Share the love

sophie bonello du puis

Sophie għadha kemm iggradwat bħala Gestalt Psychotherapist u ġibditilna l-attenzjoni għax tirrappreżenta l-mara Maltija moderna: kunfidenti, kapaċi tinfluwenza, tagħti ispirazzjoni, hija brillanti kif ukoll indipendenti, bħal ma tgħid Annie Lennox “li tagħmel għaliha nnifisha”.

Fittixniha biex insiru nafuha aħjar.

Għidilna ftit dwarek ….kemm għandek żmien? X’ aspirazzjonijiet għandek u xi tħobb tagħmel l-aktar?

Jien għandi 27 sena u dejjem xtaqt naħdem bħala psikoterapista. Il-ħolma tiegħi hija li niftaħ klinika privata li tkun tiegħi biss, spazju li joffri sigurta’, appoġġ, konsolazzjoni u trankwillita’ għal kull min ifittex l-għajnuna. Nixtieq li jkun hemm ukoll xi żewġt ikmamar żejda biex b’ hekk dawk it-terapisti li qed jieħdu taħriġ jew li għadhom kemm bdew jaħdmu biex jibdew xogħolhom nipprovdilhom spazju fejn jipprattikaw – propju għax jien kont sibt l-istess problema fil-bidu.

Għandi għall-qalbi ħafna l-annimali. Għandi wkoll kelb żgħir tiegħi li nħossni ferħana u kburija ħafna bih. Ovjament jiena nappoġġja d-drittijiet tal-annimali u meta nista’ nagħmel ukoll donazzjonijiet liċ-ċentri tal-annimali fil-bżonn. Jinteressawni ħafna wkoll il-Keep Fit u ikel tajjeb għas-saħħa. Ma nistax ngħid li jien xi fitness guru jew li nagħmel eżerċizzju regolari imma nemmen li għandi nżomm bilanċ billi niekol ħafna ħaxix u frott imma kultant nieħu wkoll xi ikliet favoriti tiegħi, speċjalment l-għaġin. Importanti għalija li ninkludi l-eżerċizzju fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Inħoss li l-eżerċizzju jtini ħin għalija nnifsi, fejn inkun nista’ naħli l-eneġija u ninsa dak kollu li jkun qed joħloqli stress. Ikolli ċans niffoka fuq is-saħħa tiegħi u b’ hekk jirnexxili ninduna b’ xi enerġija negattiva li tkun qed titrabba ġewwa fija. B’ hekk nieħu ħsieb sew tiegħi innifsi!

Min kienu l-persuni li kont tammira meta kont qed tikber, kien hemm xi persuna partikolari viċin tiegħek jew famuża li spiratek?

Meta kont qed nikber kont il-vera tifla tal-papa’! Dejjem kont inkun irrid nilgħab u nqatta’ ħin miegħu. Huwa għandu negozju tiegħu u minn hemm nibtet fija l-ispirazzjoni li naħdem għal rasi u nkun indipendenti. Il-ħin li nvesta fina waqt li konna qed nitrabbew u l-imħabba tiegħu għalina dejjem ispirawni biex mhux biss infittex l-istess kwalitajiet fis-sieħeb tiegħi imma biex ukoll nipprattika dawk il-valuri li tgħallimt ma’ familti l-quddiem.

Ir-relazzjoni tiegħi m’ ommi ssaħħet aktar ma bdejt nikber. Għalija ommi hija waħda mill-aqwa ħbieb tiegħi. Għalmitni nkun soda, jkolli għan f’ ħajti u li qatt ma niddependi finanzjarjament fuq raġel jew fuq kwalunkwe persuna oħra. Dejjem qaltli naħdem ħafna u li qatt m’ għandi naqta’ qalbi, u ta’ dan dejjem nibqa grata lejha. Tgħallimt li fil-ħajja mhux kollox jiġi favur tiegħi u li forsi mhux dejjem jirnexxili nikseb suċċess mill-ewwel, imma bi sforz akbar inkun nista’ nirbaħ l-ostakli li nsib. Imbagħad kien hemm it-terapista supervisor tiegħi Mariella Dimech. Nista’ ngħid li fl-istudju tal-Gestalt dejjem iggwidatni u nikkunsidraha bħala persuna li tatni appoġġ u direzzjoni tajba. L-etika tax-xogħol u l-istil terapewtiku tagħha huma żewg kwalitajiet li għenuni nifforma ruħi fit- terapista li jien illum u għalhekk dejjem nibqa grata lejha.

Minn dejjem kont tieħu gost tistudja, u min jew x’ ispirak biex tistudja l-psikoloġija?

Meta kont qed nikber ma tantx kont iffokata li nġib l-ogħla marki, għalija kien biżżejjed li ngħaddi mill-eżamijiet. Imma meta ħarġu r-riżultati tal-A levels ma kellix biżżejjed punti beix nidħol l-Universita’ ta’ Malta u veru ħadtha bi kbira! F’dak il-waqt irrealizzajt li kelli bżonn nagħmel aktar sforz u niffoka fuq l-affarijiet importanti f’ħajti, allura rrepetejt is-sena li kienet twila xi 6 xhur, bdilt is-suġġetti tiegħi u rnexxieli nġib gradi A u B. Meta ndunajt li fi żmien qasir kont irnexxejt, irrealizzajt li jekk naħdem sew, nista’ nakkwista dak li rrid.

Minn hemm ‘il quddiem komplejt bl-istudji tiegħi fil-psikoloġija fl-Universita’ ta’ Malta u dejjem ippruvajt li nġib l-aħjar riżultati. Il-psikoloġija dejjem għoġbitni, xtaqt nifhem il-moħħ u nesplora s-subkonxju – insir naf kif aħna l-bnedmin nagħmlu l-affarijiet b’ mod awtomatiku mingħajr ma nkunu konxji għal kollox. Naċċettaw l-affarijiet bħala xi ħaġa naturali, xi ħaġa li ssir regolarment, mġieba ordinarja. Imma hemm ħafna aktar tifsir f’ dan l-aġir. Ħaġa bla tmiem.

Taħseb li l-istudju tal-psikoloġija jgħinek fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, u biex tirrelata man-nies? Dak li tgħallimt tipprattikah fuqek innifsek ukoll?

Naqbel li l-istudju tal-psikoloġija jgħini fil-ħajja ta’ kuljum. L-isfond psikoloġiku jagħmlek aktar konxju tal-imġiba tiegħek u dik tal-oħrajn. Dan l-istudju għeni ħafna fir-relazzjonijiet mal-ħbieb tiegħi, mas-sieħeb tiegħi u ma’ familti. Meta kont qed nitħarreġ għal Masters kelli nesplora ħafna lili nnfisi. Biex tkun terapista tajba trid tħossok tajba inti miegħek innifsek, tagħraf il-vulnerabilita’, l-insigurta’ u l-punti tajbin tiegħek. Kelli nifhem eżatt min jien illum u f’ dan il-waqt u għaliex jien hekk. Hija sfida u mhux proċess faċli imma ta’ għajnuna biex ma tirrepetix imġieba ħażina jew relazzjonijiet li jweġgħuk.

Darba xi ħadd qalli li t-terapisti jsiru terapisti għaliex iridu jsolvu l-problemi personali tagħhom. Taħseb li dan veru?

Mill-esperjenza personali tiegħi, kont kurjuża biex nifhem kif sirt il-persuna li jien illum u għaliex ċertu mġieba tibqa’ tirrepeti ruħha. Ma naħsibx li bilfors ikun hemm xi ħaġa li trid issolvi jew tirranġa, imma aktar ikun hemm bżonn tesplora u tifhem x’ ikun wassal għal dik l-imġieba jew kwalita’ fil-karattru. Fil-fatt naħseb li segwejt il-psikoterapija għax tassew irrid ngħin lill-min għandu bżonn jegħleb il-biżgħat tiegħu. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara lil xi ħadd jimxi l-quddiem bit-terapija.

Naħseb li l-psikoterapisti m’ għandhomx jiġġudikaw, iridu jifhmu u jagħdru, ikollhom ħafna esperjenzi… taqbel jew taħseb li persuna tista’ tkun terapista tajba anke mingħajr ħafna esperjenzi differenti tal-ħajja?

Naħseb li tista’ tkun ftit miż-żewġ verżjonijiet. Meta inti stess tgħaddi minn ċerti esperjenzi u tesplorahom fit-terapija tkun tista’ tifhem aħjar lil kijent li qed isofri minn xi esperjenza simili. Tekniki terapewtiċi li forsi għenuni negħleb diffikulta tiegħi jistgħu jgħinuni biex ngħin lill-klijent. U jekk hemm bżonn nista’ nadatta t-terapija skont il-ħtieġa tal-klijent. Bla dubju, jkun hemm każi fejn l-esperjenza tal-klijent qatt ma nkun għaddejt minnha jien. F’dan il-każ niddependi biss fuq il-kapaċita’ tiegħi bħala terapista. Fil-psikoterapija Gestalt niġu mħarrġa biex insiru ħaġa waħda mal-esperjenza tal-klijent, nilbsu ż-żarbun tiegħu u nħossu l-uġigħ u l-emozzjonijiet tiegħu – fl-istess ħin irridu naqtgħu linja bejn dak li hu tal-klijent u dak li hu tagħna. B’ dan it-taħriġ kapaċi nsir naf lill-klijent, nifhmu, u nagħtih it-terapija meħtieġa u l-appoġġ kollu tiegħi.

Bhala terapista ġdida tal-Gestalt, taħseb li għandek bżonn aktar esperjenzi personali qabel ma tipprattika tajjeb is-sengħa ta’ terapista jew tħoss li l-istudju u t-taħriġ li ħadt huma biżżejjed?

Barra dak li diġa għidt, it-taħriġ tagħna jsir fi gruppi. Fil-kors tiegħi konna 8 nisa ġejjin minn ambjenti differenti ħafna u kellna diversi esperjenzi tal-ħajja. Għal 4 snin sħaħ osservajna lil xulxin naħdmu fuq il-biżgħat tagħna nfusna waqt li negħlbu ostakli kbar. Stajna naraw il-progress ta’ xulxin u x-xogħol iebes u d-dedikazzjoni li ssarrfet f’suċċess. It-taħriġ tagħna kien opportunita’ biex nitgħallmu mhux biss mill-esperjenza tagħna imma minn dawk tal-grupp kollu. Barra minn hekk, matul il-kors għamilna xogħol volontarju ma’ xi organizzazzjonijiet governattivi li tawna prattika ma’ klijenti varji u studjajna każijiet u dijanjożi differenti. Kien ukoll importanti għalina li nagħmlu terapija personali biex insiru terapisti Gestalt aktar tajbin.

X’ jispira lil tfajla biex tistudja il-psikoterapija Gestalt u mhux xi forma ta’ terapija oħra?

Il-psikoterapija Gestalt hija unika, hija interattiva! Dak li qed jiġri propju issa f’dan il-mument huwa ħafna aktar importanti minn dak li qed jiġi diskuss. L-importanza tingħata lil dak li qed isir, jiġi maħsub u dak li qed jiġi esperjenzat fil-mument, aktar minn dak li kien, seta’ kien jew kellu jkun. Jintużaw metodi attivi biex jiċċaraw esperjenzi, bħal role plays, mużika, stampi, xogħol fuq il-ħolm u reċtar. Inħoss li l-interazzjoni bejn il-klijent u t-terapista hija b’hekk ħafna aktar dinamika u nteressanti.

Mill-banda l-oħra, tipi differenti ta’ terapija jiffokaw biss fuq ir-razzjonalita’. Fi kliem ieħor, interpretazzjoni u tibdil fl-attitudnijiet eżistenti.

Fejn tara lilek innifsek 5 snin oħra?

Ħames snin oħra nara lili nnifsi miżżewġa u bit-tfal. Li kolli l-familja tiegħi huwa mportanti għalija u vera nistenna bil-ħerqa li nsir omm. Nispera li nkun bdejt ukoll id-Dottorat tiegħi fil-psikoterapija Gestalt biex nispeċjalizza aktar fil-fond, anke jekk bħalissa għadni mhux ċerta dwar fuq xiex eżatt – biss nieħu gost ħafna naħdem mal-koppji. Sa dak iż-żmien nixtieq ikolli klinika privata tiegħi u nkun indipendenti finanzjarjament. L-għan tiegħi huwa li jkolli spazju modern u akkoljenti, fejn naħdem ma’ komunita’ ta’ psikoterapisti Gestalt li jkunu speċjalizzati f’ kuri differenti biex flimkien inkunu nistgħu ngħinu lill-klijenti differenti bi bżonnijiet varjati taħt saqaf wieħed. Kull klijent ikun jista’ jsib it-terapist speċifiku li għandu bżonn fl-istess post. Tkun ukoll ħaġa sabiħa li norganizza terapija fi gruppi b’ suġġetti differenti, meditazzjoni, saħħa mentali, tagħrif, appoġġ u suġġetti oħrajn.

X’parir tagħti lil tfajliet oħra li għadhom ma jafux xi triq se jaqbdu u x’ kors se jagħżlu l-Universita’ jew li forsi għadhom mhux jifhmu l-importanza li jiggradwaw?

Fiż-żmien tal-lum, u bħala mara, naħseb li huwa mportanti ħafna li nakkwistaw xi ħaġa għalina nfusna, xi ħaġa li nistgħu nsejħulha tagħna. Sfortunatament, fis-soċjeta’ tal-lum hawn ħafna pressjoni fuq iż-żgħażagħ li jkunu deħlin l-Universita’ biex jgħarfu eżatt dak li jkunu jridu jagħmlu għal ħajjithom kollha. Fl-eta’ ta’ 17 jew 18 il-sena mhux ħaġa faċli tkun taf dan! Il-parir tiegħi hu li jekk ma tafx xi trid tagħmel, ieqaf mill-istudju għal sena u esplora għażliet differenti, ġib ftit esperjenzi ta’ xogħol u ara fejn tħossok l-aħjar. Wara li ggradwajt mill-Universita’ ta’ Malta, ħdimt għal sentejn bħala LSA. Wara sena ddeċidejt li nibda l-masters fil-psikoterapija Gestalt fuq bażi part-time. Dan tagħni ċ-ċans nesplora xogħol differenti, ambjenti differenti u niżviluppa ħilijiet ġodda waqt li kont qed nistudja. Ikolli nammetti li kont ngħejja ħafna b’ xogħol full-time waqt li nattendi lezzjonijiet filgħaxija matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa wkoll, u rnexxieli nkompli biss għax dejjem kelli dan l-għan – li nsir terapista u nakkwista xi ħaġa għalija nnifsi. Dan jagħti tifsira u valur lix-xogħol iebes kollu u lill-iljieli bla rqad!


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *