Permezz tas-servizzi li toffri, Yasmin minn ‘Sanya Eco Spa and Wellness Centre’ tgħin lin-nies jeħilsu mill-istress u mill-għajja esaġerata u jesperjenzaw sens profond tal-benesseri u paċi. Imma x’differenza hemm bejn l-istress u għajja esaġerata?
Jekk qabel il-COVID-19 l-istress u l-ansjeta’ kienu magħrufa li jikkawżaw ħafna ħsibijiet, issa nistgħu ngħidu li żgur li għandhom jingħataw prijorita’. Il-COVID irnexxielu jgħakkes ħafna nies, speċjalment nisa, billi kkawża għajja esaġerata.
L-aktar ħaġa mportanti li għandna nżommu f’moħħna hija li hemm differenza kbira bejn stress u għajja esaġerata. Ġisimna huwa reżiljenti għall-istress. Aħna kapaċi nifilħu ċertu ammont ta’ stress għal ammont ta’ żmien. Imma meta nilħqu l-limitu b’għajja tremenda inkunu mbuttajna lilna nfusna lil hinn mill-limiti tagħna. Ma nkunux tajna ċans lil ġisimna jirkupra u b’hekk inkunu żvujtajna r-riserva tagħna. Għandna bżonn li naffaċjaw l-għajja tremenda b’mod aktar serju għax din mhux biss tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet ta’ saħħa, imma tista’ wkoll tkisser relazzjonijiet u tikkawża dipressjoni. Dan jista’ jiġi evitat jekk nimxu pass pass il-quddiem.
Nibdew billi nħarsu lejn tlett modi li bihom nistgħu nagħrfu jekk qbiżniex il-fażi tal-istress u wasalna għall-għajja tremenda:
- Tħossok għajjiena emozzjonalment. La tista’ tħossok ferħana u lanqas imdejqa għax ma tħossx li fadallek enerġija. Id-definizzjoni ta’ għajja esaġerata hija għajja emozzjonali. Jekk tħossok tlift dik il-forza li ġġiegħlek taħdem jew tlift il-passjoni li biha tista’ tipprattika l-passatempi tiegħek, u qed tħoss il-bżonn li tiżola ruħek, sinjal li lħaqt il-fażi ta’ għajja esaġerata.
- Meta xi ħadd isaqsik kif int u tħossok tkun trid tibki! Sfortunatament, din ħaġa komuni ħafna. Dan huwa messaġġ importanti li ġisimna jipprova jibgħatilna li m’aħniex daqstant tajbin! Ġisimna ma jistax jigeb … anke jekk il-moħħ jipprova jinjora r-realta’ u jibqa’ jipprova jimxi l-quddiem. Din xi ħaġa li esperjenzajt jien stess, u naraha ħafna f’ħaddieħor. Ripressjoni emozzjonali hija l-kawża maġġuri tal-istress, u meta ma nkunux nistgħu nikkontrollaw id-dmugħ, ġisimna jkun qed jgħidilna li hemm ammont ta’ emozzjonijiet li għandna bżonn naffaċċjaw mill-aktar fis.
- Ma tkunx tista’ torqod matul il-lejl. Hemm ħafna raġunijiet li jistgħu iwasslu għall-‘insomnia’. Ġeneralment, li jiġri huwa li l-‘adrenals’ tagħna jkunu għajjew jipproduċu ormoni tal-istress, u tant kemm ikunu ilhom jiġu wżati, li jibdew iżommu riżervi tal-ormoni tal-istress għall-emerġenzi. Meta tasal lura d-dar fl-aħħar tal-ġurnata, ġismek jirrealizza li m’hemmx aktar għajja u stress li se tgħaddi minnu, għalhekk jirrilaxxa il-kumplament tal-ormoni tal-istress. B’hekk xi kultant ġieli nesperjenzaw ammont ta’ stress f’daqqa matul il-lejl u nsibuha bi tqila biex norqdu.
Ovjament, anke jekk il-glandoli tal-adrenalina ma jagħmlux xogħolhom sew, l-istress u l-ansjeta’ waħedhom huma biżżejjed biex iżommu lill-moħħna għaddej bla waqfien. Aktar ma nersqu lejn il-limitu ta’ għajja esaġerata, aktar tiġina bi tqila biex nipproċessaw l-emozzjonijiet li jkollna, u b’hekk noħolqu aktar ansjeta’.
Hemm bosta raġunijiet li jistgħu iwasslu sabiex aħna nispiċċaw nesperjenzaw għajja esaġerata, u ħafna minn dawn huma raġunijiet esterni. L-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li niffukaw fuq l-għażliet li nistgħu nagħmlu. Dawn huma suġġerimenti li jistgħu jgħinu:
- Ieqaf erfa’ ir-responsabbiltajiet kollha ta’ ħaddieħor. Kollha kemm aħna nħossuna tajbin meta ngħinu l-ħaddieħor, imma jekk niġu f’punt li nkunu qed inweġġgħu lilna nfusna fl-istess ħin, nispiċċaw ma nibqgħux produttivi. L-ewwel li għandna nagħmlu hija li ma nagħmlux ħsara billi b’mod simboliku ‘nimlew it-tazza tagħna’… imbagħad nużaw iż-żejjed biex naqsmuh ma dawk li nħobbu. Il-verita’ hija li affarijiet bħal dawn jistgħu jinvolvu ħafna xogħol u sapport mingħand ħaddieħor. L-affarijiet jistgħu jitqalu speċjalment fejn hemm min jiddependi fuqna, imma dejjem se jkun hemm ċertu piż li nkunu ġibna b’idejna, li jista’ jiġi mmaniġjat b’mod aħjar. Huwa tajjeb li nżommu f’moħħna li ġeneralment mhux it-taħriġ li għandna quddiemna jkun il-problema iżda l-mod ta’ kif inħossuna dwaru.
- Nitgħallmu biex inkunu f’relazzjoni ma ġisimna. Aħna qed ninqatgħu dejjem aktar minn ġisimna. Fi kliem ieħor m’għadniex konxji tal-messaġġi li jipprova jibagħtilna. Ġisimna ma jigdibx, u s-sistema tan-nervituri tagħna tibgħatilna l-messaġġi bil-lingwaġġ tagħha; għajja, uġiegħ ta’ ras, problemi bis-sistema diġestiva, sturdamenti/ħass ħażin, pressjoni għolja, attakki ta’ paniku u ħafna aktar. Attivitajiet bħal yoga, meditazzjoni u żfin jistgħu jerġgħu jgħaqqdu l-konnessjoni tagħna ma ġisimna biex b’hekk inkunu nistgħu naddattaw aktar lilna nfusna u l-ħajjitna ma dak li hu addattat u sostenibbli għal ġisimna.
- Żomm il-kuntatt man-natura. In-natura hija l-aħjar ħaġa li tista’ tfejjaqna. Li tqatta l-ħin imdawwra bin-natura jfisser ukoll li tqatta’ l-ħin miegħek innifsek, u b’hekk ikollok aktar spazju biex tifhem lilek innifsek aħjar u tissepara lilek innifsek minn dak il-leħen negattiv li spiss nisimgħu itaqtaq kontinwament f’moħħna.
L-għajja esaġerata ġeneralment twassalna għal realizzazzjoni, għax ġisimna litteralment jasal f’punt li jkun irid iwaqqaf kollox. Filwaqt li dan jista’ jġiegħlek tħossok qisek misħuta, permezz tas-sapport tista’ tħossok aħjar, tista’ anke tasal biex tħossok ħafna aktar ferħana u b’saħħtek milli kont qabel bdejt tesperjenza din l-għajja esaġerata. Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm nista’ nikteb paġni sħaħ mimlija pariri, nemmen li l-fejqan jibda minn meta nsiru nafu lilna nfusna aħjar u li nagħżlu li nkunu f’relazzjoni aħjar u mimlija mħabba magħna nfusna.
M’għandiex inħossuna ħatja meta kull ma nħossuna li nistgħu nagħmlu huwa li npoġġu bilqegħda u ma nagħmlu xejn, li mmorru mixja jew għal xi trattament f’xi spa and wellness centre. Kull ma tkun qed tagħmel huwa li tirregala ħin limitat lilek innifsek. Ftakar fil-mod li bih tħobb lil ta madwarek, u dwar kemm tkun tixtieqhom ifiequ u jħossuhom aħjar meta jħossuhom ħażin – aħna għandna bżonn nitrattaw lilna nfusna bl-istess mod u nirregalaw ħin għalina nfusna biex nevitaw li nilħqu l-limitu.
Huwa sabih li nitgħallmu nimxu bilmod u li niflu sew l-affarijiet li spiss ma ninnutawx matul il-ġurnata. Ħafna drabi ninsew min aħna u l-kwalitajiet li jagħmluna uniċi u nsiru skjavi tal-aspettazzjonijiet tas-soċjeta’ ta’ madwarna.
Għalkemm għajja esaġerata tista’ tkun ta’ piż żejjed fuqna, il-mixja tagħna lejn il-fejqan tista’ twassalna f’destinazzjoni verament sabiħa.
“Fejn il-pariri u l-preskrizzjonijiet jistgħu ikunu ta’ għajnuna, l-għarfien tagħna nfusna u l-ħidma ta’ moħħna u ġisimna jistgħu ikunu aktar ta’ valur. L-għarfien, meta jiġi ispirat mix-xewqa li nsiru nafu l-verita’, jista’ jippromovi trasformazzjoni.”
Aqra aktar dwar ‘Sanya Eco Spa and Wellness Centre’ hawnhekk.
Għandna f’idejna żewġ vawċers li nixtiequ nirregalaw, vawċers għal ġurnata u ikla b’xejn mingħand ‘Sanya Eco Spa and Wellness Centre’! Ikkuntattjana jew ibagħtilna imejl fuq [email protected] u għidilna għaliex għandek bżonn tqatta’ ġurnata fi ‘spa and wellness centre’.