Xi jfisser li jkollok partner femminist? Id-definizzjoni tal-kelma femminiżmu hija: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-mara biex tinħoloq ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk, li tkun f’relazzjoni femminista jfisser li l-partner tiegħek jemmen fil-prinċipju tal-ekwità fir-relazzjoni tagħkom. Din jirrikjedi li xi kultant tkun kapaċi tevita sterjotipi, dejjem jekk dak ikun xieraq jew mixtieq. Ovjament dan jista’ jirrikjedi wkoll li ssegwi rwoli sterjotipiċi. L-idea hi li wieħed ma joqgħodx fuq l-‘aspettattivi’, iżda jibbaża fuq il-bżonn ta’ dik il-koppja partikolari.
Ħafna jaħsbu li f’koppja femminista, l-omm ma tistax tibqa’ d-dar jew il-missier ma jistax imur għax-xogħol, iżda dan huwa skorrett. Meta żżomm ma prinċipji femministi fir-relazzjoni tiegħek tkun qed twessa’ l-possibbiltajiet li jkollok u li tippermetti liż-żewġ parteċipanti jagħżlu liberament dak li jħossu li huwa l-aktar komdu għalihom. Xi femministi forsi ddejjaqhom l-idea li bħala ommijiet jagħżlu li jibqgħu id-dar, iżda oħrajn togħġobhom. It-tema persistenti f’dawn is-sitwazzjonijiet hija waħda: l-għażla.
Personalment ili f’relazzjoni bbażata fuq valuri femministi għal dawn l-aħħar 8 snin. Għalhekk għażilt li nikteb dan l-artiklu sabiex ngħidilkom aktar dwar dan is-suġġett.
X’inhuma l-benefiċċji li tgawdi minnhom meta tkun f’relazzjoni bbażata fuq ideoloġija femminista?
1. Komunikazzjoni emozzjonali aħjar.

Li tkun f’relazzjoni feminista jfisser li komunikazzjoni emozzjonali ma tiġix meqjusa bħala waħda “dgħajfa” jew “femminili”, imma neċessarja u mportanti. Li tkun hemmhekk b’mod emozzjonali għall-persuna l-oħra jwassal biex jiġu evitati argumenti mhux neċessarji kkawżati minn akkumulazzjoni ta’ nervi ta’ żmien twil. Dan jagħti ċ-ċans ukoll għal diskussjoni aktar ċara fuq l-ispazju, il-bżonnijiet u x-xewqat.
2. Mhemmx lok għal tgħajjir jew ħabi dwar il-pagi.

Il-piż tal-finanzi tal-“bread-winner” li spiss jiġi relatat mal-“irġiel” jitlaq. Tispiċċa wkoll il-mistħija ta’ meta din l-idea ma tirnexxix. F’relazzjoni femminista ir-responsabbilta’ li r-raġel iħossu kburi bih innifsu ma taqax f’idejn il-mara. B’hekk issir ħaġa normali li n-nisa jaqilgħu aktar flus milli jaqilgħu l-irġiel tagħhom, u dan il-fatt bl-ebda mod ma jikkawża lir-raġel iħossu ‘inqas raġel’. Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu valur ewlieni fil-femminiżmu.
3. L-Empatija.

Irġiel li jidentifikaw ruħhom bħala femministi huma rġiel li jafu jempatizzaw ma dawk ta’ madwarhom. Għalhekk, f’relazzjoni femminista il-‘partner’ ikun aktar qalbu tajba u jkun jista’ jifhmek aħjar. Ikollu wkoll intelliġenza emozjonali. Fl-istess waqt, dan iwassal biex jivvalidaw aktar dak li jħossu, u għalhekk ikollhom il-kapaċita’ li jisimgħu aktar.
4. Ħajja sesswali aħjar.

Studju li sar f’Alberta jissuġġerixxi li koppji li jimxu fuq prinċipji eġalitarjani (fejn il-koppja taqsam ix-xogħol tad-dar, il-kontijiet, etċ) għandhom it-tendenza li jesperjenzaw sess aħjar u aktar frekwenti. Jidher ċar li l-irġiel li jirrispettaw il-partner tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, jirrispettaw ukoll il-bżonnijiet sesswali tagħhom: “Li tlesti x-xogħol tad-dar jista’ jkun u jista’ ma jkunx daqshekk pjaċevoli. Imma meta tkun taf li l-partner qed jagħmel dak kollu li jista’, iwassal għal anqas akkumulazzjoni ta’ nervi, u minflok jinħoloq post fertili għal sess aħjar.” Dan ifisser li l-femministi mhux biss jirrispettaw lil-xulxin aktar fejn jidħlu l-bżonnijiet sesswali, imma li s-sess ikun aktar regolari. Dan iservi ta’ rebħa miż-żewġ naħat: tagħmel nofs ix-xogħol tad-dar u tgawdi minn sess aħjar u aktar regolari.
5. Jitnaqqas l-“orgasm gap”

It-terminoloġija “orgasm gap” inħalqet sabiex jitnaqqas in-nuqqas ta’ orgażmu bejn il-koppji, speċjalment dawk li huma eterosesswali. L-irġiel (bi ftit biss eċċezzjonijiet) ilhom jinjoraw l-orgażmu tal-mara, li wassal għal differenza kbira fin-numru tar-rati tal-orgażmu bejn in-nisa u l-irġiel. Filfatt, koppji liżbjani għandhom it-tendenza li jesperjenzaw aktar orgażmi. Madanakollu, partner feminist jinnota din l-inugwaljanza fl-orgażmu u jagħmel milli jista’ biex inaqqasha.
6. Jipprijoritizzaw il-kunsens.

Il-femminiżmu jinkoraġġixxi l-idea ta’ twaqqif tas-sess għal kunsens ċar. Filfatt, dan mhux biss huwa nkoraġġat, imma huwa xi ħaġa mfaħħra ħafna. Mistoqsijiet bħal “inti ċerta li trid nagħmlu dan?” u “hekk tajjeb għalik?” jistgħu jintimidaw lil persuni insikuri, imma mhux lill-partners femministi: il-kunsens għandu dejjem jiġi l-ewwel, u m’għandekx għalfejn tħossok imbarazzat dwar dan.
7. M’hemmx sterjotipi.

Tixtieq tagħti prijorita’ lill-karriera tiegħek u tkun ġenitur u taħdem? Tista’. Trid tkun ġenitur u tibqa’ d-dar minflok taħdem? Tista’. Trid tkun inġinier? Tista’. Trid tkun għalliema? Tista’! Il-karriera tiegħek mhijiex marbuta mal-isterjotipi f’relazzjoni femminista, u din għandha tkun xi ħaġa li sserraħlek rasek. L-isterjotipi ilhom żmien twil jikkawżaw il-ħażin u kellhom irwol kbir fl-oppressjoni tan-nisa u gruppi oħra żgħar, għalhekk m’għandniex bżonnhom!
Minn komunikazzjoni aħjar għal ħajja sesswali aħjar, hemm ħafna x’tista’ tiggwadanja meta tkun f’relazzjoni li tippromwovi ugwaljanza bejn il-membri. Il-femminiżmu m’huwiex theddida għad-dinamika tal-familja jew għall-karriera tal-mara tad-dar, imma jħalli lin-nisa u l-irġiel ikunu aktar indipendenti u ferħana.
Referenzi
Johnson, M. D., Galambos, N. L., & Anderson, J. R. (2016). Skip the dishes? Not so fast! Sex and housework revisited. Journal of Family Psychology, 30(2), 203–213. https://doi.org/10.1037/fam0000161

Emily Galea hija awtriċi u femminista attivista f’ Malta. Emily hija l-Viċi-President tal-‘Young Progressive Beings’, ‘Project Co-Lead’ tal-kampanja ‘Dear Decision Makers, u bħalissa qed issegwi Masters fil-“Gender, Society & Culture’ fl-Universita’ ta’ Malta.