Ili ma nara l’Angele aktar minn 25 sena imma l-entużjażmu għall-ħajja sibt li għadu jispikka fiha. Nista’ nara dan fix-xogħol kollu tagħha. Grazzi għal Facebook u Instagram riċentament erġajna bdejna nitkellmu u kienet ħaġa veru sabiħa li erġajt bdejt nitgħallem fuq dak li kienet bdiet tagħmel minn meta konna għadna żewġ tfajliet fuq ruħna, kemmxejn imqarba u li konna nħobbu nieħu gost mingħajr l-ebda inkwiet u ħsieb fid-dinja. Fil-ħin liberu tagħna konna noqogħdu nimmudellaw fuq ‘catwalk’ flimkien, ġeneralment f’‘fashion shows’ biex niġbru l-flus għal ħafna karitajiet. Konna verament nieħdu gost, konna grupp ta’ żgħażagħ insiefru l-Italja biex nimmudellaw f’’fashion show’ ġo kastell veru sabiħ f’ ‘Calabria’. Angele minn dejjem kienet il-ħajja u r-ruħ tal-grupp u kienet l-aktar waħda li ddaħħakna malli nibdew nitkellmu. Issa li erġajna qbadna nitkellmu, id-daħk li kont nidħak dak iż-żmien, erġajt bdejt nidħku. Bi pjaċir inlaqqagħkom ma’ Angele Lautier: artista, omm t’erbgħa u dalwaqt se tkun ukoll studenta tal-psikoloġija – kif jirnexxilha timmaniġġja kollox?
Francesca: Għidilna naqra fuqek Angele.
Preżentament qed noqgħod u naħdem Londra. Veru fortunata li għandi l-‘istudio’ tiegħi fejn nista’ nqatta’ ħafna mill-ħin tiegħi naħdem fuq kummisjonijiet kif ukoll proġetti li jinvolvu t-tpinġija u l-iskultura. Tlett darbiet fil-ġimgħa ngħallem l-Arti u d-Disinn, u issa bdejt ‘degree’ oħra fil-psikoloġija.
Francesca: X’ jispirak f’ dak li tagħmel u kif tipproċessah f’arti?
Ix-xogħol kollu tiegħi huwa awtobijografiku. Jien inpenġi wkoll l-ispirazzjoni tiegħi minn dak li jkun hemm madwari; kemm jekk tkun xi mossa f’konverżazzjoni kif ukoll minn xi ‘headline’ fl-aħbarijiet. Il-prodott tar-risposta tiegħi imbagħad jiġi żviluppat mir-riċerka li jinforma x-xogħol tiegħi. Wara li nħossni komda fl-ispazju, nibda nħawwad b’mod għaqli l-kunċett billi napplika approċċ surrealistiku u kunċettwali, flimkien ma sett ta’ kuluri mhux mistennija. L-interess tiegħi fl-osservazzjoni, l-interazzjoni u l-imġieba umanitarja hija evidenti fl-espressjoni u fin-narrattiva bejn l-elementi li fihom il-kompożizzjonijiet kollha tiegħi.
Francesca: X’temi tħobb tesplora?
Il-ħajja tal-omm, ir-riproduzzjoni u l-fraġġilta’ tal-ħajja. Aktar ma nipproduċi xogħol, aktar nidentifika temi, oġġetti u simboliżmu rikorrenti. Il-fatt li jiena tewmija u personalment kelli tewmin ukoll sibt mod biex ninvolvi ruħi f’xogħol fejn inkun nista’ niċħad ir-regola tal-‘wieħed’ u spiss naħdem bi tnejn jew erbgħa, u xi kultant sitta, li jinkludu l-familja mmedjata tiegħi.
Francesca: Għandek xi stil personali tiegħek?
Fit-tpenġijiet tiegħi inħobb nuża kuluri qawwijin u f’forom ċatti. Jien veru nieħu gost nesplora tekniċi ġodda li jinkludu ‘textures’ u ‘washes’ li nikkombina f’xogħli. L-iskulturi tiegħi huma kollha konċettwali u nuża kull tip ta’ materjali.
Francesca: X’inhu l-aktar medju u skala preferita tiegħek?
Għat-tpenġijiet tiegħi inħobb nuża l-‘acrylic’ għax bih nista’ naħdem b’mod mgħaġġel. Għandi ħafna ideat li nista’ nagħmel fuq il-kanvas. Xi kultant naħdem fuq żewġ jew tliet tpinġijiet b’mod spontanju waqt li nkun nistenna ż-żebgħa tinxef sabiex nibqa’ fiż-żona. Nippreferi naħdem fuq skala kbira. Innutajt li l-pubbliku ġenerali jaħsibha darbtejn biex jinvesti fi skala kbira. Meta tirrifletti sew tinduna li l-ispazju ta’ fuq is-sufan, per eżempju, huwa pjuttost kbir u jħalli mpatt aħjar jekk dak l-ispazju jkun mimli, aktar milli kieku jkollok biċċa arti żgħira fin-nofs. Aktar ma wieħed iħares madwaru f’daru, aktar jirrealizza li hemm ħafna aktar possibilitajiet biex jakkomoda arti ta’ skala ikbar.
Francesca: Għidilna dwar l-aħħar kollezzjoni tiegħek.
Bħala omm t’erbat itfal, jien iffukajt l-aktar fuq is-saħħa emozzjonali, fiżika, spiritwali u akkademika tagħhom. Peress li issa kollha kemm huma qegħdin fiż-żmien taż-żogħżija tagħhom u qed jipprattikaw l-indipendenza, jien qed nerġa nieħu lura l-indipendenza u l-liberta’ tiegħi. Filwaqt li bdejt napprezza din il-bidla f’ ħajti, ħassejt ukoll ċerta nostalġija. Dan il-fatt, flimkien mal-‘peri-menopause’, wassluni għal perjodu kemmxejn konfuż. Wara li fittixt u tkellimt ma nisa li qed jgħaddu minn bidla f’ħajjithom, jien bdejt naħseb biex ngħaqqad dan kollu f’kollezzjoni ta’ pitturi, b’bidla! Iddeċidejt biex niffoka fuq naħa aktar pożittiva tal-bidliet li jesperjenzaw in-nisa b’pożittivita’ u kuluri vibranti. ‘Femella’, mill-kelma Latina li tfisser nisa żgħar, huwa l-isem tal-kollezzjoni l-ġdida tiegħi. In-nisa fit-tpenġijiet huma murija bħala żgħażagħ fil-qalb u ferrieħa filwaqt li jaħbu l-proċessi u t-tribulazzjonijiet imposti fuqhom mis-soċjetà, il-liġi u l-kultura. Huma jinternalizzaw il-bidla fiżika u emozzjonali.
Din il-kollezzjoni hija ċelebrazzjoni għan-nisa kollha. Taħlita tal-figuri femminili ta’ Mattisse kif ukoll l-iskulturi u l-arti Femme Maison, 1994 ta’ Louise Bourgeois ispiraw waħda mill-pitturi fil-kollezzjoni, Heather. Il-pitturi tiegħi kollha kemm huma msemmija wara ismijiet popolari tas-snin 70 u kull waħda minnhom titratta ammont ta’ sintomi bi stil ssurreali u konċettwali. Patricia għandha oġġett domestiku li jwassal tifsira litterali, filwaqt li Sandra turi agunija permezz tas-simboliżmu. Qiegħda wkoll fil-proċess li noħloq skulturi minn dawn it-tpenġijiet li huma reminixxenti tad-disinji fil-ġebel tal-Alla tal-Fertilita’, li huma familjari f’Malta. Din hija kollezzjoni bla tmiem li mingħajr dubju se tirrifletti l-bidliet li nara jien u li raw nisa oħra.
Francesca: Kif inbidlet il-prattika tiegħek maż-żmien?
Ix-xogħol li għamilt fil-bidu jenfasizza il-fraġġilta’ tal-ħajja, ‘3D Photo Album’, 2005. L-iskulturi tat-tafal f’forma ta’ bajda ta’ Celeida Tostes’ u l-vidjow ‘performance’ jitrattaw din it-tema f’mod simili. Din it-tema kont ispirata minnha meta sirt omm għall-ewwel darba. Jien esplorajtha fit-tpenġijiet, skulturi fformati mill-qxur tal-bajd, il-fotografija u xogħol tar-‘resin’. Jien nidentifika wkoll mal-esebizzjoni ‘Measure of Distance’, 2016 ta’ Mona Hatoum, fejn oġġetti domestiċi jsiru aktar sinifikanti fir-rutina monotona fejn tkun iżolata u ‘maqbuda’ d-dar bħala omm żgħira. Riċentament skoprejt il-kollezzjoni tal-fotografija ta’ Sophie Erbard imsejjħa ‘I Didn’t Want to Be a Mum’, 2019. Ix-xogħol kurrenti tiegħi jirrifletti l-vjaġġ bħala persuna matura fil-ħamsinijiet. Xogħli narah jagħmel ritorn inevitabbli għat-tema tal-fraġġilta’ tal-ħajja.
Francesca: X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għall-futur?
Bħalissa ninsab vera eċitata biex nara fejn se teħodni d-‘degree’ tal-arti. Żgur li se jkollha mpatt fuq l-arti tiegħi. Qed nittama wkoll li nkompli nibni l-kollezzjoni ‘Femella’ għall-esebizzjoni f’Diċembru fil-UK u żgur li nixtieq nesplora esebizzjonijiet Maltin u nġib l-arti tiegħi lura fil-post li għext fih jien.
Francesca: Fejn nistgħu naraw xogħlok?
Il-websajt tiegħi hija aġġornata regolarment www.angelelautier.com
Għal aktar informazzjoni dwar il-proċessi, l-ideat u ‘snapshots’ fuq it-temi relatati, tistgħu issegwuni fuq ‘instagram’: https://www.instagram.com/angele_lautier_artist/
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.