Share the love

Rachelle Deguara

Rachelle Deguara hija l-‘Co-Chair person’ ta’ ‘ADZ Green Youth Malta’, sid tan-negozju ‘Mellowmoon’, membru tal-kummissjoni ta’ ‘Young Progressive Beings’ u artista bl-isem ta’ REA. Fi kliem ieħor, Rachelle Deguara hija mara b’viżjoni għal bidla bi pjan li tilħaqha.

Iltqajna ma Rachelle biex nitgħallmu aktar dwarha.

Minn fejn tħoss li bdiet il-ħeġġa tiegħek għal pjanijiet soċjali u politiċi?

Fl-2016 ktibt l-ewwel diska tiegħi, sewwasew meta il-Munxar, f’Marsaskala, kien qed jiġi mhedded bl-iżvilupp sabiex isir villaġġ tal-agri-turiżmu. Kantajt din id-diska open mic f’Maori fejn inzerta kien hemm Alex Caruana, attivist, li nkuraġġieni ningħaqad ma Graffitti. Illum il-ġurnata din saret drawwa u ħajti ma narahiex mingħajrha. Nieħu gost niddibattita u niltaqa’ ma nies li ma jaħsbux bħali imma li għandhom l-istess prinċipji f’qalbhom.

Rachelle Deguara

Politikament, onestament xbajt dejjem bl-istess storja. Xtaqt il-bidla u għalhekk iddeċidejt li nkun din il-bidla ma partit li qed jipprova jmexxi ċerti suġġetti li għandhom bżonn aktar enfasi, bħal ma hu d-dibattitu tal-abort. Jien nemmen li l-iġsma m’għandhomx ikunu miġġielda b’mod politiku għax nafda li n-nisa kapaċi jieħdu d-deċiżjoni li jagħżlu x’ inhu l-aħjar għalihom. Ir-regoli għandhom bżonn jinbidlu u nixtieq nara titneħħa l-‘istigma’ u t-‘taboo’ fejn jidħlu s-saħħa sesswali u d-drittijiet riproduttivi.

X’bidla tixtieq tipprijotizza fl-istat kurrenti ta’ Malta?

Aktar awtonomija (Ewtanasja) u inqas poverta, inqas nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom u inqas djar vojta, aktar drittijiet għall-ħaddiema u għal dawk li għandhom djar fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-president. Bħal ma semmejt qabel, is-saħħa sesswali u d-drittijiet riproduttivi mportanti ħafna għalija, għalhekk nagħmel parti minn ‘Young Progressive Beings’. Imbagħad hemm ukoll il-ħarsien tal-ODZ u spazji miftuħa u pubbliċi, u d-dikriminalizzazzjoni tal-kultivazzjoni tal-Kannabis.

X’inhuma l-għanijiet tiegħek fil-moviment ‘pro-choice’?

L-aċċessibilita’, fuq kollox huwa dritt uman. Nafu li f’Malta n-nisa jagħmlu l-abort, mijiet minnhom, kull sena. Dan huwa fatt xjentifiku u magħruf. Ma nistax nifhem għala minħabba l-moral ta’ xi nies, nisa, xi kultant anke tfal għandhom jgħaddu minn torturi psikoloġiċi minħabba proċedura medika. Għadu jħawwadni l-fatt li ċerti nies iħossuhom daqshekk komdi bil-privileġġi tagħhom li jistgħu jaffordjaw abort u xorta jibqgħu jimponu t-twemmin oppressiv tagħhom fuq ħaddieħor. Projbizzjoni kompleta ma tiffavorixxi lil ħadd. Jien nemmen li n-nisa għandhom il-kapaċita’ jagħmlu l-għażliet għalihom infushom, u ċerti stati għandhom jagħmlu l-istess. Jien favur l-abort. Mhux kulħadd jagħżel li jagħmel abort. Ħafna għandhom bżonnu biex jgħixu u l-istat għandu bżonn joffri dan biex isalva ħajjet in-nies.

Rachelle Deguara

Fejn tara lilek innifsek għaxar snin oħra?

Din se nweġibha bl-aktar mod ambizzjuż u realistiku li għandi f’moħħi. Fir-realta’, li rrid huwa li nkun f’post fejn inkun nista’ naqra’ l-kotba kollha fil-librerija tiegħi u li nkompli nikkontribwixxi fis-soċjeta’. Li jkolli biżżejjed kapaċitajiet intellettwali biex nipproduċi l-arti u biżżejjed tolleranza għall-istupidita’.

X’jirrilassak?

L-arti, ‘chess’ u ‘poker’ xi kultant. Xi ikla b’naqra nbid tajjeb u diskursata stimulanti.

Lejn xiex tħoss li għandek passjoni l-aktar?

Għalija nnifsi, ġustizzja soċjali, arti li għandha kunċett u l-industrija tal-kotba.

Għandek xi pariri għat-tfajliet?

Agħmel l-iżbalji sakemm għadek żgħira biex imbagħad ikollok iż-żmien titgħallem minnhom. Ma tistax tistenna r-rispett mingħand nies oħra jekk ma tirrispettax lilek innifsek l-ewwel. Insa dak kollu li nponiet fuqek is-soċjeta’ u ibda aħseb aktar għalik innifsek. Tiskużax lilek innifsek bil-ħsieb li tkabbar l-istima ta’ ħaddieħor. Aqbeż għalik innifsek.

REA

Rachelle Deguara għandha l-abbilta’ li tgħaddi messaġġi politiċi b’saħħithom permezz tal-mużika tagħha, l-attiviżmu u l-pożizzjoni tagħha fil-partit l-aħdar. Hija forza naturali li toffri stampa mimlija tama’ għall-futur ta’ Malta.

Segwi lil Rachelle Deguara fuq Instagram bħala l-artista mużikali REAmellowmoon1111 għall ġojjellerija li tagħmel, u biex tgħaqqad kollox f’daqqa segwiha fuq rachelledeguara

Tinsiex issegwi wkoll lil ypbmalta biex iżżomm ruħek aġġornata dwar il-moviment ‘pro-choice’.


Għandek ħajja avventuruża? Tixtieq taqsamha magħna fuq wham? Ikkuntattjana jew ibagħtilna imejl fuq [email protected]


Share the love