Attenzjoni: abbuż sesswali u stupru.
Meta Francesca Fenech Conti, amministratriċi tal-grupp ‘Women for Women (Malta)’ fuq Facebook qasmet esperjenza personali ta’ abbuż sesswali mas-segwaċi tagħha, żgur li ma kinitx ippreparata għal dak li ġara wara…irċeviet messaġġ wara messaġġ b’experjenzi reali u dettaljati ta’ nisa li wkoll esperjenzaw abbuż sesswali u stupru f’ħajjithom.
Sa fl-aħħar, ħafna nisa sabu l-kuraġġ jitkellmu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mill-passat b’mod anonimu…esperjenzi ta’ uġiegħ emozzjonali li ħafna drabi jmur lura fis-snin tat-tfulija tagħhom. Uħud minn dawn in-nisa ammettew li kienu qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ta’ trawma sesswali mit-tfulija tagħhom għall-ewwel darba f’ħajjithom.
Hawn isfel tista’ taqra ftit mill-esperjenzi li dawn in-nisa b’kuraġġ kbir qasmu mas-segwaċi ta’ Francesca, bit-tama li jqajmu kuxjenza dwar il-ħsara psikoloġika estensiva li l-abbuż sesswali jikkawża fuq il-vittmi, kif ukoll sabiex jgħinu nisa oħra b’esperjenzi simili jaċċettaw dak li għaddew minnu u finalment jirnexxielhom ifiequ emozzjonalment.
Meta kont fil-‘year’ 5 u 6 (kelli madwar 9 jew 10 snin), kelli għalliem li forsi kellu madwar 45 sena. Kien għalliem tajjeb, kien idaħħakna, bravu, u kien jiffavurixxini. Kien itini attenzjoni żejda waqt ix-xogħol tal-klassi u kont inkun ħerqana għall-lezzjonijiet tiegħu.
Wara xi ftit taż-żmien beda jġib ruħu b’mod differenti miegħi. Kont għamilt operazzjoni u kelli mmur l-iskola bil-krozzi, u għalhekk ingħatali l-permess biex nibqa’ fil-klassi waqt il-brejk taħt is-superviżjoni ta’ għalliem. F’ħafna mill-ġranet kien jibqa’ miegħu hu u waqt dan il-ħin li kien ikollna flimkien kien joqgħod jitkellem miegħi, isejjaħli b’ismijiet ħelwin, jirrimarka dwar it-tibdil li kien qed jidher iseħħ f’ġismi, jogħrokli dahri, u f’okkazjoni minnhom poġġa ħdejja u tella’ idu minn taħt id-dublett tiegħi u beda jmellisli l-parti privata tiegħi.
Niftakar li dak il-ħin tant ħassejtni xxukjata li qbadtlu idu u ġbidthielu minn hemm. Imma t-tweġiba tiegħu għal dan kienet li bħala edukatur, kien xogħlu wkoll li jgħallimni dwar ġismi. Minn dak iż-żmien bdejt ninnota l-karozza tiegħu ipparkjata quddiem id-dar tiegħi ta’ spiss fil-ġranet ta’ l-iskola. Ma kienx joqgħod il-bogħod. U għalkemm kont inħossni xi ftit skomda, kont għadni żgħira wisq biex nifhem x’kien qed jiġri, u għalhekk m’għedt xejn lill-ġenituri tiegħi għax bżajt mir-riperkussjonijiet.
Meta għalaqt 13 għamilt profil fuq Facebook. Kont ili ma narah minn mindu kont spiċċajt mill-iskola primarja, iżda wara biss ftit ġimgħat onlajn, irċivejt ‘friend request’ mingħandu. Sfortunatament aċċettajtu bħala ħabib, u minn hemm beda jimmanipulani. Għall-ewwel kien jidher ġenwinament interessat sabiex ikun jaf kif kont sejra l-iskola, u offra li jgħinni jekk ikolli bżonn xi għajnuna fil-‘homework’.
Iżda eventwalment id-diskursati tiegħu bdew jieħdu xejra ta’ natura sesswali. Kien jgħidli kemm kont inħawwdu u kemm kien joqgħod jaħseb fija kull darba li kien ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ martu, għallimni nimmasturba; kien jikkummentali ħafna dwar id-dehra tiegħi u anke offrieli biex jixtrili ġojjellerija u mowbajl jekk niltaqa’ miegħu wiċċ imb’wiċċ. Beda juża l-innoċenza u s-sempliċita’ tiegħi bħala vantaġġ, sabiex jimmanipulani kif irid. Kien jgħidli li kien sar iħobbni u li ried jaħrab miegħi x’ imkien barra minn Malta biex jibda’ ħajja ġdida miegħi, u saħansitra kien jispjegali fid-dettall l-affarijiet sesswali kollha li ried jagħmilli.
Għalkemm kont inħoss li dan kollu kien ħażin, żammejt kollox sigriet għax kien jgħidli li kieku nitkellem kont niġi fil-problemi minħabba li ħadd ma kien se jifhem ir-relazzjoni tagħna. Issa kien tard wisq u ma kontx naf kif stajt noħroġ minn din is-sitwazzjoni. Xi kultant kien jirrabja jekk indum biex nirrispondi l-messaġġi tiegħu, u kien jheddidni li jiġi d-dar tiegħi u jikxef ir-relazzjoni tagħna jekk nibblokkjaħ jew inwaqqaf ir-relazzjoni. Ħassejtni nistħi, imbarazzata u mbeżża’, u bdejt ukoll inbagħti bl-anzjeta’, dipressjoni u kont saħansitra nweġġa’ lili nnifsi. Ħassejtni li kont spiċċajt totalment bla kontroll.
Eventwalment ksirtha miegħu f’nofs argument li nqala’ meta għedtlu li ma stajtx niltaqa’ miegħu, u dakinhar ibblokkjajtu u ma rġajtx smajt mingħandu. Din l-esperjenza kellha r-riperkussjonijiet fuqi, u affetwatli r-relazzjonijiet li kelli, il-mod li bih kont inġib ruħi jien u nikber, u anke s-saħħa mentali tiegħi. Għamilt ħafna snin biex irrealizzajt minn xiex kont għaddejt, u sal-ġurnata tal-lum għadni nsibha diffiċli biex nafda, spiss inkun irrabjata u nbagħti wkoll mill-PTSD. Żammejt dan kollu fija nnifsi, tajt it-tort lili nnifsi għal tant żmien li biss bl-għajnuna tat-terapija rnexxieli naċċetta l-fatt li kont esperjenzajt abbuż sesswali u li dan ma kienx it-tort tiegħi. Nirrifjuta li nsejjaħ lili nnifsi vittma tiegħu.
Kien hemm ħafna drabi li ħassejt il-bżonn nirrappurtaħ. Ili ħafna ninkwieta dwar dak li jista’ jkun jagħmel lil tfal oħra jekk ma nirrapportaħx, u fil-fatt nammetti li dan huwa tort li nġorr miegħi kull darba li naħseb f’dak li għaddejt. Nixtieq li ssir ġustizzja, imma nibża’. Nibża’ minn kif jeħduha l-familja tiegħi, li dejjem kienu protettivi fuqi. Nibża’ dwar kif jistgħu qatt jaċċettaw il-fatt li t-tifla tagħhom irnexxielha taħbi sigriet daqshekk diffiċli. Żgur li dan il-ħsieb ikissirhom. Ħadli biżżejjed affarijiet minn ħajti, ma nistax inħallih ikissirli l-familja tiegħi ukoll.
Barra minn hekk ninkwieta wkoll dwar il-qorti. Kollha kemm aħna nafu li rari ssir ġustizzja, u ma naħsibx li nibqa’ daqshekk f’saħħti jekk ngħaddi minn proċess daqshekk iebes, biex forsi jispiċċa joħroġ liberat, jew b’sentenza ħafifa. Kieku kien hemm iċ-ċans li nikxef li ġara b’mod anonimu, iva, nagħmilha. Nagħmilha ħalli tfal oħra jkunu sikuri u ma jgħaddux milli għaddejt minnu jien. Fortunatament għandi l-konverżazzjonijiet tagħna ssejvjati, fejn fi ftit minnhom saħansitra jammetti l-abbuż u l-avvanzi sesswali tiegħu lejja.
Għeżież ġenituri, iċċekkjaw il-mowbajls tat-tfal tagħkom u segwu dak li jkunu qed jagħmlu onlajn. Tiddejqux titkellmu magħhom anke dwar dawk il-konverżazzjonijiet xi ftit ambigwi, u ħudu tibdil fil-mod ta’ kif iġibu ruħhom bis-serjeta’. Meta tagħmlu dan tkunu qed tippreżentaw lilkom infuskom bħala persuni sikuri fejn uliedkom iħossuhom komdi jduru lejkom fejn ikun hemm bżonn. Grazzi talli sibtu l-ħin taqraw l-istorja tiegħi. U jekk hawn minnkom li għaddejtu minn xi abbuż, ftakru li m’intomx waħedkom, u bl-għajnuna tistgħu tħossukom aħjar.
Esperjenza Anonima
L-agħar esperjenza ta’ abbuż sesswali li għaddejt minnu kien dan (kelli esperjenzi oħra ma ‘boyfriends’, fuq ix-xogħol, eċċetra). Dan kien xi ħadd viċin u għal qalbi, ħafna akbar minni; f’għajnejja kien qisu missier ieħor tiegħi. Li noħorġu jew nattendu serati soċjali jew anke waħedna kienet xi ħaġa normali għalina.
Darba waħda l-pjan kien li noħorġu nieklu barra: jien, hu, u mara oħra ikbar minni. Wara xi ftit ta’ drinks waqt l-ikla, din il-mara iddeċidiet li tmur lura d-dar, u għalhekk spiċċajna jien u hu biss. Iżda sa dan il-ħin kont għadni nħossni bħal li kieku kont qiegħda ma’ persuna mill-familja tiegħi, u għalhekk kont qed inħossni sigura.
Baqa’ jixtri d-drinks. Bħala raġel pjuttost kabbari ma bediex jiġi affettwat mill-ammont ta’ drinks. F’punt minnhom biesni, u dak il-ħin ħassejtni mbarazzata…ma ridtx nirriskja noħloq xi paniku jew nitlef il-ħbiberiji kollha li kellna komuni. Wara t-tieni attentat tiegħu inġbidt lura u għedtlu li ridt immur lura d-dar. Iżda r-risposta tiegħu kienet li ma kienx se jħallini mmur lura d-dar waħdi “f’dak l-istat”.
Ħadni miegħu il-ħotel li fih kien qed joqgħod, u dak il-ħin bdejt inħoss paniku ġej fuqi, imma bdejt nibża’ naqla’ paniku…moħħi beda jgħidli li forsi kont qed nibni storja mix-xejn u li dan ma kienx raġel perikoluż. Bqajt ngħidlu li ridt naqbad taxi għad dar imma hu baqa jinsisti li ma kontx se mmur lura d-dar dak il-ħin. Hekk kif kaxkarni fil-kurituri għal ġol-lift u mbagħad għal ġo kamartu, bdejt ngħajjat għall-għajnuna, iżda rnexxielu jsakkarni fil-kamra u ma riedx iħallini noħroġ anke jekk bdejt nitolbu bil-ħniena. Bqajt nipprova nissielet għal tul ta’ ħin, iżda fl-aħħar irrealizzajt li ma kienx se jċedili.
Iddeċidejt li jien noqgħod fis-sodda waqt li hu joqgħod fuq is-sufan. Ovjament bqajt bi ħwejġi kollha fuqi. Meta ħaseb li jien kont irqadt, daħal fis-sodda ħdejja minn naħa l-oħra tas-sodda u tela’ fuqi u pprova jistuprani. Iġġilidt kemm flaħt…dejjem kelli biża’ kbira li nesperjenza stupru, u għalhekk dak il-mument kien vera orribbli għalija. Hu baqa’ jinsisti u jsaqsini, “għaliex qed tagħmel hekk?” Kont naf li hu kien ħafna aktar b’saħħtu minni u li jien kont xi ftit xurbana wkoll.
Wara xi ħin rrealizza li ma kontx ħa nċedi, u donnu qata’ qalbu u dar in-naħa l-oħra. Issettjajt l-alarm għas-6am u hekk kif sar il-ħin filgħodu ġrejt kemm flaħt il-barra mill-ħotel għal ġol-karozza tiegħi. Xahar wara bagħtli ritratti tal-ultrasound tal-mara tiegħu, li kienet tqila.
Esperjenza Anonima
Meta kelli 19-il sena bdejt naħdem fil-‘catering’ għax-xhur tas-Sajf. Ftit ġranet wara, kollega fuq ix-xogħol beda juri nteress fija. Kellu 27 sena. Eventwalment qalli noħroġ miegħu u minn hemm bdejna noħorġu flimkien. Għamilna affarijiet normali bħal kull koppja li tibda relazzjoni…drinks, ikliet, naraw ix-xemx nieżla, BBQ’s, għawm, sewqan fit-tul…Kien perjodu sabiħ!
Wara xi xahar introduċieni mal-ħbieb tiegħu…fatt li ġagħlni nħossni speċjali meta tikkunsidra li dawn kienu kollha madwar 10 snin akbar minni. Dejjem irrispetta il-‘boundaries’ tiegħi, speċjalment meta tikkunsidra li l-unika persuna li kelli x’naqsam miegħu qabel kien l-ex li kelli qablu, u konna ilna 3 snin noħorġu flimkien.
Ġurnata minnhom offrieli li jgħaddi għalija wara xift twil, bil-ħsieb li mmorru nieħdu drink, u jien aċċettajt. Saqni lejn ‘car park’ abbandunat fis-2am u sfurzani jkolli x’naqsam miegħu sesswalment. Wara saqni lejn id-dar fis-silenzju. L-għada rriżenja mix-xogħol fejn konna naħdmu u ma rġajtx smajt mingħandu.
Xi ftit xhur wara rajtu fuq ‘bus stop’, u GĦEMIŻNI. Ħassejtni abbużata daqs kemm kont ħassejtni abbużata f’ dak il-lejl.
Qed naqsam l-istorja tiegħi biex nagħmel enfasi fuq il-fatt li każijiet ta’ stupru mhux dejjem iswed jew abjad. Ħafna nisa, bħal m’għamilt jien, iżommu esperjenzi hekk midfuna fihom infushom, u jgħaddu żmien twil jikkumbattu emozzjonijiet ta’ ħtija, biża’ u mistħija, qabel jaslu jirrealizzaw xi jkunu verament esperjenzaw, aħseb u ara kemm isibuha faċli jitolbu l-għajnuna.
Għaddew 6 snin sakemm irrealizzajt li dak li kont għaddejt minnu ma kienx it-tort tiegħi. Kont sfajt stuprata minn xi ħadd li ħsibt li kien jirrispettani u jaħseb fija. #metooMalta #IBelieveYou
Esperjenza Anonima
Iltqajt ma’ dan il-ġuvni fuq ‘dating app’ waqt li kont qed nistudja l-Ingilterra, u spiċċajna niċċettjaw għal madwar ġimgħatejn. Kien jidher jieħu ħsieb, u kellu ħafna jiffolowjawh fuq Instagram, bħal donnu kien xi ‘influencer’. Forsi dan il-fatt ġagħlni nemmen li hu ta min jafdah. U għalhekk meta saqsieni mmur s’għandu għal ftit drinks aċċettajt.
Kif kont għandu spiċċajt xrobt xi ftit aktar milli ppjanajt, x’aktarx għax kont xi ftit nervuża minħabba li kellna ‘date’. Niftakar li bdejt inħoss li l-alkoħol kien qed jaffettwani, u għalhekk tlabtu xi ħaġa ta’ l-ikel ħalli niġi ftit f’tiegħi, u niftakarni nipprova nitfa xi ftit għaġin f’ħalqi.
L-unika ħaġa li niftakar wara dik il-memorja kienet lili nnifsi naħseb li kont qegħda waqt xi festin, meta suppost konna biss jien u hu d-dar. Ġejt f’punt fejn lanqas stajt nagħraf fejn kont qegħda, u wara ftit intlift minn sensija.
Wara dan l-episodju niftakarni nqum l-għada filgħodu fis-sodda ta’ dan ir-raġel għarwiena kompletament. Ħassejtni konfuża u bla saħħa. Imxejt lejn il-kamra tal-banju meta nnutajt xi ħaġa ċċarċar ma saqajja. Lanqas biss kien uża kondom.
Meta qam staqsejtu x’ kien ġara eżatt, u hu qalli li tlajna fuq wara li kont kilt, u li kellna x’naqsmu sesswalment. Qalli li tant kont fis-sakra li qas kont ftakart li kellna x’naqsmu l-ewwel darba, u kompla jgħidli li reġa kellu x’jaqsam miegħi wara. Beda jidħak u jiċċajta dwar kemm konna fis-sakra imma jien ma stajt niftakar xejn.
Meta sibt il-flokk li kont liebsa l-lejl ta’ qabel, sibtu mċappas kollu biz-zalza, u meta staqsejtu x’kien ġara qalli li lanqas stajt biss inpoġġi l-ikel f’ħalqi u bdejt inwaqqa’ kollox fuqi. Minn hemm tlaqt lejn id-dar imma kont għadni ma rrealizzajtx il-gravita’ ta’ dak li kien ġara sakemm tkellimt ma’ sħabi.
Meta rrealizzajt li kont ġejt stuprata, ħassejtni kompletament vjolentata, ħatja u mistħija. Episodju minn ħajti li spiss iżommni mqajma bil-lejl u li għadu jaffettwa l-esperjenzi sesswali tiegħi.
Xi kultant waqt is-sess nesperjenza nervi u rabja u nispiċċa nimbotta r-raġel minn fuqi…biex imbagħad inħossni imbarazzata u spiss nibda’ nibki. Sal ġurnata tal-lum xi kultant insib lili nnifsi naħseb li forsi jienġibt lili nnifsi f’dik is-sitwazzjoni, iżda sħabi jgħiduli li anke jekk mort minn jeddi għand raġel u xrobt ħafna, seta’ jirrealizza li kont wisq xurbana biex nagħti l-kunsens tiegħi.
Bħala persuni li esperjenzajna abbuż sesswali għandna ningħaqdu u nżommu lill-dawn in-nies responsabbli. Xi ħaġa hemm bżonn li ssir biex esperjenzi hekk ma jseħħux fuq skala daqshekk kbira. Ma fadalx skużi aktar. Grazzi Francesca ta’ dan il-moviment li bdejt fost il-komunita’ tagħna. L-għarfien huwa mportanti
Esperjenza Anonima
Spiċċajt bla kliem jien u naqra l-esperjenzi #metoo. Nixtieq naqsam l-istorja tiegħi bl-istess mod, anke jekk fortunatament l-esperjenza tiegħi ma kellhiex impatt negattiv fit-tul fuq il-ħajja tiegħi b’mod ġenerali. Iżda l-istorja tiegħi tirrifletti dak imsejjaħ ‘mental blocking’ li ta’ spiss iwassal biex il-verżjoni tal-vittma tiġi meqjusa invalida.
Sentejn ilu kont qed nitkellem m’oħti dwar il-preparazzjoni tat-tifla tagħha għal-Preċett, meta f’ħin minnhom oħti semmiet li bintha kien se jkollha l-ewwel esperjenza tagħha ta’ qrar. Fil-lokalita’ tagħhna, it-tfal jittieħdu għall-ewwel qrara tagħhom mill-katekisti bħala grupp f’ ġurnata partikolari qabel l-Ewwel Tqarbina.
Hekk kif oħti semmiet dan, bħal donnu nfetaħ beraħ bieb f’moħħi u ftakart l-esperjenza tiegħi bħala tifla ta’ seba’ snin waqt l-ewwel qrara.
Konna grupp ta’ tfal nistennew wara l-bieb ta’ l-uffiċċju ta’ qassis fil-parroċċa tagħna sabiex inqerru għall-ewwel darba. Meta kien imissni nidħol inqerr jien, il-qassis sakkar il-bieb warajja. Imbagħad ġagħlni npoġġi bilqiegħda fuq kuxxtejħ waqt li staqsieni jekk kellix xi dnubiet xi nqerr. Onestament ma stajt naħseb f’ xejn partikolari…apparti li bdejt inħossni skomda, aktar u aktar meta beda jmellisli sidri, li ovjament ta’ seba’ snin ma kien għad kelli xejn. Spiċċajt ivvintajt xi stejjer malajr bħal eżempju m’obdejtx l-ommi.
Sadattant bdejt ukoll nirrealizza li kont qiegħda bilqiegħda fuq xi ħaġa iebsa. Ma kellix idea x’kienet, pero dik il-ħaġa kienet ippressata mal-parti tiegħi…Illum il-ġurnata nirrealizza li dik il-ħaġa ma kienet xejn ħlief il-parti tiegħu eretta. Niftakarni nħossni tant skomda li bdejt nipprova niċċaqlaq minn hemm, u ppruvajt ukoll ninqala’ minn fuqu. Fl-aħħar, wara dik li kienet tidher eternita’ ħallieni nqum minn fuqu.
L-iktar ħaġa nkredibbli dwar dan kollu huwa li kont kompletament insejt dan l-episodju. Moħħi bħal donnu bblokkah kompletament. Kelli bżonn ‘trigger’ biex dan l-episodju jerġa’ jiġi kollu lura f’moħħi wara 29 sena, b’ċarezza assoluta!
Esperjenzajt stat ta’ xokk għal ftit ġranet, iżda fortunatament il-memorja ġietni lura fi żmien li fih kelli l-kapaċita’ mentali w’emozzjonali biex inkampa. Apparti hekk, il-fatt li jien illum il-ġurnata ittrennjata dwar is-saħħa mentali għen xi ftit ukoll.
Illum il-ġurnata nħossni tajba totalment. Naf li jien m’għamilt xejn ħazin, pero nirringrazzja l-fortuna tiegħi, għax dakinhar seta’ ġrali ħafna agħar milli ġrali fir-realta’. Nistqarr pero’ li minn dakinhar l-hawn m’erġajtx dħalt il-knisja darb’oħra. Naf li mhux il-qassisin kollha huma l-istess, imma nħossni ddisgustata u nemmen li l-qrar mhux neċessarju, anzi huwa bla sens, u nħoss li ma’ nistax nerġa nafda. M’għadnix inħossni nista’ nidentifika ruħi mar-reliġjon kattolika.
Esperjenza Anonima
Meta kont għadni nattendi l-iskola primarja f’xi sena bejn l-ewwel u t-tielet sena (allura kelli bejn sitt u tminn snin), jien flimkien ma tlett ibniet oħra konna niġu msejħa biex naqraw fl-uffiċċju tas-surmast. Kont inkun eċitata ħafna dwar dan…kont inħobb naqra wisq! U mbagħad il-fatt li kelli naqra quddiem is-surmast?!
Insomma…konna qed nistennew wara xulxin quddiem l-uffiċċju, u f’ħin minnhom għajjatli għax kien imissni jien. Bdejt naqra l-ktieb u f’ punt partikolari qalli nneħħi l-ktieb minn idi. Imbagħad qabadli idi t-tnejn u għamilhomli fuq il-parti tiegħu, u beda bħal jogħrok il-parti tiegħu b’idejja.
Sibtni ngħid bejni u bejn ruħi…uhhh…kif qed jinħass aktar iebes? Imbagħad, ta’ tifla ta’ sitt snin li kont għedtlu, “il-mummy tgħidilna ma mmissux il-partijiet privati ta’ nies oħra”. B’dak il-kliem naħseb ixxukkjajtu xi ftit…weġibni “imma ok ta”, u waqaf u qalli mmur lura fil-klassi.
Sa fejn niftakar, dan li semmejt seħħ darba biss miegħi, iżda naf li ta’ spiss kien isejjaħ bniet oħra fl-uffiċċju tiegħu għall-istess raġuni.
Fhimt eżatt x’kien ġara dakinhar meta snin wara kont Form 2 waqt lezzjoni tal-PSD. Imbagħad kont għedt lill-ġenituri tiegħi dwar dak l-episodju, iżda minn naħa tagħhom iddeċidew li aħjar ma nieħdu l-ebda azzjoni għax ħasbu li forsi stajt kabbart l-esperjenza tiegħi aktar milli kienet fil-verita’.
Illum il-ġurnata dan is-surmast partikolari m’għadux magħna…imma l-memorji għadhom fuqi.
Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi b’din l-esperjenza huwa biex dejjem tgħallmu t-tfal tagħkom dwar il-partijiet privati sa minn eta’ żgħira. M’għandix idea dal-pervertit x’seta’ għamel lill-bniet oħra, u x’aktarx qatt mhu se nkun naf. Huwa ħsieb tal-biża’ meta tirrealizza li nies bħal dawn jeżistu. Diffiċli temmen, pero emmnuni, jeżistu.
Esperjenza Anonima
Ili jumejn nipprova niddeċiedi jekk nibgħatx din l-esperjenza f’ismi jew b’mod anonimu, għax ma nħossnix nistħi nitkellem dwar dak li għaddejt minnu.
Sfortunatament għaddejt minn 2 każi ta’ abbuż sesswali…Il-persuna li abbużat minni ma kien ħadd ħlief l-istepfather ta’ l-istepfather tiegħi (bażikament l-istepgrandfather tieghi). Ommi għadha sal-ġurnata tal-lum ma’ taf b’xejn, u ma narax għaliex għandi ngħidilha wara daż-żmien kollu.
Ma niftakarx kemm kelli żmien imma niftakar li kont inħobb nara t-teletubbies dak iż-żmien, iġifieri żgur kont għadni żgħira. Ma niftakarx l-abbuż kollu li seħħ lanqas (diffiċli wisq titkellem dwar esperjenza hekk, anke meta tiddeċiedi li titkellem!) imma niftakar ħafna drabi li kien jabbuża minni permezz ta sess orali. L-agħar ħaġa hija li ma kontx naħseb li kienet xi ħaġa ħażina, u ma niftakarx għal kemm damet għaddejja dil-ħaġa, imma naf li eventwalment morna noqgħodu l-bogħpd u ma rġajtx rajtu…eventwalment kien miet.Missieri kien iżomm għarbi joqgħod id-dar magħna. Meta kont żgħira (forsi kelli xi ħdax-il sena, kont ngħallmu l-Ingliż, speċjalment peress li jien kont kbirt l-Ingilterra). Dan kien tassew mod konvenjenti sabiex jersaq aktar qribi.
Esperjenza Anonima
Darba waħda meta kelli xi tlettax-il sena, kont rieqda u daħal fil-kamra tiegħi, u stembaħt hekk kif kien qed jaqbadli l-parti tiegħi. Dak il-ħin inħsadt u għedtlu joħroġ il-barra…fortunatament sema minni. Meta għedt lil sħabi dwar dak li kien ġara qaluli kif ngħidlu bil-malti “jekk terġa tmissni ħa ngħid lil missieri”.
Xi ftit ġranet wara reġa pprova, u niftakarni ngħidlu dak li kienu qaluli sħabi biex ngħidlu. Imma kull ma għamel kien li beda jidħak f’wiċċi. Imbagħad għedt lill-ommi li sa dak iż-żmien kienet għadha toqgħod l-Ingilterra. Ommi ċemplet lil missieri biex tgħidlu. Qas temmnu x’għamel missieri! Missieri ġagħlni nitlaq norqod għand il-kuġini u ħalla l-dak ir-raġel id-dar!
Għadni sal-lum ma nkellimx lil missieri ħabba dakinhar (apparti abbuż fiżiku ieħor fil-konfront tiegħi…nemmen li missieri huwa bipolar li ma ngħatax dijanjosi).
Nixtieq nista nitkellem dwar dan kollu, imma r-realta’ hi li nibża’ niftakar. Għandi żewġt’ibniet li minħabba l-esperjenzi tiegħi nibża’ ħafna għalihom u dejjem ngħidilhom li jiġri x’jiġri għandhom dejjem jgħiduli. Li tiftakar huwa tal-biża’ u diffiċli, iżda ma nistħix milli għaddejt…huma misshom jistħu mhux jien.
Iz-ziju tiegħi minn dejjem niftakru jħobb imesmes xi ftit iżżejjed fija, sa minn meta kont żgħira…kuxxtejja, il-warrani, tgħanniq fit-tul, jinsisti biex inpoġġi fuqu…
Esperjenza Anonima
Xejn speċjali ma ġara sakemm darba minnhom għadda għalija meta kelli xi 14-il sena biex noqgħodlu mat-tfal waqt li hu u l-mara kienu se joħorġu. Aħna w’sejrin ħadni nara l-post li kienu għadhom kemm xtraw. Dawwarni dawra fil-post biex narah, u kif wasalna fil-kamra tas-sodda beda jimmassaġġjali spallejja. Imbagħad issuġġerixxa li ninża’ l-flokk u nimtedd fuq is-sodda biex jimmassaġġjani. Kien mument vera stramb, ħarist lejħ u għedtlu “le grazzi, ma nħobbx il-massaġġi”. Għal dan il-kliem daħak u waqaf kollox hemm.
Naħseb dakinhar induna li kien qabeż il-limitu għax minn hemm il-quddiem ma baqax kif kien miegħi, u aktar ma bdejt nikber aktar beda jinbidel fil-konfront tiegħi.
L-istorja tiegħi qas tibda ma ħafna mill-istejjer severi ta’ nisa’ oħra li rajt hawnhekk, iżda dan l-episodju f’ħajti nista’ ngħid li affettwani sew. Nitkexkex meta naħseb biss fil-possibilta’ li xi ħadd jagħmilli l-massaġġi, u ma niħux gost meta jmissni, jgħannaqni jew iżommli jdejja xi ħadd li ma nafx sew.
L-iktar ħaġa li nara ta’ dwejjaq huwa li meta jiġri xi ħaġa hekk lit-tfal, faċilment iħossu li jkun normali. Meta tkun għadek tfal tafda lill-adulti b’għajnejk magħluqa, speċjalment jekk ikunu relatati mal-familja tiegħek. Niftakarni nħoss li l-mod li bih kien imissni kien xi ftit stramb. Lanqas missieri ma kien hekk miegħi. Iżda kont naħseb li hi xi ħaġa normali…sakemm kien talabni ninża’ l-flokk biex jagħmilli l-massaġġi…kien dak il-mument li fetaħli għajnejja, u naħseb li hu nduna wkoll.
Meta mqabbla ma l-esperjenzi ta’ nisa oħra hawnhekk, l-esperjenza tiegħi hija hafn’ eħfef, iżda nixtieq li billi naqsamha magħkom hawn nenfasizza kemm dan it-tip t’abbuż huwa komuni.
Esperjenza Anonima
Kont għadni kif għalaqt 18 u ma kienx għad kelli karozza. Kont qed naħdem bħala ‘waitress’. Wara li spiċċajt ix-xift ta’ filgħaxija darba minnhom, raġel li kien jaħdem miegħi li fl-istess ħin kien ukoll iz-ziju ta’ ħabiba tiegħi u kien joqgħod viċin ta’ fejn kont noqgħod jien, offrieli li jwassalni d-dar. Billi kont naf il-familja tiegħu, kont naf li kien miżżewweġ u kuntent, u li kellu t-tfal, aċċettajt.
Waqt li kien fi triqtu biex iwassalni bdejt ninnota li beda jaqbad toroq sekondarji li kienu jidhru xi ftit imwarrbin u mudlama. Hekk kif staqsejtu għala kien għaddej minn dawk it-toroq qabad imissli kuxxtejja u jikkumplimenta d-dehra tiegħi. Dlonk poġġejt idi fuq il-pum tal-karozza u għamilthielu ċara li kont lesta naqbeż il-barra mill-karozza.
Fortunatament bidel l-attitudni tiegħu, u għalkemm ma skużax ruħu, dawwar lejn toroq prinċipali – jien bil-mowbajl f’idi bil-lest biex inċempel f’każ li jinqala xi ħaġa.
M’inix ċerta x’kienu l-intenzjonijiet propja tiegħu dakinhar, iżda ma nistax nifhem…x’inhi din il-ħaġa li rġiel miżżewġa ta’ eta’ medja jipprovaw jaqbdu ma’ teenagers? Għax aktar tard komplejt nisma bi stejjer simili ta’ ħbieb li jaħdmu f’ postijiet differenti wkoll. Forsi jaħsbu li meta joffru lift lil tfajla fil-karozza tagħhom huma intitolati għal xi ħlas partikolari? Jew hija xi ħaġa normali għalihom li jipprovaw jagħmlu avvanzi b’dan il-mod?
Ta’ 14-il sena kelli ħabib li kellu 17-il sena. Għalija ta’ dik l-eta’, li jkolli ‘boyfriend’ kien ifisser li jkolli l-xi ħadd li nista’ nbus, ngħannaq u nżommlu jdejh. Imma mid-dehra l-ħsieb tiegħu kien wieħed differenti.
Esperjenza Anonima
Darba minnhom ħadni d-dar tiegħu. Innotajt li kien kuntent li l-ġenituri tiegħu ma kinux id-dar. Meta staqsejtu għaliex kien daqshekk kuntent qalli li biex nurih li nħobbu kelli nieħu sehem miegħu f’atti sesswali. Jien irrifjutajt. Wara li rrifjutajt għal tlett jew erba’ darbiet oħra heddidni li jaħraqni bis-sigarett jekk ma nkomplix miegħu. Spiċċajt bħal iffriżajt fil-post, nistenna bil-ħniena biex forsi jieqaf kollox.
Mort id-dar kompletament iddisgustata bija nnifsi. Ħsibt li ħadd ma kien jasal jemminni dwar dak li kien ġrali minħabba li kont f’relazzjoni miegħu.
Ftit tal-ġranet wara ma flaħtx inżomm kollox fija nnifsi. Il-ħsieb kien qed jikolni minn ġewwa. U hu baqa jibgħatli l-messaġġi jitlobni biex nerġgħu niltaqgħu. Eventwalment għedt l-ommi b’dak li kien ġara, u grazzi għall-inkoraġġiment tagħha waqqaft ir-relazzjoni minn miegħu. Ir-risposta tiegħu? “X’jimpurtani issa! Ħadt li kelli nieħu minnek diġa”.
Ħadtha bi kbira wisq. Ħadli xi ħaġa li qatt ma stajt inġib lura. Bdejt nhewden dwar xi stajt għamilt ħażin biex kien ħaqqni dan kollu. Meta nisma ismu nħoss l-istonku tiela…u nibża’ li ninzertah fit-triq. Sal-lum il-ġurnata għadni nbati biex nafda, speċjalment fejn tidħol attivita’ sesswali, anke mal-għarus tiegħi li ili miegħu ħafna snin.
Nixtieq ninkuraġġixxi l-dawk kollha li għaddew minn esperjenzi simili biex jitkellmu ma’ nies li jafdaw dwar l-istejjer tagħhom. Fortunatament irnexxieli nsalva minn dan l-episodju bl-għajuna u s-sapport tal-familja tiegħi, kif ukoll grazzi lill-għarus tiegħi li jifhimni ħafna. Ma nafx x’kont nagħmel kieku ma tkellimtx.
Kont qed insegwi kors ta’ sentejn li swieni ħafna, u l-għalliem tiegħi li kien miżżewweġ bit-tfal beda jaqbad miegħi, jintimidani u jġagħlni nieħu sehem f’attivita’ sesswali miegħu.
Kollox beda meta mort inkellmu fl-uffiċju tiegħu wara eżami li fih mort ħażin. Dak il-ħin kont qed nibki, kont ixxukkjata. Kien f’dak il-mument fejn beda jmellisli wiċċi…ġest li kompla b’sitwazzjonijiet oħra simili ma messaġġi mhux daqstant addattati.Bżajt nieħu azzjoni jew ngħid xi ħaġa. Waħħalt fija nnifsi wkoll…għedt forsi kollu kien tort tiegħi għax forsi stedintu b’għemili u billi kont għadni żgħira u attraenti. Emmint li kieku għedt lil xi ħadd, żgur li kienu jakkużawni li nkun isseduċejtu jien, u naqla’ skoss problemi waqt il-kors, speċjalment minħabba li hu kien l-uniku għalliem f’dak is-suġġett partikolari. Apparti l-fatt li kelli 19-il sena dak iż-żmien, u għalhekk iktar ħassejt li kelli t-tort jien.
Dan kollu kompla għal madwar sena. Kien qed jilgħabli bl-emozzjoniiet tiegħi, u fl-istess ħin kien qed ikissirni mentalment. Kien jgħidli mmur id-dar tiegħu u li jekk ma mmurx kien se jwaħħalni mill-kors. Ġieli għamilt 6 sigħat quddiem id-dar tiegħu nistennih jiġi, biex imbagħad kien jgħidli li ma setax jiġi għax kien għadu “barra”. Din kienet tiġri spiss.
Illum il-ġurnata waqt li naħseb f’ dak iż-żmien inħossha kienet sitwazzjoni pjuttost stupida. Iżda dak iż-żmien kelli biża’ kbira li jekk ma nagħmilx li jgħidli kien jgħid lil xi ħadd u nibla t-tort kollu jien. Kien ukoll jitlobni mmur l-uffiċju tiegħu biex nissodisfah permezz ta’ sess orali.
Kien jgħidli li ħwejġi kienu koroh, li ma kontx inqaxxar saqajja sew, u kien iwaqqagħli l-moral b’dak kollu li kien jgħidli dwari nnifsi. Meta nħares lura qas nemmen l-affarijiet kollha li kelli nagħmel! Iżda l-fatt li hu kien f’pożizzjoni ta’ poter u uża dan il-fatt biex jheddidni huwa fatt diżgustanti għall-aħħar.
Meta fl-aħħar sibt il-kuraġġ biex inwaqqaf dak li kien għaddej, beda jiġi jfittxni fil-klassi waħdi fejn kont inkun nistudja u jipprova jintimidani. Kien qalli li xtrali ċurkett jiswa’ ħafna flus u li ma kellix nitilqu. Meta rrifjutajt qabad iwaddab l-affarijiet ma’ kullimkien u jsabbat…mument vera tal-biża’.
Illum seħħ dak li dejjem bżajt li jiġri. Il-prinċipal ta’ l-iskola sar jaf x’kien ġara (għax sħabi tal-klassi kienu qed jużaw il-laptop tiegħi waqt li kont fuq brejk) u qara l-messaġġi kollha, iżda f’għajnejn kulħadd spiċċajt dehert li kont isseduċejtu jien. Il-prinċipal bagħad messaġġ lill-partner tiegħi u qallu b’dak li kont nagħmel.
Tassew sitwazzjoni redikola, ma nistax nemmen kif għalliem, li suppost qiegħed hemm biex jiggwidana u jipproteġina, jista’ jagħmel affarijiet bħal dawn. Ma nistax nemmen l-influwenza li kellu fuqi, meta kien jaf li kont għadni żgħira u vulnerabbli, u xorta ddeċieda li jisfrutta s-sitwazzjoni. U l-agħar ħaġa hi li anke waqt li nikteb dan kollu, insibni nakkuża lili nnifsi u nibża’ li min jaqra dan kollu ħa jgħid “imma għala m’għedtlux le jew tkellimt dwar li kien qed jiġri?” Din id-domanda tittorturani kontinwament, iżda l-fatt li ma kont għedt xejn juri kemm kellu kontroll fuqi, u kemm kont nibża’ li jsir jaf xi ħadd.Esperjenza Anonima
Jekk xi ħadd jintimidak b’mod sesswali l-iskola jew fuq ix-xogħol, twaħħalx fik innifsek! M’hemm xejn ħażin fik #metoo
Ta’ ħames snin ommi kienet tibgħatni għand qassis biex nitgħallem il-pjanu. L-ewwel pass tiegħu kien li beda jpoġġi jdejh bejn saqajja waqt il-lezzjoni.
Din l-esperjenza terribbli li ħa nitkellem dwarha issa fiha mumenti żgħar orribbli li l-memorja tiegħi donnha bblokkat, forsi bħala protezzjoni għalija nnifsi. Li rrid infisser hu li naf li ġejt stuprata, iżda jkolli biss ‘flashbacks’ ta’ dawk il-mumenti. Għalhekk aħfruli jekk f’ċertu mumenti neħel għax anke waqt li nitkellem dwar l-esperjenza nħossni litteralment ma niflaħx.
Għal ħafna snin ma kontx nista’ mmur it-tojlit mingħajr ma nesperjenza biża’ kbira ta’ żewġt’iswaba jippenetrawli l-vaġina. Għamilt snin nibża’ nbattal l-awrina. Bil-lejl kien ikun hemm il-mostri fil-kamra tiegħi, u brimba enormi kienet torqod miegħi fuq is-sodda.
Waqt li kont qed nikber kont inħossni nistħi meta niftakar lili nnifsi u tifla oħra nilgħabu mal-ftit xagħar li kellu l-qassis…meta kien jehodha miegħu wara l-bieb u kienet tiġi lura mbeżża’. Kien riċentament li rnexxieli nneħħi l-ħarsa tagħha mill-memorja tiegħi grazzi għal terapija riċenti.
Ta’ 14/15-il sena bdejt nirrealizza x’kien ġrali fil-verita’…il-ġurnata li fiha ħadni fil-kamra tas-sodda tiegħu biex jurini l-qtates ċkejknin.
Kont nirrifjuta nidħol il-knisja. Ma ridt nidħol b’xejn. Minn naħa tagħha, il-knisja pprovat tneħħili x-xjaten tlett darbiet, bl-akkuża li kont posseduta mix-xjaten. Ir-realta’ kienet li minħabba t-trawma li kont għaddejt minnha, ma stajtx niftakar eżatt x’kont għaddejt minnu, ma stajtx insib kliem għalih.
Sal-lum il-ġurnata għadni nħares lejn idejja, u s-swaba t-twal tiegħi, u nesperjeza ċertezza li jien kelli nkun pjanista. Iżda minflok sirt artista. L-arti għenitni nkampa xi ftit mal-PTSD…għalkemm ta’ spiss irnexxielha tirbaħli…Dejjem ħassejt li kien hemm forza inkontrollabbli li taħkimni…meta tiġrili xi ħaġa speċifika. Dejjem akkużajt lili nnifsi li jien miġnuna u li ma niswa assolutament xejn.Esperjenzajt relazzjonijiet orribbli fejn ġejt trattata bħala xejn. Kont nobgħod lili nnifsi. Sakemm ġurnata minnhom wellidt lil ibni u fl-aħħar sibt raġuni għaliex għandi nibda nħobb lili nnifsi u ngħix.
Esperjenza Anonima
Nixtieq nirringrazzja lil Victim Support għall-għajnuna kollha tagħhom…Nissuġġerilek ħafna t-terapija jekk inti omm ta’ iben jew bint abbużata…bħal ma għenet lili tgħin lil uliedek ukoll.
Dan is-suġġett reġa qajjem fija ħafna memorji, u permezz t’hekk qed nirrealizza li jien ukoll kont vittma. Għandna bżonn nitkellmu aktar dwar dan is-suġġett mal-bniet u t-tfajliet tal-lum u nħeġġuhom jitkellmu dwar esperjenzi hekk u anke jirrapportaw lil min jabbuża minnhom. L-esperjenzi tiegħi dejjem ġagħluni nħossni li jien kont il-ħażina. Dawn huma l-esperjenzi tiegħi:
Esperjenza Anonima
Darba waħda meta kont fuq il-vapur t’Għawdex, impjegat kien qed jitkellem miegħi meta f’daqqa waħda fetaħ iż-żipp tal-bermuda li kien liebes u qabad jimmasturba. Darb’oħra kont fuq tal-linja u raġel qabad imissli saqajja u mbagħad beda jimmasturba.
Meta bdejt noħroġ u niffrekwenta l-klabbs, ħafna tawni l-impressjoni li jekk taċċetta drink minn xi persuna, dan ħa jistenna s-sess lura. Joffrulek biex iwassluk, jipparkjaw fi triq imwarrba u jisforzaw lilhom infushom fuq min ikun.
Wara żewġ okkażjonijiet ta’ dan it-tip ma bqajtx nafda aktar, iżda sfortunatament episodji hekk xorta jħallu mpatt psikoloġiku negattiv. Tibda tħossok maħmuġa u saħansitra ħatja. Għandna nedukaw it-tfajliet u l-bniet tagħna ħalli ma jibżgħux jitkellmu. Meta nagħżlu li nżommu ħalqna magħluq inkunu qed nipproteġu lil dawn il-mostri.
Jien kelli 10 snin u ħija kellu 13. Kien iġagħlni nilgħab logħob pjuttost perversiv. Kien jurini l-pene u joqgħod jilgħab bih quddiemi waqt li jmissni b’mod mhux addattat, apparti affarijiet oħra simili.
Darba nannti qabditu jmissli l-warrani fil-kamra tiegħu waqt li jien kont qed nilgħab bil-PS2…l-unika ħaġa li ġara wara kien li nannti qaltli ‘Ara thallieħx imissek ta l-ħuk’.
Il-ġenituri tiegħi għadhom sal-lum il-ġurnata ma jistgħux jifhmu għaliex jien ostili fil-konfront ta’ ħija. It-tnejn li aħna għadna ngħixu mal-ġenituri għax għadna nistudjaw u ma naffordjawx inħallsu l-kera. Sal-lum għadu joqgħod għarwien f’kamartu, u ħafna drabi joqgħod jissodisfa ruħu bil-bieb miftuħ anke meta jien inkun id-dar. Ma nafx jekk qattx għamel l-istess meta l-ġenituri tagħna jkunu d-dar. Illum il-ġurnata hu raġel adult.Ħafna minnkom x’aktarx tgħidu li hu wkoll kien għadu żgħir, iżda jien kont għadni żgħira wkoll. Ta’ tlettax-il sena kont diġa bdilt l-attitudni tiegħi miegħu għax kont bdejt nirrealizza x’kien jagħmel. Il-ġenituri tagħna kienu dejjem jiskużawh f’kollox, u b’hekk dara jagħmel u jieħu dak li jrid. Mhux qed ngħid li l-ġenituri tagħna huma l-agħar, żgur lil le, iżda b’għemilhom naqsu kemm lili u kemm lilu, anke jekk mhumiex konxji ta’ dan.
Esperjenza Anonima
Sal-lum il-ġurnata għadni ma naċċettax tgħanniqa mingħand xi ħadd minnhom. Nobgħod it-tgħanniq. Għadhom jgħiduli kliem bħal “Għandkom lil xulxin biss, ħobbu l-xulxin”. Sa dil-ġurnata għadu jkolli nħares lej ħija u nitbissem, niċċelebra għeluq sninu, nikkomunika miegħu…ma nistax nirrapportah, għax hu ħija, u għax konna għadna żgħar meta ġara dan kollu.
Din hi ħaġa li sfortunatament ikolli nżomm għalija nnifsi. Kont għadni ma rrealizzajtx kemm verament kien affetwani l-atteġġjament tiegħu sakemm il-bieraħ qrajt ħafna mill-esperjenzi ta’ nisa oħra hawnhekk u għamilt lejl nibki. Jiddispjaċini tassew għan nisa kollha li qasmu l-esperjenzi magħna u nittama li rnexxielhom ikomplu jimxu l-quddiem wara dak li għaddew minnu.
Meta kelli 18-il sena, bħal kull teenager bdejt immur Paceville ma sħabi. U bħas-soltu biex immorru lura d-dar konna nirkbu ‘cab’ f’daqqa anke jekk sħabi kienu joqogħdu pjuttost il-bogħod minni. Meta tlajna fil-‘cab’, ix-xufier staqsiena fejn ridna mmorru, u peress li sħabi joqogħdu fuq in-naħa l-oħra ta Malta u jien noqgħod f’post ċentrali, kienet naturali li l-ewwel iwassal lil sħabi l-ewwel.
Esperjenza Anonima
Kollox kien sejjer sew sakemm l-aħħar ħabiba tiegħi ħarġet mill-karozza. Ix-xufier beda jmissni waqt li jsuq. Bdejt nipprova nwaqqfu imma hu kien ħafna aktar b’saħħtu minni, u jdejħ kienu sodi fuqi. Sa sakkar il-karozza ħalli ma nkunx nista noħroġ. Bdejt ngħajjat ħa jħallini noħroġ imma minħabba li kien tard bil-lejl ħadd ma seta jismagħni.
Meta kont madwar 30 minuta l-bogħod mid-dar irnexxieli noħroġ. Niftakar li wasalt tard aktar milli suppost, u ommi staqsietni għala. Ma ridt ngħid lil ħadd dwar dak li kien ġara. Kont imbeżża’ u ħassejtni nistħi minn dak li kien ġrali. Imma ommi ndunat li kien ġrali xi ħaġa u kelli ngħidilha b’kollox.
L-għada filgħodu jien u ommi morna sal-kumpanija tal-‘cab’ li kont irkibt magħha biex nirrapporta dak li kien ġara, u stħajt ħafna. Iżda min naħa tagħhom staqsewni kemm kelli żmien, u meta għedtilhom li kelli 18 u għalhekk ma kontx minuri, ma tawx daqshekk każ. Qaluli li kienu se jkeċċu x-xufier u biex jagħlquli ħalqi tawni vawċers għal ‘cab’ b’xejn.
Nirrabja wisq meta nara li dawn l-affarijiet għadhom qed jiġru, speċjalment għal fatt li għax dak iż-żmien kelli 18 bħal donni kienet xi ħaġa li kelli naċċetta bħala esperjenza komuni.
Illum nemmen li jkollok kemm ikollok żmien, dan l-atteġġjament m’għandux jiġi aċċettat. Nammira ħafna lin-nisa kollha li qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ħawnhekk u għal kemm jissapportjaw lil xulxin. Messaġġ lin-nisa kollha – m’intomx waħedkom, ejjew nimxu flimkien u nkomplu nissapportjaw u ngħinu lill-xulxin.
Kelli madwar 16-il sena meta kont qed noħroġ ma ġuvni xi ftit tas-snin ikbar minni. Lejla minnhom qalli li ħabib tiegħu kien se jgħaddi għalija u jeħodni ħdejh ix-xogħol ħalli mmorru għandu. S’hemmhekk ma kien jidher xejn ħażin speċjalment meta kont naf li kienu joqogħdu flimkien dak iż-żmien.
Esperjenza Anonima
Konna jien u l-ex tiegħi fil-kamra u l-affarijiet bdew jieħdu xejra aktar sesswali. Hekk kif kien qed ikollna x’naqsmu sesswalment il-ħabib tiegħu qabad u daħal u ġie biex ikompli magħna mingħajr ma biss staqsa, bħal li kieku kienu miftiehmin. Niftakarni ngħidlu “Le ta! X’qed taħsibni?!” Iżda ovvjament ma kontx niflaħ nirreżisti s-saħħa ta’ raġel wieħed aħseb u ara ta’ tnejn.
Għad għandi ċ-‘chats’ ta’ Facebook li juru speċifikament kemm kont imweġġa’ bis-sitwazzjoni, għax wara dakinhar kien baqa jistaqsini biex noħroġ miegħu u jien kont dejjem inwieġbu “Biex jerġa jiġri l-istess? Jien mhux il-q@ħb@ tiegħek”.
Is-sess ta’ bejnietna t-tnejn kien bil-kunsens, iżda bejnietna t-tlieta ma kienx! QATT MA RIDT INKUN INVOLUTA MA RAĠEL IEĦOR! Ħsibt li kien iħobbni, imma issa naf li dak kien biss kliem biex jieħu minni dak li jrid.
Issa li għaddew seba’ snin u llum hawn aktar għarfien dwar l-istupru, nixtieq ninkoraġġixxi l-vittmi ta’ stupru biex jitkellmu. Dawn l-annimali ma jistgħux jitħallew jiġru barra fit-toroq tagħna. Ix-xewqa tiegħi hi li nivvendika ruħi minn dan l-annimal, iżda llum huwa tard wisq biex imqar nagħmel rapport l-għassa.
Ħadd m’għandu jiġġudika jew jiġġustifika stupru. Anke jekk waqt is-sess tibdel il-ħsieb, le hija le, u għandha tiġi rispettata.
Ma niftakarx eżatt meta beda kollox, imma naħseb li kelli xi 7-8 snin. Wara li miet in-nannu ommi offriet lill-nannti biex tiġi torqod magħna. Ma kellniex kamra żejda u għalhekk bdiet torqod miegħi, fis-sodda tiegħi.
Esperjenza Anonima
Kienet toqgħod tmissli l-parti intimi tiegħi bl-iskuża sabiex tiċċekkja kemm kont qed nikber. Dan baqa jseħħ għal xi snin, u darba minnhom niftakarha tgħidli “Int qatt m’għedt lil xi ħadd fuq li nagħmillek hekk hux? Ara ma tgħidx lil xi ħadd għax jaħsbuk miġnuna”. Fil-fatt qatt m’għedt xejn. Kont nibża’ li naqla’ ħafna nkwiet fil-familja.
Nannti mietet ftit tas-snin ilu, u sal-lum il-ġurnata għadni qatt ma semmejt xejn. Ma rridx li ommi ssir taf issa dwar dak li kienet tagħmilli ommha. B’dak li għamlitli n-nanna spiċċajt inbagħti ħafna minn stima baxxa tiegħi innifsi u ansjeta’.
Żommu għajnejkom miftuħin fuq uliedkom u fuq dawk ta’ madwarkom, speċjalment dawk li jkunu jidhru donnhom xi qaddisin mixjin fl-art. Nannti kellha fuq is-sebgħin sena u kienet tmur il-knisja u titlob ta’ kuljum!
Qed nikteb dan b’qalbi tħabbat b’rittmu mgħaġġel, u b’idejn jirtogħdu. Ili nipprova ninsa dak kollu li għaddejt minnu, imma fl-aħħar ġimgħatejn dawn l-esperjenzi ġagħluni naħseb. Qed nittama li hekk kif naqsam l-esperjenza tiegħi hawn jirnexxili b’ xi mod inħalli dan il-kapitlu warajja, għax fil-każ tiegħi ma seħħitx ġustizzja, anzi pjuttost il-kontra. Minħabba li dan kien każ li nstema’ fil-qorti mhux ħa nsemmi dati u etajiet.
Meta kont għadni tifla nattendi l-iskola primarja, ġejt abbużata sesswalment minn għalliem. Dak iż-żmien kont tifla kwieta u mistħija, u bilkemm kont niftaħ ħalqi fil-klassi. Konna għadna qed nitgħallmu naqraw, u jien kont qed nesperjenza diffikultajiet, x’ aktarx minħabba li kont mistħija. Għalhekk, l-għalliem kien jgħajjatli biex immur naqra fejn id-desk tiegħu fuq in-naħa ta’ fejn kien hemm il-kxaxen.
Meta konna nilbsu l-libsa ta’ l-uniformi (li naħseb konna nilbsu fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa, l-għalliem kien itella’ jdejh minn taħt id-dublett tiegħi u joqgħod imellisni. Ma niftakarx jekk dan kienx jiġri wkoll meta kont inkun liebsa l-uniformi l-oħra. F’ dak iż-żmien ma seħħ xejn aktar minn tmellis, iżda kont inħossni skomda ħafna. Ma nafx għaliex qatt m’għedt xejn speċjalment meta naf kemm ommi kienet dejjem tisħaq li ħadd m’għandu jmissna f’ċertu postijiet f’ġisimna. Forsi kont naħseb li ma kellix naqla’ plejtu fuq xi ħaġa hekk? Ma nafx…
Sfortunatament ma waqafx hemm. L-għalliem kien jixtrili r-rigali u anke sar ħabib mal-ġenituri tiegħi, tant li beda jagħtini l-lezzjonijiet privati. Il-ġenituri tiegħi kienu jafdawh għax kien l-ewwel għalliem li kien qed jagħmel sforz biex jgħinni. Waqt il-privat konna nkunu klassi ta’ madwar 6-8 studenti. Kien jgħidli noqgħod fil-kantuniera, biex meta konna nkunu naħdmu fuq xi eżerċizzi kien joqgħod bilqiegħda ħdejja. Niftakru b’mod ċar jipprova jniżżilli ż-żipp ta’ kwalunkwe ħaġa li kont inkun liebsa. Dan seħħ għal madwar 3 snin, u jien u nikber kont qed inħossni aktar u aktar skomda. Ridt ngħid l-ommi b’dak li kien qed jiġri, imma ma kontx naf kif nista’ npoġġi l-kliem.
Darba minnhom waqt li kont qed inlesti għal privat għedt lill-oħti ż-żgħira li ma ridtx immur għax kien joqgħod imissni hemm. Oħti, bħal ma kont ċerta li ħa tagħmel, marret tirrepeti li għedtilha lill-ommi, kliem li kissirha povra mara.
Immedjatament morna għand il-pulizija. L-Appoġġ ġew ikkuntattjati wkoll u ingħatajt ħafna sapport. Assigurawni li kollox kien se jkun owkej u li l-ġustizzja kienet ħa ssir. Tajt ix-xhieda tiegħi fil-qorti f’kamra separata, u fl-aħħar talbuni noħroġ fl-awla u nipponta lejh…u dak il-ħin kellu l-wiċċ vili jitbissem.Ħassejtni ħafn’aħjar li kont tkellimt, u emmint li bil-mod il-mod stajt nirritorna lura għan-normal għax kont ċerta li issa ma setax jerġa jagħmel l-istess lil ħaddieħor waqt li l-każ kien għadu għaddej. Jien attendejt darba biss il-qorti.
Esperjenza Anonima
Wara kważi tminn snin kont fil-kċina mal-familja tiegħi u kien hemm l-aħbarijiet għaddejjin. Bdejna nisimgħu dwar storja ta’ abbuż sesswali minn għalliem, u ommi għaddiet kumment “bħal tiegħek dan”, u ftit minuti wara rrealizzajna li kien fil-fatt l-istess! Ġie meħlus għal dak li qalu kien nuqqas t’evidenza, iżda l-medja penġiet l-istorja li kien kollox gidba vvintata! Ħassejtni xxukjata u rrabjata. Fuq il-gazzetti kollox ġie mdawwar favurih (erġajt qrajt l-artiklu llum, li ġagħlni nerġa nitriegħed, imma li tagħni l-kuraġġ nikteb din l-esperjenza hawn).
L-aktar li jirrabjani huwa l-fatt li ma ngħatajt l-ebda ċans inwieġeb għal dak li qal hu, li permezz tiegħu ġie meħlus. Għandi tweġiba għal dak kollu li qal, imma ħadd ma għajjatli biex nitkellem wara dik id-darba.
Il-ġurnata li fiha smajt li ingħata l-liberta’ tlift kull raġuni. Kien għadda ż-żmien u kont bdejt miexja l-quddiem bil-ħsieb li l-ġustizzja kienet se tirrenja. Il-ġimgħat ta’ wara kienu diffiċli, kont donni qed ngħix ħolma kerha. Ħassejtni bla saħħa. Il-ġenituri tiegħi li huma nies kwieti, issa kienu tassew irrabjati, u marru jerġgħu ikellmu l-avukat biex jappella l-każ, iżda dakinhar saru jafu li kien laħaq maġistrat u li l-każi tiegħu kienu għaddew f’idejn avukat ġdid li kellu l-gazz jgħidli “issa Alla jieħu ħsieb il-ġustizzja tiegħu”. Tal-mistħija!
Erġajt mort l-Appoġġ u pprovajt nappella l-każ, iżda dan ma ġiex aċċettat. Il-ferita issa kienet reġgħet infetħet u emozzjonalment kont qed nitkisser. L-Appoġġ staqsewni jekk ridtx nerġa nippressa aktar, iżda ddeċidejt li nieqaf hemm. Is-sitwazzjoni kienet qed teħodli wisq mill-enerġija tiegħi u ma stajtx niffoka fuq l-istudji tiegħi li kienu mportanti ħafna għalija.
Il-ġustizzja kinet fallietni darba, ma ridtx intiha ċ-ċans terġa tfalli fil-konfront tiegħi. Iddeċidejt li nħalli kollox warajja u nimxi l-quddiem, bil-ħsieb li almenu x’aktarx ma kienx se jerġa jagħmel l-stiess lil tfal oħra għax issa irtira u l-‘warrant’ ittiħidlu. Għalhekk imxejt il-quddiem. Imma kull meta niftakar inħoss rabja kbira u għatx għall-ġustizzja li ma seħħitx. M’hemm xejn aktar li nista’ nagħmel issa, imma jien u nara n-nisa jingħaqdu u jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom inħossni xi ftit aħjar.
Dawn l-istejjer ġabuli ħafna memorji, uġiegħ u rabja relatati mal-passat.
1. L-Istorja Tiegħi – Meta kelli 21 sena kont imsakkra f’kamra ma raġel ta’ 65 sena, li beda jwerżaq u jgħajjat miegħi sakemm inżajt, tefagħni ma l-art u ġibidli rasi biex nitkellem dirett mal-parti tiegħu, rabatli jdejja flimkien ħalli ma nkunx nista niċċaqlaq biex ikun jista’ jmissni kif irid, li ġagħlni nbusu, ġagħlni nagħfaslu l-parti tiegħu sakemm beda jħoss l-uġiegħ, ġagħlni nintefa fl-art taparsi mejta ħalli jkun jista’ jitla’ fuqi; ‘raġel’ li żammli wiċċi, ħares f’għajnejja u staqsieni “għaliex qed tibki?”. ‘Raġel’ li qalli li ma stajtx naħrab u li kelli nagħmel kull ma ried hu. Dan kollu dam madwar 45 minuta biss, iżda għalija kienu qishom 3 sigħat.
Niftakarni litteralment niffriża. Dejjem ħsibt li kieku kelli nkun f’sitwazzjoni simili kont se nkun kapaċi niġġieled, iżda tant kont ixxukkjata li lanqas biss irnexxieli niċċaqlaq. Niftakarni nibża’ li kien se joqtolni u li qatt ma kont se nerġa nara l-familja tiegħi.
Wara li ħadt ir-ruħ meta rrealizzajt li kont għadni ħajja, ħassejtni disgustata għall-aħħar. Niftakar li lanqas kont nista’ nħares f’għajnejn ħadd wara dakinhar għax kont inħoss li bħallikieku kelli miktub fuq moħħi dak li kont għaddejt minnu. Ridt inqatta’ l-ġilda ta’ ġismi, ħassejtni maħmuġa wisq! Iżda fl-istess ħin qas kelli saħħa nneħħi l-ħwejjeġ li kelli fuqi dakinhar (u għalkemm m’għandux x’jaqsam x’kont liebsa, dakinhar kelli fuqi ‘jeans’ u flokk, xejn diżonest). Lanqas flaħt nieħu xawer. Għaddejt erbat’ijiem fid-dlam f’kamarti.
Sakemm f’daqqa waħda rrealizzajt li kelli nagħmel xi ħaġa dwar dak li kien ġara, u wara erbat’ijiem mort nirrapportah bit-tama li nerġa’ nakkwista n-normalita’ f’ħajti.
2. Rapport tal-abbuż – Ma rrid bl-ebda mod naqta’ qalb dak li jkun milli jirrapporta. IRRAPPORTAW! TIBQAWX SIEKTA, TKUNU QED ISSALVAW LIL ĦADDIEĦOR…iżda ma nistax ma ngħidx li HAWN MALTA GĦANDNA BŻONN NISTEMBĦU MIR-RAQDA LI NINSABU FIHA, speċjalment minħabba dan li ġej:
L-Għassa tal-Pulizija: Kelli nitkellem ma pulizija li ma kienx jidher li kellu aktar minn 20 sena. Deher viżibilment skomdu u kellu jmur jgħajjat pulizija ieħor minfloku. Kelli nerġa nirrepeti kollox mill-bidu, bla privatezza ta’ xejn, quddiem kull min kien hemm. Imbagħad urewni ritratt tar-raġel li kien abbuża minni (għax kont naf ismu) biex nikkonferma li kien hu, minħabba li dan kien raġel magħruf sew hawn Malta. Ġejt mistoqsija għal diversi drabi jekk kontx ċerta milli kont qed ngħid, waqt li pulizija minnhom sa qal “tagħtix każ).
Parir Legali: Filwaqt li napprezza l-għajnuna li ngħatajt, fejn hi s-sensittivita’? Kelli nwieġeb għal ħafna domandi bħal “imma għaliex m’għamiltx hekk?”. Sibt min jgħidli biex ma nilbisx ċertu tip ta’ ħwejjeġ bħal ħwejjeġ tal-‘gym’, kif ukoll dwar kif kelli nġib ruħi fil-pubbliku għax donnu għad għandna l-mentalita’ ta’ “attenta għax in-nies ħa jaħsbu li kont qed tistaqsi għal dak li ġralek”. M’għandix dubju li min qalli dal-kliem kellu ntenzjonijiet tajbin, iżda immaġina kif tħossok meta jkomplu jdaħħlulek f’moħħok li forsi stajt tevita s-sitwazzjoni!
Nitlob lill-avukati tagħna jkunu aktar sensittivi. Din il-persuna serqitli l-fiduċja u s-sens ta’ sikurezza darb’għal dejjem!! (Naf li għal każi fil-qorti jkun hemm bżonn ċertu argumenti, imma ftit empatija tagħmel differenza kbira).
Il-Medja: Meta eventwalment din l-istorja ħarġet fil-pubbliku, ħafna daħlu faċilment jikkritikawni wara l-‘keyboards’ tagħhom. “għandha 21 sena, mhix idjota”, “kemm hi baħnana!”, “jekk ma riditx għaliex ma waqfitx?” u waħda li mhu se ninsa qatt kitbet, “jien ma nafhiex personalment imma ħabibti tafha u qaltli li hi vera ‘snob’ u ‘tħossha’, u x’aktarx kienet qed issaqsi għaliha”. Ħa nkun sinċiera hawn…wara li kont qed inħossni xi ftit aħjar u li kien qed jirnexxili negħleb is-sitwazzjoni, kienu appuntu dawn il-kummenti ibsin li bdew iġagħluni naħseb biex nikkommetti suwiċidju. Jien kont qed inweġġa’ waqt li n-nies kienu qed jeħduha bħala sitwazzjoni tad-daħk. Saħansitra kien hawn ‘memes’ lokali dwar is-sitwazzjoni tiegħi, AĦSBU QABEL TIXXERJAW! Sinċerament, jekk ma tifhmux u ma tafux x’iġifieri, għalqu ħalqkom jekk jogħġobkom għax ma tafux kif tistgħu taffettwaw lil xi ħadd.
Is-Sistema Ġudizzjarja: Minn fejn se naqbad nibda? L-ewwel ħaġa, dan il-każ ħa 4 SNIN BIEX ISSOLVA! 4! U waqt li hu AMMETTA u nstab ĦATI, ingħata biss sentenza sospiża għal sentejn! Daħka fil-wiċċ! Dak li abbuża minni kien dejjem barra mill-qorti kull darba li ħriġt minn hemm. Ma kelli l-ebda protezzjoni, seta’ faċilment isegwini jien u sejra d-dar. Seta’ anke jsiefer meta suppost kien il-qorti. Għamlu xi ħaġa? LE. U issa huwa raġel ħieles, kollox minsi u maħfur (mhux minn naħa tiegħi ovjament).
Għalhekk jekk jogħġobkom, tiġġudikawx. Staqsu minn qabel jekk dak li jkun hux lest jiġi mistoqsi domandi, għax xi kultant domandi taf jinħassu qishom attakk minnhom infushom. Tgħaddux kummenti, tgħidux x’misshom għamlu jew x’għandhom jagħmlu f’każi bħal dawn. Kull ma jkun hemm bżonn mill-vittmi huwa sapport. Uruhom li lesti tkunu hemm għalihom. U għal Malta u s-sistema ġudizzjarja…QUMU MIR-RAQDA!!
Esperjenza Anonima
Kelli 15-il sena u kont qiegħda fejn klabb, barra, għax il-‘bouncers’ ma ħallewnix nidħol, u għalhekk ħabib li kont miftiehma niltaqa’ miegħu ħareġ ħdejja ma sħabu. Wieħed minn dawn qabad jitkellem miegħi. Konna kemm aħna qisna qbilna sew flimkien. Imbagħad dan issuġġerixxa li mmorru flimkien bħala grupp fi flett li kellhom mikri. Qbilna, u għalhekk għamilna hekk.
Waqt li konna l-flett staqsejtu nistax nidħol sal-kamra tal-banju. Mort, iżda xħin ħriġt sibtu wara l-bieb u qabad ibusni u daħħalni fil-kamra tas-sodda u sakkar il-bieb. Ħbiebi ma kellhomx idea x’kien qed jiġri.Dan il-ġuvni qabad jipprova jneżżagħni u xhin irrifjutajt beda jkellimni bil-ħlewwa u baqa’ jipprova jikkonvinċini. Għaddew madwar ħmistax-il minuta, u kont hemm, konfuża u mbeżża’. Ħsibtu li ma kienx se jerġa jipprova peress li beda jkellimni bil-ħlewwa, iżda kont żbaljata għax reġa’. Jien bqajt ngħid le u għalhekk qabadni minn għonqi u tagħni daqqa ta’ ħarta. Kont litteralment ixxukkjata, ma stajtx inwerżaq jew ngħid xi kelma.
Grazzi lil sħabi ma laħaq ġara xejn għax qabdu jgħajtuli u għajjattilhom lura u għedtilhom li kont fil-kamra…dak il-ħin il-ħarsa li tagħni…qatt ma rajt ħarsa hekk. Hekk kif fetaħ il-bieb ħriġt niġri l-barra u għedt lil sħabi li ridt nitlaq.
Imma l-agħar kien għadu ġej. Sirt naf li kellu tfajla li kont naf l-iskola. Ma kellix idea li kienet it-tfajla tiegħu. Żammejt ħalqi magħluq dwar dak li kien ġara. Għaddew is-snin u bdejt naħdem f’post fejn mingħajr ma kont naf, sibt li kienet taħdem hemm ukoll. Ħassejt ħafna meta bdejt nara ċ-ċurkett tal-għerusija f’subgħajha speċjalment meta kont naf x’persuna kien. Ma nista’ qatt inkun naf jekk hi tafx li kien jaqlibhielha, iżda żgur li huwa raġel abbużiv, u sinċerament ma nafx jekk hux żball li qatt m’għedtilha b’li kien ġara.
Esperjenza Anonima
Qatt tafdaw u qatt tmorru fi djar ta’ ħaddieħor. Dakinhar jien kont fi flett mimli nies. Stajt ġejt stuprata mhux minn wieħed, iżda minn ħafna aktar. Nirringrazzja l-sħabi li fittxewni dakinhar, iżda xorta jibqa’ l-fatt li kien irnexxielu jsakkarni f’kamra u kien għoddu rnexxielu jistuprani. Attenti.
Kollox beda meta kont għadni żgħira ħafna, iżda l-eta’ eżatt ma niftakarhiex. Żgur li kien qabel il-preċett għax niftakar sew il-fatt li kelli dnub li ridt l-Alla jaħfirli, iżda kont wisq beżagħna biex inqerru.
L-abbuż, li dam sejjer snin, seħħ miz-ziju tiegħi. Għallimni ħafna affarijiet u esperimenti sesswali. Kien jgħidli ħafna kliem adult, u niftakar li kont nesperjenza sensazzjoni pjaċevoli b’dak li kien jgħidli, li fl-istess ħin kien iħawwadni…għax kif tista’ tesperjenza pjaċir minn xi ħaġa daqshekk ħażina? Il-familji tagħna kienu jkunu flimkien f’kull ‘weekend’, daqqa għandhom jew inkella f’ postijiet pubbliċi.
Esperjenza Anonima
L-akbar ħtija li nħoss ġejja mil-fatt li kont insaqsih biex immorru mixja flimkien, anke jekk kont naf x’kien se jiġri. Inħossni ħażin meta niftakar. Meta konna nkunu d-dar, li kien appartament relattivament żgħir, kont inkun litteralment kamra bogħod mill-ġenituri tiegħi bil-bieb imbexxaq waqt li hu kien jagħmel dan kollu…
Qatt ma tlabt għajnuna professjonali, u xi kultant inħoss li għandi bżonn l-għajnuna għax issa li għandi tifla żgħira moħħni fiha meta jkun hemm membri tal-familja magħna, u nissuspetta ħażin f’kulħadd. Dak li kien jistuprani kien raġel perfett tal-familja, jaħdem bla waqfien, raġel sew bla bla bla.
Riċentament għedt lil ommi b’dak li kien ġara…laħqu għaddew madwar 15-il sena. Kont nibża’ li ma kinitx tifhimni jew temminni. Ommi u oħtha, li kienet il-mara ta’ dak li kien jistuprani, kienu ħbieb tal-qalb ukoll, u dik fil-fatt kienet ir-raġuni għala dejjem żammejt kollox sigriet. Xi ħaġa li ssorprendietni pero’ kienet li meta għedtilha b’dak li ġara, emmnitni mill-ewwel. Kull meta niftakar dak il-mument naqbad nirtogħod. Apparentament kien hemm żmien meta jien ma ridtx nibqa’ mmur għand iz-zija, u hi bdiet tissuspetta li kien hemm xi ħaġa falza u ma baqgħetx toħodni.
Dal-mostru qabdu l-kanċer ftit tas-snin ilu, u ommi riditni mmur inżurhom akkost ta’ kollox għax ovvjament ziti bdiet tarah bħala nuqqas ta’ rispett minn naħa tiegħi. Emmnuni, għadni ma nistax inneħħi minn quddiem għajnejja l-mod li bih ħares lejja u tbissem hekk kif ra kemm kont kbirt. Kieku kont waħdi dak il-ħin miegħu kont noqtlu! Rani nħares lejn ir-ritratti ta’ meta konna kollha għadna żgħar u qalli, “qed tiftakar f’meta kont żgħira”. Maaaa r-rabja li esperjenzajt dak il-ħin huwa ħafn’agħar mill-‘flashbacks’ li jkolli ta’ l-istupru. L-unika ħaġa li niftakarni nwieġbu għal dak il-kliem quddiem ziti kienet “daqs kemm hemm affarijiet sbieħ x’niftakar!”.
Illum jien mara miżżewġa u omm, imma għadni nbagħti minn dak li għaddejt minnu sal-lum. Għadni sal-lum ma nittollerax lil żewġi jkellimni bi kliem b’konnotazzjonijiet sesswali…naf li ma jkun qed jagħmel xejn ħażin u li kieku mhux qed inġorr dan l-uġigħ mill-passat kont anzi nieħu gost bi kliemu, imma hija ħaġa diffiċli wisq għalija. Kultant inħoss li għad għandi bżonn l-għajnuna, anke jekk għaddew ħafna snin.
Wara li qrajt ħafna stejjer t’abbuż ħassejt il-bżonn li jien ukoll niftaħ qalbi dwar dak li kien ġrali bħala ‘teen’…ħaġa li żammejtha mistura ġewwa fija għal daż-żmien kollu, u li se ngħidha għall-ewwel darba.
Esperjenza Anonima
Kont abbużata mill-kuġin tiegħi fl-eta’ ta’ bejn il-15 u t-18-il sena. Il-familja ta’ ziti kienu viċin ħafna tagħna u għalhekk ommi kienet tafdani mal-kuġini subien. Kienu akbar minna b’madwar 6 snin. Konna mmorru vaganzi flimkien u anke ‘sleepovers’. L-abbuż beda għax ommi kienet tafdani mal-kuġini b’għajnejha magħluqa. Il-kuġin beda jagħmel avvanzi fuqi bħal imissni imma minn fuq il-ħwejjeġ. Imbagħad darba minnhom abbuża minni sesswalment fit-taraġ għax aħna konna noqogħdu fit-tieni sular u huma kienu joqogħdu fit-tielet sular. Meta abbuża minni, ommi kienet biss ftit passi bogħod taħsel it-taraġ, imma hu żammli ħalqi ħalli ma ngħajjatx.
Il-brutalita’ ta’ din l-esperjenza kienet li ppenetrani b’ mod anali ħalli jekk immur għand tabib jew nirrappurtah ikunu jafu li kont għadni verġni. Meta għedt lill-ommi xxukkjat ruħha b’dak li kien ġara, iżda l-għada hu dawwar l-istorja kontrija u akkużani li kont isseduċejtu jien…u kulħadd emmen lilu minflok lili.
L-abbuż u l-‘brainwashing’ kompla, u biex tgħaxxaqha sfurzawni niżżewġu. Żwieġ li ġie annullat…żwieġ li dam biss 3 xhur. 3 xhur ta’ nfern għax stajt nesperjenza kemm kien bniedem marid. Storja twila u anke meta naħseb biss inħossni qisni se ntella’. Qatt ma rnexxieli nirkupra wara dik l-esperjenza…filfatt wara l-kuġin spiċċajt iżżewwiġt raġel ieħor li kien vjolenti u kien jitrattani ta’ żibel.
Qatt ma fittxejt għajnuna wara dak li kien ġrali, u parti mill-anzjeta’ u d-dipressjoni li nesperjenza hija minħabba li ma nafda l-ħadd u li qatt ma nħossni maħbuba…apparti li nħoss li l-ġenituri tiegħi tradewni. Ma nistax naħfrilhom. Iebsa wisq. Nixtieq nitkellem ma’ terapista dwar dan kollu għalkemm anke jekk għaddew dawn is-snin kollha għadni sal-lum imkissra u ma nistax naċċetta dak li għaddejt minnu.
Qatt ma tkellimt dwar l-esperjenza tiegħi qabel illum, għax kont naħseb li ma kienx abbuż. Meta kelli 16 konna nkunu grupp ta’ tfajliet u ġuvintur f’ ‘lido’ fejn il-baħar. Kien hemm ġuvintur fil-grupp ta’ bejn it-18 u l-21 sena, u konna nħossuna ‘cool’ ma subien akbar minna li kienu jsuqu. Jien u l-akbar ħabiba tiegħi li kienet akbar minni b’sena konna nħobbu noqogħdu ma żewġ ġuvintur partikolari, u konna mmorru dawra bil-karozza nieħdu xi ġelat, u wara mmorru fuq il-‘boat’ tal-familja tiegħu biex nirrilassaw u nilagħbu xi logħba karti jew nieħdu xi drink (konna nsuqu l-hemmhekk separatament.
Esperjenza Anonima
Darba minnhom meta wasalna fejn il-‘boat’ staqsejt “fejn huma l-oħrajn?”, u qalli “daqt jaslu, xi 5 minuti oħra jkunu hawn. Ejja nidħlu nirrilassaw ftit sakemm jaslu”. Iżda meta tlajt fuq il-‘boat’ sakkar il-bieb u u beda jbusni. Jien għedtlu “ma rridx ikolli x’naqsam miegħek sesswalment, bilkemm nafek”, imma hu qalli “Uwejja m’għandi xej ta!” u baqa’ jippersisti u beda jneżżagħni. Bqajt ngħidlu le imma hu baqa’ jweġibni “uwejja don’t worry” hekk kif neża’ quddiemi. Jien kont ixxukkjata. Kont donni weħilt u ma stajtx niċċaqlaq hekk kif hu baqa’ ġej fuqi u mbuttani għal fuq is-sodda waqt li kont għadni qed ngħidlu “ma rridx”. It-tweġiba tiegħu kienet “mhux se ndumu mhux se nweġġgħek” qabel ma beda jnissel kliem f’widnejja u jien kont bħal iffriżata nitolbu bil-ħniena “jekk jogħġbok, le”…
Dan kollu dam biss forsi madwar 2 minuti. Eġakula fuq żaqqi u jien bqajt hemm bħal iffriżata u ddiżgustata. Wara madwar minuta l-ħabiba tiegħi waslet – jien kont imwerwra, u niftakar qbadtilha jdejha, għafasthielha ftit u għedtilha bil-mod “ma ridtx jaq jaq jaq jekk jogħġbok ejja ħudni d-dar…Kampajt dan iż-żmien kollu għax donnu moħħi blokka l-esperjenza u moħħi kien jgħidli “ovja x’tippretendi li kien ħa jagħmel, tort tiegħek, kien akbar minnek u missek kont taf x’seta’ jiġri”. Sfurzajt lili nnifsi nemmen li kienet xi ħaġa normali – ejja kelli x’naqsam sesswalment. Ħalliha tgħaddi.
Dak il-lejl bgħattlu messaġġ u għedtlu li aħjar nibqgħu biss ħbieb. Ħsibt li b’dak il-messaġġ kont se nurih li ma ridtx aktar intimita’ bejnietna. Iżda kull meta rajtu wara dakinhar kien jaqbadni l-bard.
Dik il-ġimgħa kont erġajt rajtu u f’mument fejn sabni waħdi qalli “Kemm ħadt pjaċir!” Jien bqajt kwieta għax ma ridt lil ħadd isir jaf!! Imma eventwalment imxiet il-kelma u vera stħajt. Ridt li jintesa’ kollox għalhekk ma semmejt xejn dwar kemm il-darba kont għedtlu li ma ridtx. Injorajt kollox u għedt lill-ħabibt dwar dak li kien verament ġara wara li għaddew is-snin.
Il-lum il-ġurnata għandi 24 sena. Ġieli ninzertah u għadu sal-lum jipprova jeddjani fuq facebook u jibgħatli l-messaġġi imma jien għadni ninjorah. Għalkemm minn dejjem kont bniedma assertiva, dakinhar niftakarni litteralment iffriżajt. Saqajja lanqas bdejt inħosshom, u kont donni tlift il-vista. Kont imwerwra tant li ma kellix idea x’nista’ nagħmel. Ir-relazzjoni tagħna nbidlet minn dakinhar, tant li kont nirrabja ħafna anke jekk ipoġġi jdejh fuq saqajja għal ftit…
Dawn l-istejjer ġabuli ħafna memorji u personalment nixtieq ngħannaq lil kull tfajla u mara li esperjenzat dan it-tip t’abbuż. Donnu kollha għandna storja x’ngħidu. Nixtieq ħafna mħabba lil kull min qed jaqra’. Kważi nħossni nistordi issa li erġajt ġeddidt dawk il-memorji tal-passat…memorji li kont dfint fil-fond ġewwa fija.
Għadni kemm ftakart esperjenza oħra. Meta kelli madwar 7/8 snin ommi kienet tqila u kienet tibgħatni l-ħanut li kien bieb ma bieb magħna. Darba minnhom kelli esperjenza ma ċiniż. Meta kont fil-lift daħal jiġri u qagħad warajja, u daħħal idejh fil-flokk tiegħi minn fuq spallejja. Dakinhar ukoll kont bħal iffriżajt, speċjalment meta beda jmissli n-‘nipple’ (ovjament ta’ 7 snin ma kontx liebsa bra), u meta rrealizzajt x’kien qed jiġri mbuttajtu u mxejt pass il-quddiem. Dan kollu waqt li kont fil-lift!!!
Dakinhar mort lura d-dar nibki u ommi tant inkwetat li marret is-supermarket, iżda 17-il sena ilu ma kien hemm l-ebda kameras u għalhekk ma setgħux ikunu jafu min kien għax kien ġa telaq
Fis-sena 2010 ħriġt nieħu drink ma sħabi. Kelli 20 sena. Ħadna xi ftit drinks pero ma kontx xurbana. Ħbiebi marru d-dar u jien mort sal-Fuego biex nara kienx hemm xi ħadd li kont naf. Hemm iltqajt ma raġel Awstraljan li kien qiegħed hawn malta għal vaganza.
Ħin minnhom mort sal-kamra tal-banju u sakemm kont hemm xtrali drink. Wara dak id-drink kull ma niftakar hu li stembaħt bil-ħwejjeġ ta’ taħt. Maġembi sibt dublett b’riħa ta’ sperma. Iż-żarbun kien fl-art mimli ramel. La kelli idea x’kien ġara u wisq anqas kif kont wasalt id-dar.
L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li naħsel id-dublett. Ħassejtni abbużata u mbarazzata, għax kien ovvju li kont ġejt drogata u stuprata. Iżda kont wisq ixxukkjata biex nieħu xi tip ta’ azzjoni. L-unika ħaġa li għamilt kienet li ħadt ammont ta’ pilloli kontraċettivi ekwivalmenti għal MAP għax ma ridtx ninqabad tqila minn xi ħadd li kien stuprani. M’għedt lil ħadd.
Dan kien seħħ is-Sibt. It-Tnejn ta’ wara ċempilt ‘sick’ għax kont għadni qed inħossni ħażin ħafna. Dħalt xogħol it-Tlieta iżda kollega tiegħi indunat li kien ġrali xi ħaġa u kif staqsietni nfqajt nibki. Inkuraġġietni mmur nagħmel rapport. Ma ridtx, iżda litteralment ħaditni hemm. L-ewwel ħaġa li qaluli l-pulizija kienet ‘taf li tista’ tmur il-ħabs għal sentejn jekk tigdeb hux?’ – dan għaliex ma xtaqtx nagħti isem il-ħabiba tiegħi minħabba li ma kinitx miegħi fil-ħin li ltqajt ma dak ir-raġel u ma ridtx indaħħalha fil-problemi. Mid-depot bagħtuni l-PS u mbagħad lura d-depot ma’ ‘sketch artists’. Għaxar snin wara għadni niftakar ċar x’żarbun kien liebes…MA KONTX XURBANA!
Ħlejt ġurnata sħiħa niġri minn naħa għal oħra. Fl-aħħar wasalt l-isptar fejn kellhom jiċċekkjaw jekk hux vera kont ġejt stuprata. Iżda l-pulizija ma tfaċċatx għax “kienet biss gidba u ma rridx naħli l-ħin” – u din kienet MARA. Il-liġi tgħid li l-infermiera ma’ jistgħux jiċċekkjaw għal stupru jekk ma jkunx hemm pulizija mara preżenti. U għalhekk qatt ma ġejt iċċekkjata. Il-fatt li kont ħsilt id-dublett li kont liebsa u li ma tajtx isem ħabibti mill-ewwel ġagħlni niġi meqjusa bħala giddieba.
Huma biss ftit li jafu l-istorja tiegħi, u għadni sal-lum nistħi minn dak li għaddejt minnu. Dawn l-affarijiet mhux dejjem jispiċċaw fl-aħbarijiet u bħal ma spjegajt, IPPRUVAJT NIRRAPPORTA imma ġejt irredikolata. Kont diġa tlift ħafna mill-fiduċja li kelli fil-pulizija qabel dan kollu, iżda wara dakinhar tlift il-ftit li kien fadalli. Baqa’ jgawdi l-liberta’ tiegħu, u min jaf kemm aktar nisa esperjenzaw dan minnu.
Esperjenza Anonima