Share the love

skola

Tul it-tfulija tiegħi dejjem żammejt f’moħħi li ż-żmien li kelli nqatta’ nitgħallem l-iskola kien se jinkludi 6 snin primarja, sentejn ‘middle school‘, tlett snin sekondarja, u wara, dejjem skond l-għażla li nkun se nagħmel, sentejn oħra post-sekondarja, segwiti minn snin l-Universita’. Għadni kemm għalaqt 13-il sena u wasalt biex nibda nattendi l-iskola sekondarja, iżda ma nħossnix daqshekk eċitata li ħa nibda nattendi skola ġdida bħal ma kont inħossni t’għaxar snin, speċjalment minħabba l-fatt li prattikament spiċċajt tlift sentejn skola.

Meta l-pandemija tal-COVID-19 resqet lejn xtutna, bdejt nistudja mid-dar. Waqt dik is-sena skolastika, li għalija kienet Year 7, ġejna pprovduti b’lezzjonijiet onlajn permezz ta’ Zoom jew Microsoft Teams. Nista’ ngħid li bdejt nimxi b’mod tajjeb ħafna hekk! Attendejt il-lezzjonijiet kollha u dejjem irritornajt ix-xogħol mitlub mill-għalliema fiż-żmien stipulat.

Imbagħad kien imiss is-sena akkademika ta’ wara.

L-iskejjel reġgħu fetħu, u naturalment il-maġġoranza ta’ l-istudenti rritornaw lura lejn il-bankijiet tal-iskola, iżda jien bqajt id-dar. Jiena, kif ukoll żewġ membri oħra tal-familja tiegħi, ażmatika, u għalhekk, minħabba l-vulnerabbilta’ tiegħi u ta’ familti, ma stajtx nirriskja li taqbadni l-COVID-19.

L-istudenti vulnerabbli ma ngħatawx opportunita’ ta’ lezzjonijiet onlajn din id-darba, u għalhekk kelli biss ftit sorsi li stajt nuża biex nipprova nlaħħaq ma l-istudenti ta’ l-eta’ tiegħi – xi għalliema pprovdewli xi noti permezz ta’ Microsoft Teams/imejls; bdejt nistudja u nagħmel eżerċizzji li kienu jinsabu fil-kotba li ngħatajna fil-bidu tas-sena skolastika, u nirriċerka waħdi. Eventwalment inħolqot websajt imsemmija Teleskola, fejn diversi lezzjonijiet bdew jittellgħu onlajn għal suġġetti differenti. Sfortunatament pero’, il-lezzjonijiet relatati mas-sena skolastika li kont fiha jien kienu limitati.

Prattikament sa madwar nofs Jannar kont qed naqdef waħdi, imma onestament nista’ ngħid li bdejt inħossni ma kont qed nitgħallem xejn. Il-maġġoranza tar-riċerka tiegħi kienet tinvolvi Google u Youtube, u mhemmx xi ngħidu, Youtube serva ta’ distrazzjoni kbira għalija…hekk kif kont niftaħ il-paġna kienu jitilgħuli rakkomandazzjonijiet ta’ vidjows li kont nippreferi nara aktar minn vidjows relatati ma’ studju!

Fil-verita’, kull ma għamilt sa dak iż-żmien kienu reading comprehensions, sigħat twal nipprova nifhem somom tal-Matematika pjuttost faċli, u ssarar biex nipprova nikteb xi ħaġa bil-Malti.

Aktar tard, madwar nofs Frar, inħolqot l-iskola virtwali għall-istudenti vulnerabbli. Tajjeb! Sa fl-aħħar stajt nitgħallem fil-kumdita’ ta’ dari! Iżda xorta kien hemm problema…kull ma kellna lezzjonijiet kienu dawk relatati ma 4 suġġetti biss: il-Matematika, l-Ingliż, il-Malti u x-Xjenza. Kellna biss madwar 25 minuta għal kull lezzjoni, li mhumiex biżżejjed meta tikkonsidra li l-lezzjonijiet normalment jieħdu 40 minuta.

Minn hemm bdejt sejra lura bħal granċ f’kull suġġett li kelli fl-iskola virtwali, kif ukoll fis-suġġetti l-oħra li suppost kont qed insegwi waħdi. Ma bdejtx insib ċans niffoka fuq is-suġġetti li ħadd ma kien qed jgħallimni, u meta pprovajt naħdem fuq dawn is-suġġetti ingħatajt ħasla mill-għalliema tal-iskola virtwali talli ma kontx qed naħdem biżżejjed fis-suġġetti tagħhom.

Kelli ħafna ħin għad-dispożizzjoni tiegħi: tmiem il-ġimgħa, kif ukoll nofs il-ġranet tal-ġimgħa…stajt nuża dal-ħin biex nistudja. Iżda fir-realta’, il-lezzjonijiet onlajn bdew jgħajjuni wisq! Li tgħaddi nofs ta nhari tiċċassa lejn skrin, tipprova titgħallem, tipprova tinjora l-ħsejjes kontinwi mill-mikrofoni ta’ sħabek, tipprova tinjora ħsejjes mid-dar tiegħek stess – speċjalment fejn tinzerta jkollok xogħol ta’ kostruzzjoni għaddej il-ħin kollu qribek… Xejn ma kienet esperjenza sabiħa. Kelli bżonn brejks spissi għax bdejt inħossni se niġġennen – qed nitkellem mill-esperjenza.

Fi ftit żmien bdejt nesperjenza konfużjoni b’relazzjoni ma’ suġġetti li xi darba kont nifhem u kont immur tajjeb fihom. Speċjalment fl-Ispanjol. Dan kien wieħed mis-suġġetti favoriti tiegħi is-sena ta’ qabel, u wieħed li ġenwinament kont nieħu gost nitgħallem. Sfortunatament dan l-aħħar bilkemm nista’ nifhem frażi sempliċi bħal ma hi ‘¿Cómo estás?’.

Imbagħad waslu l-eżamijiet onlajn, li ironikament lanqas biss konna nafu bl-eżistenza tagħhom qabel ix-xahar ta’ Mejju. Bħal kulħadd ħassejtni beżagħna, iżda bdejt nittama. Wara kollox, sena wara sena dejjem kont immur tajba ħafna f’kull suġġett…kont bħal ma jgħidu, A student. Iżda dis-sena spiċċajt ġibt biss 11 fl-eżami tal-Matematika. Kien hemm xi wħud ta’ eżerċizzji li ma stajtx inkun naf minħabba li lanqas biss kellna ċans ngħaddu t-topiks kollha sal-eżami. Kont naf li żgur ma kontx se nġib xi 90 jew 94 bħas-snin ta’ qabel; 60 għalija kienet aktar marka realistika. Iżda qatt ma stennejt li kont se nispiċċa nġib 11! Kienet daqqa ta’ ħarta kbira wisq!

U hawn ħa niġi għall-punt…

Wasalna fix-xahar ta’ Settembru – ix-xahar li fih il-maġġoranza tal-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom għall-istudenti, u din is-sena beħsiebni nattendi l-iskola fiżikament minħabba li issa ħadt il-vaċċin u nħossni aktar protetta. Iżda l-ħsieb li ħa mmur l-iskola fiżikament huwa tal-biża’ wisq! Se nattendi skola ġdida, b’żewġ suġġetti ġodda flimkien ma lingwa barranija li m’għadnix nifhem, kif ukoll is-suġġetti l-oħra kollha li m’għadnix tajba fihom bħal qabel, kemm minħabba li issa komplew jitqalu, kif ukoll minħabba li kelli naqdef waħdi għal kwazi sentejn fihom. U barra dan kollu, hemm biss żewġt’iħbieb tiegħi li se jattendu din l-iskola, u li sfortunatament lanqas għadni nħossni naqbel ħafna magħhom bħal ma kont qabel.

Nimmaġinakom tgħidu “u iva, issa tagħmel ħbieb ġodda”. Imma le. Jien tfajla mistħija mmens. Jien it-tip ta’ tfajla li jekk ma tkellimnix nistħi nkellmek. U kull tip ta’ interazzjoni soċjali tbeżżagħni. Moħħi ta’ spiss jgħidli affarijiet bħal “U jekk ma togħġobhomx? Se ddaħħak in-nies bik. Jaqaw hemm xi ħadd jidħak? Żgur qed jidħku bik! Ara, qed iħarsu lejk…aħjar taqbad u tmur fir-rokna taqra għax hekk forsi tidher ftit smart u fl-istess ħin taħrab l-interazzjoni minn mal-oħrajn“.

Qed tifhmuni? Ħa nagħtikom eżempju ta’ xi ħaġa li qed nesperjenza ta’ spiss dan l-aħħar… Inkun fi playground ma tal-familja u nkun nixtieq immur fuq bandla. Hemm żewġ bandli u waħda biss qed tintuża. Is-sens komun jgħidlek tmur fuq il-vojta sakemm m’hemm ħadd fuqha, iżda l-insikurezza tiegħi tgħidli biex ma mmurx sakemm ikun għad hemm xi ħadd fuq waħda minnhom.

Ma kontx hekk sa ftit taż-żmien ilu. Vera li dejjem kont xi ftit mistħija, speċjalment fil-Year 7 fejn kont inħossni insigura ħafna madwar sħabi. Imma issa inħoss li sirt mistħija b’ intensita’ li ma kontx qabel. U ta’ dan nagħti t-tort lil COVID-19.

Għalhekk, il-ħsieb li nidħol fi skola fejn prattikament ma jafni ħadd iwerwirni. Barra dan ninsab ċerta li mhu se nifhem xejn fil-maġġoranza tas-suġġetti li qabel kont tant tajba fihom. It-Teleskola u l-lezzjonijiet onlajn kienu tajbin, u ommi għamlet kull ma setgħet biex tgħinni fejn tista’, imma xejn ma jista’ jieħu post dak li jiġi mgħallem fil-klassijiet b’għalliema dedikati li jixtiequ jgħallmuk.

F’dan il-punt ma nafx x’għandi nagħmel jew x’qed nistenna…nittama biss li jirnexxili naffaċċja u ngħaddi l-ewwel ġurnata b’wiċċ il-ġid, u mbagħad nimxi minn hemm.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love