata li kellna nitilqu, meta kellna l-potenzjal nirbħu l-midalja tal-fidda f’isem Malta. Fil-ġurnata li fiha suppost tlaqna xħin qomt sibt ritratt ta’ wiċċi f’artiklu fuq il-gazzetta li kien mimli gideb u pretensjonijiet immirati biex jirredikuklaw lili u l-ħija. Barra minn dan ġejna wkoll imwissija li jekk niftħu ħalqna mal-medja fuq dak li kien qed jiġri fl-isport, konna se niġu ddiskwalifikati awtomatikament minn kull avveniment relatat.
F’dan il-punt, ħija, li nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li kien atlet ferm aqwa minni, iddeċieda jitlaq kompletament mill-isport. Dan il-perjodu għallimni li taħdem kemm taħdem fil-ħajja, xorta hemm ċans li l-affarijiet ma jmorrux kif tixtieq int. Għaraft ukoll li l-ħajja taf tkun veru nġusta.
Ftit ġimgħat wara rnexxieli naċċetta din ir-realta, biddilt id-dwejjaq kollu f’rabja u ħallejtu jimlini bi stamina ġdida. Ġrejt b’ħija f’moħħi, u din il-ġirja kienet il-ġirja li waslitni għall-Logħob Olimpjadi ta’ Rio is-sena ta’ wara.
Għalkemm kont qed nsperjenza minimu ta’ 22 siegħa mimlija taħriġ fil-ġimgħa, il-preparazzjonijiet għall-Logħob Olimpjadi ta’ Rio affettwawli aktar is-saħħa mentali u emozzjonali tiegħi milli s-saħħa fiżika. Wara li spiċċa l-logħob, iddeċidejt li nieqaf għal żmien indefinit u ħsibt li qatt ma kont se nerġa nirritorna lura għall-kompetizzjonijiet.
L-esperjenzi tiegħi fl-isport kif ukoll barra l-isport għenuni nsir aktar b’saħħti. Nemmen li aħna ma nafux kemm verament aħna b’saħħitna sakemm niġu vera bżonn din is-saħħa. Iż-żmien li għamilt il-bogħod mill-isport kien ta’ 3 snin. Issa dħalt lura fl-isport b’saħħa, b’reżiljenza u bit-tama li l-umanita’ tkun u tagħmel l-aħjar tagħha. Nirrifjuta li nemmen il-ħażin fin-nies u nixtieq li nkun ta’ eżempju għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajja billi nħeġġiġhom dejjem jaħdmu fuq il-ħolm tagħhom, ikunu xi jkunu. It-tajjeb dejjem jirbaħ u jekk taħdem ħafna dejjem ikun hemm premju fl-aħħar.
Issa qed insegwi t-taħriġ darbtejn kuljum b’għajnejja ffukati fuq iż-żewġ Logħobiet tal-Olimpjadi li jmiss. Nittama li l-kompetizzjonijiet jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku u jekk ikun hemm min hu nteressat ikun jista’ jiġi jarana.
Francesca: Kemm kellek żmien meta bdejt tgħum? Kienet xi ħaġa li xtaqt tagħmel inti stess jew kienu l-ġenituri tiegħek li mbuttawk għal dan l-isport, jew kienet kompletament l-għażla tiegħek?
Meta għalaqt 4 snin, il-ġenituri għamluhieli ċara li kelli nkun attiva fiżikament u ħalleweni nipprova u nagħżel l-isport li l-aktar jolqotni. Kollox ippruvajt: l-atletika, il-‘gymnastics’, il-‘ballet’ u sport li jirrikjedi ballun. Niftakarni nħoss nuqqas t’eċitament f’kollha kemm huma, li hija ħaġa ironika għax ħafna nies jemmnu li l-għawm huwa sport ‘boring’.
Niftakar ġurnata minnhom ommi rat riklam fuq il-gazzetta u staqsietni jekk xtaqtx nipprova l-għawm. Niftakarni nħoss urġenza kbira biex nipprova l-ġdid. Kienet bħal esperjenza ta’ mħabba għall-ewwel għawma.
Inizjalment, il-ġenituri tiegħi xtaquni nkun fiżikament attiva għal raġunijiet ta’ saħħa mhux għall-kompetizzjonijiet. Filfatt, fi tfuliti u waqt l-addoloxxenza, l-aktar ‘punishment’ komuni nfurzat mill-ġenituri tiegħi kien ‘inkella ma tgħumx!’
Madankollu, il-ġenituri malajr biddlu din il-mentalita għaliex irrealizzaw kemm kont serja fejn jidħol dan l-isport. Huma emmnu li jien stajt nibbilanċja l-edukazzjoni u l-isport jekk verament xtaqt, u dan it-twemmin għadu f’moħħi s’issa
Francesca: Kemm għandek żmien issa u kemm il-darba jkollok taħriġ? Fejn ikollok it-taħriġ u min hu l-kowċ tiegħek?
Illum jien għandi 26 sena u bħalissa qed nitħarreġ bl-għan li nikkwalifika għall-Olimpjadi ta’ Tokyo 2020 (+1) u wara dak nittamaw ukoll għal-Logħob ta’ Pariġi f’2024. Ir-reġim tat-taħriġ jikkonsisti fi prattika darbtejn kuljum minbarra l-Ħdud. Ngħumu fil-Pixxina Nazzjonali, u naħdmu mill-qrib mal-kowċ għas-saħħa u ‘conditioning’ fil-‘gym’ ukoll.
Il-kowċis tiegħi fil-klabb tagħna, Sirens ASC, kellhom irwol fid-deċiżjoni tiegħi biex nerġa ninvesti ħafna mill-ħin tiegħi fl-isports. Grant Kritzinger u Delon Dannhauser huma mill-Afrika t’Isfel u t-tnejn ikkowċjaw nies li rebħu l-midalji fl-Olimpjadi (‘Olympic Medallists’). Ġabu magħhom kompetenza ġdida f’Malta u qed ibiddlu l-logħob speċjalment għall-atleti żgħar. Grant u Delon imexxu l-programmi tagħna għall-għawm filwaqt li Edward Bonello huwa l-fiżjoterapista li jinkurraġġina fil-‘gym’.
Francesca: L-Olimpjadi suppost ser isiru s-sena d-dieħla – ikkwalifikajt? Kif taħdem din il-ħaġa?
Din hija l-ewwel darba fl-istorja li l-Logħob tal-Olimpjadi ġew posposti, u għal raġunijiet tajba. Kieku ġraw fi snin oħra, kieku bħalissa qed insiefru għal ħafna kompetizzjonijiet madwar id-dinja u nagħmlu minn kollox biex nikkwalifikaw. Minħabba l-ħafna restrizzjonijiet assoċjati mal-COVID-19, għad m’għandniex pjan uffiċjali rigward safar. Madankollu, din il-problema qed tiġi affaċċjata b’mod internazzjonali. Għandna ħafna inqas opportunitajiet biex niġġieldu u nikkwalifikaw għal-Logħob ta’ Tokyo, imma nħossuna verament fortunati li xorta nistgħu nippreparaw u għandna kowċis jinkuraġġuna nikkompetu waqt li nibqgħu nimxu bil-prekawzjonijiet neċessarji għas-saħħa f’dan il-perjodu.
Francesca: Kif inhi ħajtek apparti l-għawm u xi tħobb tagħmel meta ma tkunx qed tittrennja?
Wara li l-ħajja tiegħi bħala infermiera fl-Isptar Mater Dei spiċċat is-sena l-oħra, jien waqqaft ‘start-up’ imsejjaħ Alka Ocean Products. Huwa bbażat f’Malta, u jiffoka fuq il-kultivazzjoni, l-iżvilupp u l-użu tal-alga lokali. Qatt ma kkunsidrajt in-negozju bħala rotta potenzjali għalija nnifsi, imma l-‘ethos’ tiegħi u l-urġenza li nipproteġi l-affarijiet li ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom tapplika sew mar-realizzazzjoni li dan huwa wieħed mill-elementi li jista’ jġib bidla kbira. Meta dħalt ftit aktar fil-fond, kont sorpriża x’ħin irrealizzajt li wara kollox inħobbu n-negozju u dak kollu li joqgħod mal-irwoli tat-tmexxija.
Filfatt, illonċjajt ukoll il-marka tiegħi imsejħa ‘Nikki Nutrition’ waqt il-‘lockdown’ tal-COVID din is-sena stess. Fiha għamilt gwidi tal-ikel disponibbli għall-kulħadd, waqt li b’hekk stajt innaqqas l-ispazju eżistenti bejn l-informazzjoni u l-prattika f’din l-industrija. Addizzjonalment, ‘Nikki Nutrition’ jipprovdi gwidi ta’ l-eżerċizzju u konsultazzjonijiet fl-industrija. Dan huwa biss il-bidu tal-viżjoni li għandi għal din il-marka u l-istess japplika għall-‘Alka’.
Jien nieħu gost ukoll ngħallem l-għawm u ili nikkowċja għal aktar minn 10 snin fejn nipprovdi lezzjonijiet individwali tal-għawm għal kull livell.
Il-passat tiegħi bħala għawwiema installa fija l-attiviżmu u għaraft li l-vuċijiet tagħna huma l-aktar partijiet b’saħħithom. Apparti l-enfasi fuq l-għawm u kwistjonijiet ambjentali, qed nagħti direzzjoni mill-ġdid lill-użu tiegħi ta’ pjattaformi tal-midja soċjali biex niġġieled id-diskriminazzjoni u nqajjem kuxjenza fuq l-isfidi li jaffaċċjaw il-gruppi u l-komunitajiet minuri. Qed nistinka wkoll biex ikolli futur fejn inkun nista’ nimplimenta leħni b’mod aħjar biex noħloq bidla issa, qabel ma jkun tard wisq.
Peress li s-Sibtijiet huma l-unika ġranet li ma jkolli xejn, ġeneralment jiġu ddedikati biex inkun fil-post tal-kuntentizza tiegħi: il-baħar. Dawk li jiffolowjawni fuq Instagram jafu li ‘freediving’ huwa passjoni kbira oħra tiegħi u nixtieq inkompli fuqu meta iż-żmien tiegħi bħala għawwiema jispiċċa. Xejn m’hawn f’din id-dinja li jnaqqas ir-ritmu mgħaġġel ta’ ħajti daqs kemm inaqqsu dak il-mument li nkun qed inżomm nifsi taħt l-ilma. Fl-istess ħin, jekk inkun nixtieq sensazzjoni bħal tal-għodwa tal-Milied, xi kultant issibni nipprova nisserfja fuq ftit mewġ ma sħabi. Jekk irrid inkun kompletament onesta’, insibha bi tqila biex inħossni li qed ngħaddi ħini bl-aħjar mod possibbli, għalkemm bħalissa rari jkolli ħin għalija u għal sħabi.
Francesca: Jien smajt f’intervista oħra tiegħek li għandek storja ta’ ‘scoliosis’ fil-familja – kif jgħin l-għawm għal din il-kundizzjoni u x’għandhom ikunu jafu familji oħra rigward dan?
‘Scoliosis’ severa tista’ tirriżulta f’operazzjonijiet, u missieri kien konxju ta’ dan peress li hu tabib. Minħabba li għandna fil-familja, hu qisu ppreveda d-dijanjosi tal-‘iscoliosis’ tiegħi u enfasizza l-importanza tal-isport f’ħajti minn kmieni ħafna.
L-għawm huwa sport b’impatt baxx meta mqabbel ma’ sport ieħor bħall-ġiri. Minbarra dan, huwa sport relatat mal-ġisem kollu, fejn il-muskoli kollha huma relattivitament involuti. L-għawm jikkundizzjona u jsaħħaħ il-muskoli fil-‘core’ u fid-dahar, u jnaqqas l-uġiegħ ikkawżat minn żbilanċ fil-muskoli. Dahri huwa ftit gradi inqas mid-daqs li jwassal għar-rakkomandazzjoni ta’ operazzjoni. Qatt ma nistgħu inkunu ċerti ta’ dan imma jien xorta nemmen li l-għawm biddilli ħajti.
Francesca:Bħala mara dejjem inħossni nteressata dwar kif il-menstrwazzjoni tista’ taffettwa n-nisa li jipprattikaw l-isport. Naf li joħloq problemi li l-irġiel ma jkollomx għalfejn jinkwetaw għalihom. Kif tkampa b’dan? Ġieli sibt lilek innifsek taħseb “għala għandi ngħaddi minn dan kollu?” jew sibt soluzzjoni għal din il-“problema”?
Personalment kelli esperjenza kemmxejn stramba fejn tidħol il-menstrwazzjoni. Sakemm għalaqt 24 sena, qatt ma kelli menstrwazzjoni regolari li sseħħ b’mod naturali. Ġeneralment kien iseħħ darba f’sena u xi kultant kien idum kważi xahar. Kien hemm xi ħaġa verament ħażina u din ġeneralment tkun akkumpanjata mill-approċċ modern tal-mediċina ta’ medikazzjoni bażika. Jien kont qed inbagħti mis-sindromu tal-imsaren irritabbli u ‘amenorrhea’ sa mill-2008. Sfortunatament, għalkemm ħafna tobba għamluli testijiet u provdewli l-aħjar kura, il-medikazzjoni kompliet tiggravali s-sintomi. Dan kollu ġara waqt li kont qed nagħmel it-taħriġ li kien se jwassalni għall-ewwel u għat-tieni Logħob Olimpiku tiegħi.
Meta l-possibbiltajiet kollha permezz ta’ mediċina moderna ġew eżawriti, bdejt nagħmel riċerka personali. Din ħadet numru kbir ta’ snin u eventwalment irriżultat anke f’’Nikki Nutrition’. L-eżitu tagħha huwa menstrwazzjoni regolari għall dawn l-aħħar sentejn u s-sindromu tal-imsaren irritabbli preċedenti waqaf kompletament. Madankollu, menstrwazzjoni irregolari waqt il-puberta’ tista tirriżulta f’’bone density’ mhux żviluppata, li hija ħaġa li esperjenzajt aktar il-quddiem.
Minħabba n-nuqqas tiegħu u l-kwistjonijiet kollha relatati, jien issa grata ħafna għall-menstrwazzjoni tiegħi. Issa ċerta li jien b’saħħti; għalija u anke għall-isport. Jien nirrikkonoxxi li ser ikun hemm ġranet veru tqal u oħrajn fejn inħoss li l-inqas ħaġa li nixtieq nagħmel hija l-prattika, imma nibqa nfakkar lili nnifsi li l-abbilta’ li nista nagħmel dan kollu huwa privileġġ fiħ innifsu.
Francesca: X’parir tagħti lil dawk it-tfajliet li jkollhom il-menstrwazzjoni waqt il-lezzjonijiet tal-għawm?
Wara li affaċċjajt menstrwazzjoni li dam ġimgħat, personalment sibt il- ‘menstrual cup’ li fl-opinjoni tiegħi hija miraklu. Xi kultant ninsa li qiegħda bih u jkolli nfakkar lili nnifsi biex immur fil-kamra tal-banju! M’għadnix ninkwieta fuq xi spaga li taf toħroġ il-barra jew li jkolli nneħħi l-‘pad’ qabel. Il-‘cup’ toqgħod eżatt u mhux se tinqala’ waqt l-attivita’ fiżika. Qatt ma tlift sessjoni tal-għawm jew tal-‘gym’ minħabba l-menstrwazzjoni. Naħseb il-parir li nagħti lit-tfajliet atleti huwa li għandna nisimgħu minn ġisimna u li nirrealizzaw li forsi jkun hemm xi sessjonijiet li fihom jaf ma nkunx daqshekk tajbin, u din hija ħaġa normali. Imma fl-istess ħin nixtieq infakkar lil dawk it-tfajliet li qed jaqraw dan l-artiklu li aħna nistgħu nagħmlu dak kollu li jistgħu jagħmlu l-irġiel, waqt li nkunu qed nesperjenzaw id-dmija.
Francesca: L-għawm huwa sport jiswa’ ħafna biex tibdih jew huwa disponibbli u miftuħ għal kulħadd? Wieħed kif jista’ jibda jipprattika l-għawm b’mod serju speċjalment jekk il-ġenituri ma jkunu jistgħu jaffordjaw il-lezzjonijiet tal-għawm?
Hemm varjeta’ ta’ possibiltajiet relatati ma sessjoni individwali u lezzjonijiet fi klabb ikbar li jkunu fuq in-naħa aktar affordabbli tal-ispettru. L-għawm mhuwiex partikolarment sport għoli għax il-fondi neċessarji ġeneralment ikunu tat-taħriġ mill-kowċ jew tal-klabb. Madankollu, jekk wieħed jieħu dan l-isport bis-serjeta’ u jkun jista’ jagħti prova tal-abbilta’ tiegħu fil-kompetizzjonijiet, l-isport jgħin fl-ispejjeż tal-ivjaġġar assoċjati mal-kompetizzjonijiet jew kampijiet ta’ taħriġ skedat.
Hawn taħt, Nikki qiegħda taqsam magħna l-AQWA ħobż tal-banana li qatt għamlet! Ippruvaha … u jekk togħġbok l-idea ta’ ikel san u nutrittiv, iċċekkja l-paġna tagħha fuq Facebook Nikki Nutrition!
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.