Share the love

what happens during a miscarriage

Prof Isabel Stabile ġentilment aċċettat li twieġeb xi domandi mportanti dwar dak li jiġri waqt korriment, kif ukoll dwar kif sitwazzjoni ta’ korriment hija trattata f’pajjiżna.

Milli nista’ nifhem hemm tipi differenti ta’ korrimenti naturali, u li kollha hemm huma jikkawżaw trawma fil-mara. Ċertu korrimenti jseħħu malajr u l-fetu jintrema’ l-barra mill-ġisem b’mod naturali, u dan ħafna drabi ma jikkawżax problemi żejda fil-mara, anke jekk xorta tkun esperjenza trawmatika. X’għandha tagħmel mara jekk tesperjenza dan it-tip ta’ korriment, u x’inhi l-proċedura normali f’dan ir-rigward?

Prof Isabel Stabile: M’hemmx ħafna x’tagħmel f’każ bħal dan, apparti li tieħu ‘pain killers’ u tixrob l-ilma ħalli żżomm ruħek idratata. L-uġiegħ u d-dmija ħafna drabi ma jdumux aktar minn ftit sigħat, għalkemm kultant in-nisa jesperjenzaw xi ftit tisfija kannella għal xi ġranet wara l-korriment. Ġeneralment nirrakkomanda lin-nisa biex jistennew imqar żewġ ċikli menstrwali qabel ma jerġgħu jipprovaw jinqabdu tqal. Tkun idea tajba wkoll jekk jibqgħu jieħdu l-‘Folic Acid’ matul dan iż-żmien.

Il-mod l-ieħor l-aktar ikkumplikat ta’ korriment jekk mhux sejra żball huwa magħruf bħala ‘silent miscarriage’ jew ‘missed miscarriage’, fejn il-fetu jieqaf jikber u ma tinstab l-ebda taħbita tal-qalb – għalhekk bażikament il-fetu ma jkunx għadu ħaj, iżda l-ġisem ma jkunx għadu ntrema’ l-barra. Tista’ tispjegalna xi trattament jingħata f’każi bħal dawn, kif ukoll x’għandha tistenna l-mara jekk sfortunatament tesperjenza korriment ta’ dan it-tip?

Prof Isabel Stabile: Bażikament hawnhekk inti semmejt żewġ sitwazzjonijiet: l-ewwel iddeskrivejt li l-fetu m’għadux ħaj; it-tieni li l-fetu ma żviluppax. Ir-riżultat finali huwa dejjem l-istess fiż-żewġ każi. Fi kliem ieħor, hemmhekk ikun hemm ftit dewmien sakemm in-natura tieħu l-kors tagħha u twaqqaf it-tqala. Huwa raġonevoli li n-nisa jkunu jixtiequ li jseħħ dan il-proċess mill-aktar fis possibbli.

Il-problema hija li approċċ kirurġiku (fi kliem ieħor raxkament) għandu riskji oħra speċjalment f’każ ta’ utru li kellu tqala fih. L-akbar riskji jinkludu perforazzjoni fl-utru, emoroġija, u infezzjoni. Għal din ir-raġuni l-maġġoranza tat-tobba jippreferu approċċ aktar konservattiv billi jagħtu ċans lin-natura tieħu l-kors tagħha. Naturalment dan jikkawża distress kbir lin-nisa li sa dan il-mument ikunu jafu li t-tqala tkun falliet, imma li l-korriment ikun għadu qas biss beda. L-isem tekniku ta’ dan huwa expectant management jew kif inhu magħruf aktar, watch and wait.

Linji ta’ gwida bbażati fuq evidenza xjentifika maħruġa minn-National Institute for Care and Excellence fl-Ingilterra, tirrakkomanda ‘expectant management’ għal 7-14-il ġurnata bħala l-ewwel strateġija ta’ mmaniġġjar tas-sitwazzjoni għan-nisa b’dijanjosi kkonfermata ta’ korriment. Ovjament hemm xi eċċezzjonijiet, bħal eżempju jekk il-mara jkollha riskju akbar t’emoroġija (bħal f’każ li tkun lejn l-aħħar ta’ l-ewwel trimestru tat-tqala), jew f’każ li kellha xi esperjenza trawmatika assoċċjata mat-tqala fil-passat (eżempju ‘stillbirth’, korriment jew emoroġija wara l-ħlas), jew għandha riskju akbar t’emoroġija (eżempju riskju ta’ ‘blood clotting’ jew jekk ma tistax tingħata trasfużjoni tad-demm), jew jekk ikun hemm evidenza t’infezzjoni.

Il-linji ta’ gwida jisħqu wkoll li kura medika għandha tiġi offruta lin-nisa b’dijanjosi kkonfermata ta’ korriment jekk il-mara ma taċċettax li tistenna l-kors ta’ ‘expectant management’. Apparti dan, in-nisa kollha li jagħżlu l-‘expectant management’ għandhom jingħataw informazzjoni kemm orali kif ukoll miktuba dwar dak li għandhom jistennew matul il-proċess kollu, inklużi pariri dwar x’għandhom jagħmlu biex inaqqsu l-uġiegħ, u fejn u meta għandhom ifittxu l-għajnuna f’każ t’emerġenza.

Meta d-dmija u l-uġiegħ esperjenzat jindika li l-korriment ikun komplet waqt dawk is-7 sa 14-il ġurnata ta’ ‘expectant management’, il-mara għandha tagħmel test tat-tqala bl-awrina wara 3 ġimgħat, u terġa’ tmur għall-kura jekk ir-riżultat joħroġ pożittiv.

Mediċina msejħa misoprostol tista’ tintuża fi trattament mediku ta’ korriment inkomplet jew ‘missed miscarriage’. Dan jista’ jittieħed b’mod orali jew vaġinali. Nisa li jingħataw dan it-tip ta’ trattament għandhom jiġu mgħarrfa dwar dak li għandhom jistennew li jesperjenzaw matul il-proċess, inkluż it-tul ta’ żmien u l-ammont ta’ dmija mistennija, kif ukoll jiġu avżati bil-possibilta’ ta’ ‘side effects’ ta’ dan it-trattament, inkluż l-uġiegħ relatat, dijarea u remettar. Din il-mediċina tissejjaħ ukoll Cytotech u tinstab ukoll fl-isptarijiet ta’ Malta w’Għawdex.

Finalment nixtieq nenfasizza li kull mara tirreaġixxi b’mod differenti għall-kumplikazzjonijiet jew telfa ta’ tqala, u għalhekk kull mara għandha tingħata l-informazzjoni u s-sapport kollu possibbli b’mod sensittiv, waqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ndividwali u r-rispons emozzjonali tagħha.

Grazzi ta’ l-għajnuna tiegħek Prof Isabel Stabile.

Jekk tixtieq tistaqsi xi domanda lil xi ħadd mill-esperti tagħna, idħol hawn.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *