Share the love

Unsplash

Il-‘Morning Sickness waqt it-tqala huwa fenomenu komuni iżda imprevedibbli li jaffettwa ħafna nisa tqal, u li normalment is-sintomi tiegħu jinkludu dardir u remettar. Madankollu, dan ivarja ħafna minn mara għal oħra.

Studju mmexxi minn riċerkaturi fl-Università ta’ Cambridge tefa’ dawl fuq il-misteru wara l-‘morning sickness’ waqt it-tqala. L-istudju, jiżvela skoperta sinifikanti relatata ma’ hormone li jipproduċi l-fetu, magħruf bħala GDF15, u l-impatt tiegħu fuq il-benessri tal-omm waqt it-tqala.

Tradizzjonalment, il-kawża tad-dardir u r-rimettar relatati mat-tqala kienet diffiċli li tinstab. Madankollu, avvanzi reċenti, inklużi studji bijokimiċi u ġenetiċi, issuġġerew rabta potenzjali bejn il-hormone tal-plaċenta GDF15 u l-manifestazzjoni ta’ dawn is-sintomi. L-istudju internazzjonali mmexxi minn Cambridge esplora aktar din il-konnessjoni, li involva xjenzati mill-Iskozja, l-Istati Uniti, u Sri Lanka.

L-istudju jissuġġerixxi li n-nisa jiġu esposti għal dan il-hormone qabel it-tqala. Ir-riċerkaturi jipproponu li l-bini tat-tolleranza tal-mara għall-GDF15, jista’ jkun strateġija ewlenija biex jittaffew is-sintomi. Dan joffri tama lill-ħafna nisa li jiffaċċjaw l-isfidi tad-dardir u r-remettar relatati mat-tqala.

It-tim ta’ riċerka identifika varjant ġenetiku rari assoċjat ma’ riskju ogħla ta’ ‘morning sickness’ li jiżvela livelli aktar baxxi ta’ GDF15 fid-demm. Min-naħa l-oħra, nisa b’beta thalassemia, diżordni ġenetika tad-demm li tikkawża livelli ta’ GDF15 elevati b’mod naturali, esperjenzaw dardir u rimettar minimu jew xejn waqt it-tqala.

Il-Professur Sir Stephen O’Rahilly, li mexxa l-kollaborazzjoni, enfasizza s-sinifikat ta dawn is-sejbiet, u stqarr, “It-tarbija li tikber fil-ġuf qed tipproduċi GDF15 f’livelli li l-omm mhux imdorrija bihom. Aktar ma tkun sensittiva għal dan il-hormone, aktar se jkollha ‘morning sickness’.”

L-avvanz reċenti fil-fehim tar-rwol ta’ GDF15 fil-‘morning sickness’ joffri tama għal trattamenti u miżuri preventivi aktar effettivi. Billi jifhmu l-kumplessitajiet tal-impatt ta’ dan il-hormone fuq is-saħħa waqt it-tqala, ir-riċerkaturi għandhom l-għan li jipprovdu serħan lill-persentaġġ sinifikanti ta’ nisa affettwati minn dardir u remettar.


Share the love