Santa Klaws ġie kemmxejn tard dan il-Milied biex jagħti rigal lill-tifla ta’ 9 snin… imma bis-saħħa tal-qalb tajba ta’ Angela u Omar irnexxielu jasal eżatt fil-ħin biex jagħti r-rigali ma ħafna ferħ!
Vera li l-Covid19 ħarbat il-Milied ta’ ħafna nies din is-sena, imma nistgħu ukoll insibu stejjer li jserrħulna qalbna. Jien u naħseb waħdi f’dari hekk kif ninsab fuq kwarantina waqt li r-raġel tiegħi jinsab iżolat waħdu fuq, daħalli messaġġ ieħor fuq il-mowbajl.
Ħafna mill-messaġġi li rċevejt illum kienu biex jirringrazzjawni jew biex jawgurali Milied tajjeb. Iżda dan il-messaġġ kien kemmxejn differenti. Il-messaġġ kien jgħid hekk: “Jien ‘single parent’ u issa erġajt bdejt naħdem, fl-ewwel ta’ Diċembru. Lit-tifla, li għandha 9 snin, fehemtha li Santa Klaws ġej tard din is-sena. Ma stajtx naffordja rigali jew affarijiet speċjali. Xorta għadha temmen fl-eżistenza tiegħu, u ma xtaqtx inħassrilha l-Milied billi ngħidilha l-verita’. Forsi hawn xi ħadd li għandu xi ħaġa żejda għaliha? Grazzi ħafna”.
“Santa Klaws ġej tard”… kelli nagħmel xi ħaġa bilfors, għalhekk ikkuntattjajt lill-Angela li kumbinazzjoni kienet ikkuntattjatni l-ġurnata ta qabel biex tgħidli li kellhom jagħlqu il-ħanut u li kien fadlilhom xi ġugarelli żejda. Angela kienet staqsietni jekk kontx naf xi tfal li baqgħu mingħajr ġugarelli dal-Milied.
Ma stajtx nemmen lill-għajnejja meta wara biss madwar 10 minuti Angela bagħtitli li kienet sabet xi rigali u geżwrithom bil-lest, u li r-raġel tagħha kien lest biex jirkeb ir-rota tiegħu ħalli jieħu dawn ir-rigali lil din it-tifla minnufih! Il-messaġġ tagħha kien jgħid “Aħna nieħdu gost ngħinu, speċjalment lit-tfal. Għandna xi ftit affarijiet id-dar, jiġifieri nistgħu naħdmu b’mod mgħaġġel.”
Tassew li ħadmu b’mod mgħaġġel – Omar kien diġa’ fuq ir-rota u wasal id-dar biex iferraħ lil din it-tifla f’ħin qasir! Daqq il-qampiena u meta Sophia (isem fittizzju) fetħet il-bieb qalilha, “Sfortunatament Santa Klaws tana r-rigal tiegħek bi żball!” Xi skuża ġenja! Wara qalli li Sophia bdiet taqbeż bil-feħ wara li taha r-rigal!
Din l-istorja tenfasizza l-ispirtu propju tal-Milied u t-tjubija u l-mumenti speċjali li jistgħu jiġu esperjenzati bejn l-istranġieri.
Angela qaltli, “Kellna nagħlqu l-ħanut minħabba l-Covid19, imma almenu ħarġet xi ħaġa tajba minn dan!.”
Il-Covid ħarbat il-Milied għal ħafna, inkluż il-Milied tiegħi hekk kif jien u familti ma stajniex inqattgħuh flimkien, imma grazzi għal din l-istorja l-ġurnata spiċċat fuq nota tajba. Grazzi Angela u Omar, bil-qalb ġeneruża tagħkhom għamiltuli l-Milied 2020 wieħed li mhu se ninsa qatt.
Għandek xi esperjenza ħelwa li tixtieq taqsam magħna? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]
Il-‘Women for Women Foundation’ irnexxielha tferraħ ħafna nisa u tfal li kienu fil-bżonn dan il-Milied. Inti wkoll tista’ tagħmel parti minn din il-fundazzjoni li toħloq it-tama fejn hemm bżonn… żur is-sit ta’ ‘Women for Women Foundation’ hawnhekk u ara kif inti wkoll tista’ toħloq differenza.
Francesca Fenech Conti hija entużjasta dwar problemi soċjali u għandha BA fis-‘Social Policy’. Hija wkoll fundattriċi u kreattriċi tal-grupp fuq Facebook iddedikat għan-nisa biss Women for Women (Malta) u l-‘Women for Women Foundation’ li taħdem id f’id ma’ NGOs u negozji oħra li jagħtu s-setgħa u l-appoġġ lin-nisa, speċjalment nisa li jrabbu t-tfal weħidhom.
Riċentament, Francesca ħalqet Wham.com.mt bl-għan li tipprovdi spazju tant meħtieġ fix-xenarju tal-medja lokali biex tippromwovi l-ilħna tan-nisa Maltin u tipprovdi lin-nisa sorsi ta nformazzjoni rigward il-benesseri tagħhom.