Illum infakkar 10 snin minn kemm l-istituzzjonijiet fil-każ tiegħi ma ħadmux. Bħal lum 10 snin ilu, b’ self esteem f’miljun biċċa, jien għamilt il-kuraġġ u ħadt l-ewwel pass biex nitlaq minn relazzjoni abbużiva. Irnexxieli nagħmel kuntatt ma’ avukat u bagħat l-ewwel ittra lir-raġel biex nibdew proċeduri ta’ separazzjoni, idealment b’mod bonarju. Mhux se nidħol fid-dettalji tal-każ għaliex għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja imma ma nistax nibqa’ aktar siekta fuq id-dewmien esaġerat f’kawżi ċivili u kif dan id-dewmien mhux biss ikompli jivvittimizza lill-vittmi imma wkoll ineżżagħhom minn kull dinjità u mid-dritt li jgħixu ħajja sana.
Ftaħna medjazzjoni li damet tkaxkar 11-il xahar. Min hu midħla fil-qasam tas-separazzjonijiet jgħidlek li koppja li ma tilħaqx ftehim fi żmien sitt ġimgħat, ma tifthiem qatt! Filfatt fi tmiem tal-11-il xahar, bqajna ma ffirmajna l-ebda kuntratt ta’ separazzjoni bonarja u kelli ngħaddi għall-pass li jmiss: ftaħt kawża ta’ annullament u oħra ta’ separazzjoni minħabba minuri li dak iż-żmien kien għadu taħt it-tlett snin.
Sa llum la l-kawża tal-annullament, li kull ma trid tara hu x’ġara sad-data taż-żwieġ ċivili, u lanqas il-kawża ta’ separazzjoni ma ġew konklużi, bir-riżultat li jien għadni bl-istat legali tiegħi bħala mara miżżewwġa. Le, ma nistax napplika għad-divorzju, għaliex la l-liġi tad-divorzju u lanqas l-emendi li qed ikunu proposti ma jaħsbu għall-każijiet ta’ min xi ħadd mill-koppja jaqla’ qalb il-parti l-oħra biex ikun hemm separazzjoni legali. Kawża fil-Qorti li tagħti sentenza finali ta’ separazzjoni legali, nażżarda ngħid, ma tintemm qatt! Mhux se nikkumenta fuq il-kawża tal-annullament, fil-każ tiegħi ta’ żwieġ ċivili.
Il-fatt li fl-2015, il-Vatikan ħabbar riforma fil-proċeduri li jannullaw żwieġ fil-Knisja biex dan ikun aktar simplifikat u aktar mgħaġġel u llum il-ġurnata, il-proċess kollu jieħu sa massimu ta’ sena u nofs, juri li l-istat Malti fadallu x’jaqdef biex iħoll żwieġ ċivili b’aktar ħeffa! Se nikkumenta fuq il-kawża ta’ separazzjoni – proċess li sa llum diġà fih mal-ħames volumi daqsiex mimlijin il-parti l-kbira minnhom b’rikorsi li l-parti l-oħra jogħobha tiftaħ kultant żmien. Rikorsi frivoli, b’allegazzjonijiet foloz u repetuti, li jien ikolli nħallas il-flus kull darba biex inweġibhom.
Se nsemmi biss erba’ investigazzjonijiet serji li għaddejt minnhom s’issa, l-ewwel waħda meta f’rikors li ressqet il-parti l-oħra fl-2015 talbet li jitqabbad avukat tat-tfal għax allegat li jien insawwat lill-minuri u għalhekk argumentat li l-minuri għandu jmur jgħix miegħu u mhux aktar miegħi. Il-Qorti kienet laqgħet it-talba li tappunta avukat tat-tfal li kellmet lill-minuri waħdu. Wara li l-Qorti rat ir-rapport tal-Avukat tat-Tfal, iddeċidiet li kollox jibqa’ kif kien għax l-allegazzjoni ma rriżultat bl-ebda mod. Żewġ investigazzjonijiet oħra kienu mill-Pulizija, il-parti l-oħra reġgħet għamlet żewġ rapporti foloz, wieħed fl-2016 u l-ieħor fl-2020 li fihom reġgħet allegat li jien insawwat lill-minuri. Il-pulizija kienu bagħtu għalija fiż-żewġ każijiet u jien kelli nagħti stqarrija li fi tmiemha, fiż-żewġ okkażjonijiet, l-allegazzjoni reġgħet ma rriżultatx.
Bħalissa għaddejja minn investigazzjoni oħra! Din id-darba wara li l-parti l-oħra bħal donnha rrealizzat li tilfet il-kredibilità kemm mal-Qorti kif ukoll mal-Pulizija, marret tinqeda b’aġenzija tal-Gvern u għamlet rapport maċ-Child Protection Unit li jien insawwat lill-minuri li llum għandu kważi 13-il sena u l-istatura tiegħu m’għadhiex aktar ta’ tifel imma ta’ ġuvnott. M’hemmx għalfejn insemmi kull darba li jsiru dawn it-tip ta’ rapporti, jispiċċaw parti minn rikorsi fil-Qorti tal-Familja biex il-parti l-oħra tipprova titfa t-tajn u dell ikrah fuqi.
Ninkedd u nirrabja għaliex f’dawn u f’diversi okkażjonijiet oħra kull meta l-parti l-oħra jogħġobha tivvinta allegazzjoni u ma jinstab xejn u anzi kull darba joħroġ b’mod ċar li dawn ikunu biss invenzjonijiet biex jagħtuni kedda, il-Qorti ma tieħux passi ulterjuri ħlief tiċħad it-talbiet li jkun talab fir-rikors. Fil-fehma tiegħi, il-messaġġ aħħari lil min iressaq rikorsi frivoli hu: għid li trid għax m’intix se terfa’ responsabilità ta’ għemilek!
Dan mhux ġust fuq il-vittmi f’dan il-każ kemm fuqi bħala ġenitur u wisq aktar fuq il-minuri li jispiċċa jgħaddi minn trawma kull darba għaliex iħoss li jkollu jispiċċa jżomm ma’ ġenitur u jeħodha kontra l-ieħor meta hu jkollu jixhed il-verità. Il-minuri jħobb liż-żewġ ġenituri tiegħu, iħobb iqatta’ l-ħin maż-żewġ ġenituri u jħoss u bir-raġun, li m’għandux ikun hu li jagħżel bejn il-ġenituri tiegħu!
F’dawn is-snin kollha, il-kura u kustodja tal-minuri ingħatat konġunta; b’mod temporanju u cioè sakemm tinqata’ l-kawża. Dan ifisser li l-iskola, il-mużew, l-attivitajiet extrakurrikulari u anki safar, iddeċidiethom il-Qorti għax jekk jien ngħid mod, il-parti l-oħra toġġezzjona bir-riżultat li nispiċċaw inressqu l-argumenti tagħna quddiem il-Qorti u l-Qorti tieħu deċiżjoni għall-minuri hi. Dan lili neżżagħni minn kull dritt u pjaċir li nkun ġenitur! Ma jixraqlix hekk jien. Kull m’ għamilt kien li tlaqt minn relazzjoni abbużiva u l-istituzzjonijiet, inkluż il-Qorti minħabba d-dewmien esaġerat biex tiddeċiedi kawża, sa llum għadhom qed jonqsu milli jirrikonoxxu li jien u l-minuri aħna vittmi u b’dawn l-affarijiet li semmejt, l-istituzzjonijiet qegħdin jagħtu l-barka biex nibqgħu niġu vvittimizzati.
Mhumiex biss dawn il-piki esaġerati li jwasslu għal dewmien esaġerat fil-Qrati. L-iskużi min-naħa ta’ xi avukati li jwasslu biex jitħassru jew jiġu diferuti seduti huma raġuni ewlenija oħra. Fil-każ tiegħi, l-avukat tal-parti l-oħra, daqqa trid tkun f’awla oħra fil-ħin tas-seduta tagħna, daqqa ma laħqitx ħarket ix-xhieda u darba saħansitra kellha toqgħod kwarantina tistenna riżultat ta’ swab test. U l-Qorti meta nidhru quddiemha, ma tiħux passi! Fi 13-il xahar, meta kien ġie appuntat it-tielet assistent ġudizzjarju biex jiġbor il-provi, minn disa’ seduti li skedajna, sebgħa ma sarux! Anzi, biex inkun għedt kollox, f’dan il-perjodu u cioè fl-2018, il-Qorti nsistiet li l-parti l-oħra tressaq l-affidavit tagħha għaliex għalkemm il-kawża ftaħtha fil-bidu tal-2012, id-difiża kien għadha ma ressqet l-ebda affidavit. Fil-fehma tiegħi, ma tagħmilx sens li fil-bidu ta’ kawża, il-Qorti ma torbotx lill-partijiet sabiex jiddikjaraw xi provi għandhom u torbothom li jressquhom fi żmien stipulat.
Fl-aħħar sena, il-pandemija kompliet titfa’ l-melħ fuq il-ferita! Kawża fil-Qorti tal-Familja mhix kawża bi profil għoli li tista’ titfa’ xi dell ikrah fuq xi partit politiku u allura kuntrarju għall-high profile cases, il-kawżi fil-Qorti tal-Familja ġew awtomatikament ikklassifikati mhux urġenti u ġew diferuti kemm f’Marzu tal-2020 kif ukoll f’Marzu ta’ din is-sena. Aktar dewmien! U iva! X’inhuma 10 snin minn ħajja ta’ persuna?
Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam magħna b’mod anonimu jew f’ismek? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]