Bħala mara nistħi ngħid li bdejt ninteressa ruħi fil-problemi li jaffaċċjaw in-nisa u fil-femminiżmu xi ftit tard f’ħajti. Dejjem kelli sens b’saħħtu ta’ ġustizzja u minn dejjem kont kapaċi nagħraf it-tajjeb mill-ħażin, imma l-passjoni vera u l-imħabba għall-kwistjoniijiet li jaffaċċjaw in-nisa u d-drittijiet tal-mara laqtuni l-aktar meta ltqajt ma Dr. Lara Dimitrijevic, li hija l-fundattriċi tal-‘Women’s Rights Foundation’. Ix-xogħol volontarju tagħha bħala avukata professjonali ma vittmi ta’ vjolenza domestika u vittmi ta’ traffikar uman vera kien t’ispirazzjoni għalija u għeni nara d-dinja li qed ngħixu fiha aħna n-nisa minn lenti differenti.
Din il-kurżita’ ġdida dwarna n-nisa u l-ħajja li ngħixu wasslitni biex noħloq Women for Women, grupp fuq Facebook għan-nisa biss li għandu aktar minn 38,000 membru. Qabel dan, jien kont qed ngħix f’’bubble’ sikura u komda, kelli 46 sena dak iż-żmien. Iva, x’ħela ta’ ħin! Żmien li fih kont naċċetta l-mod ta’ kif kienu l-affarijiet! Dawk is-snin kollha nimxi mal-kurrent u qatt ma tħassibt fuq l-‘istatus quo’.
Nammira lin-nisa żgħażagħ li jafu xi jridu w’ ma jridux fil-ħajja. Nisa żgħażagħ li ma jibżgħux jitkellmu fuq id-drittijiet tagħhom u għad-drittijiet tal-bniet kollha. Nisa bħal Malala Yousafzai, Greta Thunberg u nisa minn ‘Young Progressive Beings’. Kemm nixtieq li għadni żagħżugħa u li għadni fiċ-ċans li ningħaqad magħhom! Iżda minflok se nissapportjahom u ninkuraġġihom b’kull mod li nista’.
‘Young Progressive Beings’ jaqbżu għad-drittijiet tan-nisa, u dan l-għan għandu jiġi magħruf u jixraqlu wkoll ċapċipa.
Inħossni kburija li kelli l-pjaċir nagħmel intervista lil ‘Young Progressive Beings’ (YPB) li huwa grupp ta’ nisa żgħażagħ infurmati w’ kuraġġużi.
Għiduli naqra aktar dwar YPB, għaliex ingħaqadtu flimkien u x’inhu l-għan li tixtiequ tilħqu?
YPB huwa grupp radikali, intersezzjonali, eko-femminista u ‘pro-choice’. Il-grupp inħalaq waqt l-‘EU Summit’ ta’ l-2019, fejn grupp ta’ nisa żgħażagħ ingħaqdu biex jilqgħu lill-politikanti b’’banner’ li jgħid: “Welcome to Malta where Women & Girls are just Incubators,” (li tirreferi għall-kriminalizzazzjoni sħiħa tal-abort f’Malta, kif ukoll għall-kumment li ntqal minn tabib lokali fejn semma li n-nisa huma fl-aħħar mill-aħħar ‘inkubaturi’).
Din l-‘istunt’, kif ukoll ir-rispons li rajna minnha, għamilha ċara li hemm il-bżonn ta’ numru t’attivisti żgħażagħ li huma ‘pro-choice’. Wara sejre ta’ laqgħat li kienu organizzati fix-xhur ta’ wara, YPB ġiet imnehdija.
L-għan prinċipali ta YPB bħalissa huwa l-ġustizzja riproduttiva u s-saħħa sesswali; madankollu, il-prijorita’ tagħna hija l-mobilitazzjoni soċjali u politika taż-żgħażagħ. L-għanijiet kurrenti tagħna jinkludu: (1) id-dikriminalizzazzjoni tal-abort, (2) edukazzjoni dwar is-sess standardizzat u xjentifikament preċiż fl-iskejjel kollha, (3) kontraċezzjoni aċċessibbli b’xejn.
Intom tagħmlu parti minn moviment? NGO? Attivisti?
Bħalissa l-YPB qiegħed fil-proċess li jibda’ jissejjaħ organizzazzjoni mhux governattiva, u jikkonsisti f’6 membri attivisti. Bħala organizzazzjoni, aħna nixtiequ mmexxu varjeta’ ta’ kampanji, bil-ġustizzja riproduttiva tkun fuq quddiem tal-missjoni tagħna.
Ħafna nisa Maltin ma jħossuhomx komdi u ma jsibux il-kuraġġ jitkellmu dwar ċerti suġġetti, speċjalment fejn jidħlu suġġetti kontroversjali – din il-ħaġa kkawżatlek problemi mal-ħbieb, fuq il-post tax-xogħol jew mal-familja?
Peress li dan huwa suġġett kontroversjali, il-kawża ma tistax ma ġġibx magħha rispons negattiv. Madankollu, qed nesperjenzaw aktar rimarki pożittivi w’ kliem ta’ nkoraġġiment milli kummenti negattivi. Aħna fortunati li l-maġġoranza tagħna li jagħmlu parti mill-grupp ċentrali għandhom is-sapport tal-familja u tal-ħbieb, imma l-aqwa ħaġa hija li aħna nissapportjaw lil xulxin.
Minħabba l-fatt li din l-organizzazzjoni ilha mnehdija ftit aktar minn sena, hija ħaġa diffiċli biex ngħid jekk kellhiex xi effett fuq il-prospettivi tax-xogħol tagħna. Għalkemm aħna ma nixtiqux naħdmu f’xogħolijiet li jissoffokawlna l-ġlieda tagħna għall-ġustizzja u għad-drittijiet umani. S’issa dan ma kienx il-każ.
Tixtiequ tgħaddu messaġġ lin-nisa żgħażagħ li l-ħsieb li jaqsmu l-opnijonijiet tagħhom u jsemmgħu leħinhom jinkwetahom?
Kien hemm ħafna nisa li kellmuna biex jissapportjaw il-kawża tagħna mingħajr ma jikxfu l-identita’ tagħhom għaliex jibżgħu mir-riperkussjonijiet. Bħala grupp aħna naċċertaw lil dawn l-individwi li l-kwistjoni li qed niġġieldu għaliha hija bbażata fuq dritt uman li huwa disponibbli f’kull pajjiż Ewropew minbarra f’Malta. Dan jippreżenta kuntest ta’ limitazzjonijiet permezz ta’ l-istigma dwar l-abort, kif ukoll li l-kwistjoni hija biss limitata għal Malta.
Kif nistgħu ninkuraġġixxu lit-tfajliet tal-futur biex ma jibżgħux jitkellmu dwar l-ideat tagħhom? X’taħseb li kien hemm fit-trobbija tagħkom li ħallietkom tkunu daqshekk kuraġġużi biex tiġġieldu għad-drittijiet tagħkhom?
Kollha kemm aħna esperjenzajna trobbija differenti. Li kellna komuni kien li f’xi stadju tat-trobbija tagħna, kollha kemm aħna għażilna li nagħmlu r-riċerka u naqraw fuq dak li nemmnu b’mod individwali.
It-tfajliet żgħażagħ iridu jiġu mfakkra, speċjalment fit-tfulija, li għandhom il-kapaċita’ u l-potenzjal, u li m’għandhomx ikunu marbutin biex jimxu mal-isterjotipi. Iridu jagħrfu l-ideat patrijarki relatati mal-ħajja tan-nisa u jerġgħu jikkunsidrawhom. L-informazzjoni hija s-saħħa neċessarja. Billi jagħrfu s-sistema sessista li twieldu fiha, huma jkollhom armatura aħjar biex jiġġieldu u jbiddlu lil din is-soċjeta’.
Kemm qegħdin membri fil-grupp? Jistgħu jingħaqdu aktar magħkhom? L-irġiel jistgħu jingħaqdu magħkhom ukoll?
Bħalissa, il-grupp ċentrali jikkonsisti f’sitt membri: Maya Dimitrijevic, Emily Galea, Rachelle Deguara, Francesca Zammit, Tina Cacopardo, u Sam Vassallo (kif ukoll lista ta’ voluntiera/membri ġenerali). Aħna dejjem lesti nilqgħu aktar voluntiera dedikati, voluntiera li nistgħu nafdaw u li għandhom passjoni lejn is-suġġett! Iva, l-irġiel jistgħu jingħaqdu magħna wkoll! Għal aktar informazzjoni, jistgħu jikkuntattjawna dirett fuq il-paġna ta’ Facebook YPB Malta.
X’imiss? X’għandkom ippjanat għax-xhur li jmiss?
Aħna għandna serje ta’ ‘stunts’ u laqgħat ippjanati għax-xhur li jmiss, speċjalment onlajn minħabba l-pandemija kurrenti. Filfatt, aħna ser inkunu qed nagħmlu parti mill-‘webinar’ eko-femminista li se jsir f’Novembru, għalhekk ibqgħu segwuna fuq Instagram u Facebook!
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.