Share the love

Ninsab ċerta li ħafna jistgħu jaqblu miegħi li l-irġiel iħobbu jidhru aktar superjuri min-nisa. Għal xi wħud din il-ħaġa hija kważi intrinsika, x’aktarx li ma jirrealizzawx li qed jagħmluha jew l-idea li huma superjuri ma togħġobhomx, imma prattikament tiġi ħaġa naturali għalihom. Nara ħafna rġiel (u xi kultant anke nisa) li jassumu li jafu min aħna għax aħna nisa; jaħsbu li aħna “sensittivi”, “emozzjonali”, “u li rridu nikkommettu ruħna għalihom”, meta m’aħna xejn minn dan.

Il-karattri tagħna m’humiex iddefiniti mill-ġeneru tagħna, m’hijiex ħaġa tqila biex tifhem! Din ovvjament tgħodd għaż-żewġ sessi imma għalissa se niffoka biss fuq in-nisa. Jien nara ħafna rġiel ta’ etajiet differenti jagħmluha din u issa qed inħossni nixba b’dan ir-raġunament bla sens!

Riċentament ħriġt ma xi ħadd li għandu xi għoxrin sena w’xi ħaġa, u beda jgħidli kif aħna n-nisa sbieħ b’ mod naturali u sensittivi, li meta noħorġu ma nistgħux niġu kkumparati mas-subien għaliex huma fuq tagħhom waqt li aħna passivi u miġbura. Kompla jgħidli li meta jixrob il-‘whiskey’ hu jispiċċa “emozzjonat bħal mara” u li l-bniet kollha għandhom nuqqas ta’ direzzjoni.

Dan xejn ma laqatni, u fil-fatt lanqas erġajt kellimtu wara dan l-episodju. Imma l-aktar li ħassejtni xxukjata kien li dan huwa raġel relattivament żgħir, li trabba f’din is-soċjeta’ tal-lum. Kif seta’ kiber imdawwar bin-nisa imma jaħseb hekk? Għaliex kiber bl-idea li n-nisa huma biss persuni maħluqa biex jikkalmaw u jimpressjonaw lil kulħadd bl-awra sabiħa tagħhom? ‘News flash’: m’aħniex!

Aħna kollha kemm aħna nies, differenti, kollha kemm aħna għandna karattri differenti, valuri u ideat differenti li jiffurmaw dak li aħna. L-ebda mara ma hi bħal mara oħra u l-personalita’ tagħna (u ta’ kulħadd) m’għandhiex tiġi ġġudikata minn ideat maħluqa minn stituzzjonijiet soċjali – u din tapplika għal kollox. Is-sess, ir-razza u l-orjentazzjoni sesswali huma trivjali u ma jiddefinixxuniex.

L-aktar ħaġa li ħassejtha iebsa hija li dak li qal qalu bħala kumpliment. Kienet ħaġa ċara li ma kienx qed ifittex biex isir jafni bħala persuna unika, anzi beda jfittex lil xi ħadd li joqgħod għal dawn l-isterjotipi li kellu f’moħħu. Nisa żgħażagħ għandhom iħossuhom speċjali bid-differenzi tagħhom, mhux għax joqgħodu f’ mod preskritt għalihom.

Tifhmunix ħażin, jien kburija li jien mara, imma kburija minħabba l-fatt li n-nisa iġġieldu ħafna mas-snin sabiex jiksbu r-rikonoxximent u r-rispett. Jien ċerta li ħafna minn dawk in-nisa li kellhom ideat indipendenti kienu jikkonflittu ma nies b’opinjonijiet oħra, imma ċerta wkoll li dawn in-nisa kienu sensittivi u emozzjonali filwaqt li oħrajn kienu b’saħħithom (żewġ tipi differenti, tajbin fihom infushom u mhux tip aqwa mill-ieħor)’.

Madankollu, dawn l-isterjotipi li qed jibqgħu joħolqu n-nies qed jidħlu f’sett ta’ preċedenti perikolużi,  qed jikkrejaw aspettattivi intensi li mhux kulħadd jixtieq jikkonferma, per eżempju, il-kunċett żbaljat li l-bniet għandhom jilbsu l-ilbiesi filwaqt li s-subien restritti għall-qliezet, jew l-idea li kull mara tixtieq issir omm – din m’hijiex aċċettata, m’hijiex realistika u hija sempliċiment mhux sew.

Sterjotip ieħor li riċentament esperjenzajt kien ukoll minn raġel għadu żgħir li assuma x’ridt jien minflok saqsieni jekk kellux raġun, qalli eżattament ‘jien xi xtaqt’ (li qas kienet ezatta l-ħaġa) u għamilli ‘speech’ fuq kif dak li xtaqt jien ma kienx jaqbel ma dak li xtaq hu. Ippruvajt nispjegalu li kellu żball kbir, imma nista’ nassigurak li qas sema’ kelma milli għidtlu.

Kulħadd għandu jirrikonoxxi li aħna n-nisa għandna vuċijiet prezzjużi u importanti, aħna jistħoqqilna li nkunu meqjusa ugwali. Fl-aħħar mill-aħħar, imbilli tkun raġel ma jfissirx li int tajjeb, li tkun mara ma jfissirx li tkun tajba – il-karattru u l-intelliġenza biss għandhom jiddeterminaw kif għandek tiġi meqjusa, mhux il-ġeneru tiegħek.

Madankollu, naħseb li l-mod li s-soċjeta’ għandha tiġġieled din il-problema tal-isterjotipi hija bl-edukazzjoni. Ovvjament, jien nifhem il-passi li għamlu n-nisa tul iż-żmien, u jien beħsiebni nkompli fuq dan il-proċess. It-tfal għandhom jitgħallmu aktar fuq dawk in-nisa mniżżla fl-istorja talli bidlu d-dinja, bħal Susan B. Anthony u Marie Curie. Għandhom jitgħallmu wkoll li n-nisa u l-irġiel jistgħu jagħmlu, jkunu, jilbsu u jgħidu dak li jridu huma, kif ukoll iħobbu lil min iridu, l-aqwa li ma jikkawżawx ħsara.

Jien nemmen ukoll li n-nies m’għandhomx jinjoraw ċerti sterjotipi – innutahom kollha, tkellem fuqhom, għallem u tgħallem dwarhom. B’hekk biss nistgħu nimxu l-quddiem.

Dwar l-Awtriċi

A.S.T. hija tfajla ta’ 19-il sena li qed tistudja u hija nteressata ħafna fuq id-drittijiet umanitarji. Hija kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u b’hekk se tipprova tagħmel dak kollu li tista’ biex issemma’ l-opinjonijiet tagħha u tħalli mpatt permezz tal-kitbiet tagħha.


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *