Bħala nisa żagħzagħ irridu nifhmu li aħna irridu nkunu li nidderieġu ħajjitna; ma nistgħux nagħmlu dak kollu li jriduna nagħmlu ta’ madwarna, lanqas jekk dan ikun ġej mill-ġenituri tagħna. Toqgħodx tinkwieta jekk ikollok tibda t-triq waħdek, la tkun fit-triq it-tajba eventwalment l-oħrajn se jibdew jimxu warajk.
Hourie
Erba’ snin ilu ltqajt ma Hourie f’Malta waqt li konna qed nagħmlu xogħol ta’ volontarjat mal-Assoċjazzjoni tan-Nisa Imigranti. Hourie impressjonatni bil-mod kalm, ġentili u ntelliġenti li bih tikkomunika, u bl-attitudni pożittiva li għandha lejn il-ħajja. Mill-ewwel indunajt li din il-mara kellha potenzjal kbir u li kienet se timxi l-quddiem f’ħajjitha. Il-ħarsa pożittiva li għandha lejn il-ħajja kif ukoll is-sens ta’ ġustizzja u paċi faċilment jiddu minn ġo fiha minkejja l-passat diffiċli li kellha. Hija tħalli mpressjoni permanenti fuq dawk li jkollhom il-privileġġ li jiltaqgħu magħha u li jistgħu isejħulha ħabiba.
Xtaqt nintervista lil Hourie għaliex hija mara mpressjonanti, li tispira nisa żagħżagħ. Naf li l-istorja tagħha se tnissel tama f’nisa oħra għax permezz tagħha jagħrfu li la rnexxielha timxi daqshekk il-quddiem fil-ħajja, anke huma jirnexxielhom. Fir-realta’, l-unika ħaġa li twaqqafna milli nimxu l-quddiem huwa l-leħen personali tagħna. Għeżież, bi pjaċir kbir inlaqqagħkom ma’ Hourie…
Francesca: Hourie, grazzi talli aċċettajt l-istedina tiegħi għal din l-intervista. Naf li bħalissa qed tgħix u qed tlesti PhD fl-Istati Uniti, qed tgħix il-ħajja li xi nies isejħulha “The American Dream”, imma dan mhux dejjem kien hekk għalik. Tista’ tgħidilna ftit fuq il-ħajja tiegħek u kif spiċċajt l-Istati Uniti wara li trabbejt f’kamp tar-refuġjati fil-Lebanon?
Hi Francesca, grazzi talli stedintni għal din l-intervista. Xi ftit ġranet ilu għalaqt 29 sena, imma nħossni ħafn’ ikbar meta nitkellem fuq il-vjaġġ tiegħi li wassalni sa fejn ninsab illum.
Kbirt f’kamp tar-refuġjati fil-Palestina, fin-naħa t’isfel tal-Lebanon. L-edukazzjoni primarja u sekondarja tiegħi seħħet fl-iskejjel tal-‘United Nations’ fil-kampijiet stess. Il-vjaġġ edukattiv tiegħi dejjem kien perikoluż minħabba l-ġlied li kien jinqala’ fil-kamp.
Minn dejjem xtaqt li nsir Perit, imma wara li gradwajt mis-‘sixth form’, irrealizzajt li ma stajtx naffordja edukazzjoni f’kulleġġ. Madankollu applikajt għal ‘scholarships’ tal-‘United Nations’, u ngħatajt waħda biex nistudja l-‘graphic design’ fl-Universita’ Internazzjonali Lebaniża. Fl-2012, wara li gradwajt b’ ‘Bachelor’s Degree’ fil-‘graphic design’, irrealizzajt realta’ oħra. Din kienet li ma nistgħux nipprattikaw aktar minn 39 professjoni fil-Lebanon bħala refuġjati tal-Palestina. Għalhekk kelli naħdem ftit xogħlijiet sempliċi viċin il-kamp, u bil-flus li kont naqla’ bilkemm kont nista’ nħallas l-ispejjeż tat-trasport.
Fl-2014, iżżewwiġt u bdejt noqgħod mal-ex-raġel f’Malta, fejn hu kompla l-istudji tiegħu l-Universita. F’Malta jien spiċċajt l-‘Advanced Diploma Marketing’ mill-MCAST. Kont involuta wkoll fix-xenarju tal-volontarjat. Ingħaqadt mal-Assoċċjazzjoni tan-Nisa Imigranti ta’ Malta. Maż-żmien flimkien ma’ persuna oħra tajt bidu għal-Spark-15, l-ewwel organizzazzjoni mmexxijja mir-refuġjati żgħażagħ fl-Ewropa. L-għan ta’ Spark15 huwa biex tissapportja r-refuġjati biex jaċċessaw edukazzjoni għolja u aktar xogħolijiet. Minn Spark15 ippruvajt niltaqa’ ma’ nisa refuġjati żagħżagħ u ninkuraġġihom ikunu aktar attivi fil-komunita’ tagħhom.
Fl-2016, viżitatur partikolari attenda l-laqgħa tagħna ta’ kull ġimgħa. Hu kien veru nteressat fil-ħidma ta’ promozzjoni tagħna. Kien id-‘dean’ tal-iskola tal-istudenti gradwati fl-Universita ta’ Rutgers, New Jersey. Hu stedinni biex immur l-Amerika u nżur l-Universita’ ta’ Rutgers u nitkellem fuq ix-xogħol tiegħi fi Spark15. Wara l-vista, inkuraġġieni napplika għall-programm tad-dottorat fl-Universita’, applikajt u ġejt aċċettata. Issa qiegħda fir-raba’ sena tal-PhD rigward kwistjonijiet globali.
Francesca: Jien naf li bħal ħafna ġenituri Maltin, il-ġenituri tiegħek spiss jinkwetaw, u nkwiet bħal dan jista’ jillimita lit-tfal, speċjalment bniet, milli jkomplu jistinkaw, u dan jista’ jwaqqafna milli nirrealizzaw ix-xewqat tagħna kif ukoll jista’ jwaqqaf il-kisba tal-potenzjal sħiħ tagħna bħala nisa adulti. X’tixtieq tgħid lil dawk in-nisa żagħżagħ li qed jaffaċċjaw ostakli simili biex isibu l-kuraġġ u jsegwu l-ħolm tagħhom? U lill-ġenituri x’tgħidilhom biex tinkuraġġihom ‘iħallu’ u jispiraw lit-tfal biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom?
Dan suġġett veru importanti u sensittiv. Lil missieri dejjem ngħidlu li kieku ma tlaqtx mill-Lebanon u mort Malta fl-2014, kieku għadni fil-kamp miegħu sal-lum. Dan ifisser, li kieku ma kienx ikolli biżżejjed flus biex inħallas l-ispejjeż tal-ikel. Jien u nikber, missieri kien veru protettiv fuqi, il-ħajja soċjali tiegħi kienet limitata sal-familja u l-iskola. Wara li gradwajt, missieri ma qabilx ma l-idea li nfittex xogħol f’postijiet oħra bħal “Beirut”. Kien dejjem jinsisiti li naħdem fejn il-kamp, avolja kien jaf li ma kienx hemm opportunitajiet hemmhekk.
Meta ddeċidejt li niġi l-Istati Uniti biex nakkwista l-PhD, missieri ma kienx qabel, iżda llum jgħidli li kburi bija u li jien mara b’saħħti u ndipendenti. Il-lum il-ġurnata hu jemmen li jien għamilt id-deċiżjoni t-tajba.
Meta ġejt l-ewwel darba l-Istati Uniti kont kważi se nagħlaq 26 sena. Dak kien l-ewwel darba li kont bdejt ngħix waħdi, u kont se nibda programm tal-PhD fi stat ġdid u f’pajjiż ġdid. Inkun qed nigdiblek jekk ngħidlek li ma kontx imbeżża’ u li kollox kien ward u żahar. Fl-istess ħin, kont dejjem infakkar lili nnifsi l-kliem li ‘if there is a will, there is a way’; kont verament determinata li nikseb suċċess u biex insawwar il-futur tiegħi madwar dak li nixtieq.
Lin-nisa żagħżagħ infakkarhom li l-ewwel iridu jemmnu fihom infushom u jemmnu li xejn m’hu mpossibbli. Nista’ nassigurak li xejn ma jista’ jkissirlek is-saħħa tad-determinazzjoni. M’inix ngħid li se tkun triq ħafifa, żgur li le; se taffaċċja ħafna sfidi, u hemm ċans li tfalli xi kultant u tħoss li ma tiflaħx aktar. Emminni, kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn ħassejtni hekk, imma f’dawk il-mumenti ħarist lejn ir-riflessjoni tiegħi innifsi fil-mera, ġieli anke bid-dmugħ f’għajnejja, u fakkart lili nnifsi li se jirnexxili u li m’għandix naqta’ qalbi.
Bħala nisa żagħzagħ irridu nifhmu li aħna rridu nkunu li nidderieġu ħajjitna; ma nistgħux nagħmlu dak kollu li jgħidulna, lanqas jekk jgħidulna dan il-ġenituri tagħna. Toqgħodx tinkwieta li ser tibda t-triq waħdek, la tkun fit-triq it-tajba, eventwalment l-oħrajn se jibdew jimxu warajk. L-esperjenza tiegħi ġagħlitni nifhem li l-ġenituri jridu jifhmu li protezzjoni żejda fuq it-tfal tista tkissrilhom il-futur. Huma għandhom ir-responsabbilta’ li jinkuraġġixxu lill-bniet tagħhom, u mhux biss jgħinuhom bit-trobbija. Jistgħu jagħmlu hekk billi jkollhom fiduċja fit-tfal u jħalluhom isiru dak li jridu jsiru.
Francesca: Tista’ tgħidilna aktar fuq l-istudji tal-Phd tiegħek? Minn dejjem xtaqt tistudja? Kif spiċċajt taqra għall-kors tal-PhD fl-Istati Uniti u fuq xiex inhi t-teżi? U fl-aħħar mill-aħħar, x’inhi l-ħolma tiegħek għal wara li tlesti t-teżi?
It-teżi tiegħi teżamina l-fatturi li jinfluwenzaw l-intraprenditorija tar-refuġjati fil-komunitajiet tal-Istati Uniti. Inizjalment xtaqt neżamina l-intraprenditorija tar-refuġjati fil-kampijiet tal-Lvant Nofsani. Iżda, minħabba l-Covid-19, kelli nbiddel il-pjan.
L-aħħar ħolma tiegħi relatata mal-akkademja hija li nsir professura, biex ngħallem u nitgħallem dwar il-kwistjonijiet tar-refuġjati u l-migrazzjoni.
L-għan aħħari tiegħi huwa li nistabbilixxi sistema ta’ ‘start-up’ li tipprovdi taħriġ u fondi għar-refuġjati nisa tal-intraprenditorija fil-kampijiet tal-Lvant Nofsani biex jibdew in-negozji tagħhom, kif ukoll biex jinħolqu instituzjonijiet b’xejn tal-‘pre-schooling’ għat-tfal refuġjati: żewġ proġetti marbutin flimkien.
Francesca: Nifħralek Hourie – naf li riċentament tgħarrast – u naf li semmejt li l-‘partner’ jinkuraġġik u jissapportjak – x’inhuma l-aktar kwalitajiet importanti li tara ta’ valur fir-relazzjonijiet tiegħek?
Għalija, relazzjoni b’ suċċess hija waħda li ma żżommokx lura minn dak li tixtieq timmira għalih. Jien vera onesta’ mal-partner, u naf li għandna xi għanijiet flimkien bħala familja, imma t-tnejn li aħna għandna l-ħajja u l-ħolm separat tagħna wkoll. Dejjem se nissapportjaw lil xulxin biex nilħqu għanijiet tagħna.
Francesca: Ħafna nisa donnhom jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom tal-PhD għal ammont ta’ snin, imbagħad jikkalmaw xi ftit mill-istudju sabiex ikollhom it-tfal u jiffukaw aktar fuq il-familja. Dan ifixkel lin-nisa milli jilħqu l-aqwa potenzjal tagħhom, u jkompli jirriżulta f’differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, li mbagħad jikkontribwixxi fil-fatt li n-nisa jkunu nieqsa f’ pożizzjonijiet għolja fit-tmexxija. Taħseb li din hija t-triq li se tieħu inti – li tikkalma mill-istudju u x-xogħol biex ikollok it-tfal, jew tixtieq tkompli taħdem biex tilħaq stat għoli jew fil-qasam li għażilt? Il-partner tiegħek jissapportja l-karriera tiegħek ukoll?
Din hija kwistjoni ta’ sfida kbira. Nemmen li n-nisa jistgħu jagħmlu ż-żewġ affarijiet jekk ikunu mal-persuna t-tajba. M’għandniex għalfejn ikollna dejjem l-għażla bejn li jkollna t-tfal jew li nkunu f’pożizzjonijiet għolja fit-tmexxija. Jekk bħalissa dak huwa l-każ, mela rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inbiddlu din l-idea. Nistgħu nuru li kapaċi nagħmlu dawn l-affarijiet simultanjament, fuq kollox dan inkunu nistgħu nagħmluh jekk insibu persuna li tissapportjana.
Francesca: Grazzi Hourie, nixtieqlek kull fortuna u suċċess għall-futur. L-aħħar mistoqsija: xi tgħid lil dawk in-nisa ta’ l’eta’ tiegħek li possibilment qed jaħsbu biex jibdew triq ġdida f’ħajjithom imma qed ikollhom id-dubji u qed jinkwetaw fuq jekk humiex tajbin u kapaċi biżżejjed?
Jien ngħidilhom li mhux biss huma kapaċi, imma li huma ħafna aktar minn kapaċi u biżżejjed. Emmen fik innifsek u tħallix il-ħsibijiet negattivi jwaqqfuk. Dak li tagħmel illum jifforma dak li se tkun fil-futur. Xi kultant irridu nieħdu r-riskji u jekk it-toroq ikunu differenti ma jfissirx li jkunu ħżiena. Għalija l-ħajja qatt ma kienet ħafifa, u qatt ma nistenniha li tkun ħafifa. Biex inkun onesta, sirt inħobbha hekk, xi kultant daqsxejn frustranti, imma tfakkarni li għandi raġuni għal xiex ngħix u għalhekk nista’ u kapaċi naċċetta nilqa’ kull sfida b’idejja miftuħin.
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.