Share the love

Sarah Everard

L-isem Sarah Everard dar madwar id-dinja kollha f’inqas minn xahar hekk kif sparixxiet hi u kienet sejra d-dar. Ftit tal-ġranet wara, il-pulizija kkonfermaw li biċċiet ta’ ġisem li nstabu kienu nfatti ta’ din it-tfajla. Filwaqt li l-inċident seħħ fin-naħa t’isfel ta’ Londra, ħafna nisa minn madwar id-dinja bdew jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ta’ fastidji u assulti, kif ukoll x’jagħmlu biex iħossuhom sikuri huma u mexjin fit-toroq. Jien u naqra dan bdejt niftakar u nidentifika ċerti azzjonijiet li jiena stess drajt nagħmel waqt li nkun qiegħda barra. L-istorja ta’ Sarah Everard fakkrittni wkoll f’esperjenza li għaddejt minnha ftit xhur wara li għalaqt sbatax-il sena.

Dan li se nsemmi seħħ l-Iklin xi l-10.15pm eżattament wara li spiċċajt mix-xogħol. Il-‘bus stop’ li kont qed nistenna fuqha kienet f’telgħa, u lanqas ħjiel ta’ dawl ma kellha. Filwaqt li din l-‘istage’ kienet inqas minn ħames minuti bogħod minn fejn kont naħdem, waħda mill-kollegi offriet li twassalni sa ħdejha biex nevita li niltaqa’ ma ċerti nies fit-triq. Tal-linja ma kinitx se ddum skont l-app li kelli fuq il-mobajl, għalhekk ilħaqt ċempilt l’ommi, bħal ma kont nagħmel is-soltu  jien u nistenna, għax b’hekk kont inħossni aktar sikura. Wara li għadda ftit tal-ħin, kemm jien u kemm ommi ndunajna li tal-linja kienet għadha ma tfaċċatx, u għalhekk erġajna ċċekkjajna fuq l-app. Lanqas kien hemm karozza tal-linja waħda tidher fil-lista! Ovjament, dak il-ħin bdejt ninkwieta għax ma kontx naf kif se mmur lura d-dar. Ma kontx se nimxiha għax hemm distanza twila mix-xogħol għad-dar, u fl-istess ħin kont vera għajjiena għax kont għadni kif għamilt disgħa sigħat sħaħ fuq saqajja,. Madankollu, dik it-triq partikolari kienet veru mdallma. Ommi ma kinitx taf issuq dak-iż-żmien, u missieri kellu x’jagħmel. Għalhekk spiċċajt litteralment waħdi hemmhek nistenna għal ħin indefinit.

F’daqqa waħda, waqt li kont għadni fuq it-telefonata, rajt vann abjad mingħajr twieqi, riesaq lejja bilmod. Kien hemm żewġ irġiel fih, u hekk kif rawni, qabdu jpaqpqu u jgħajtu. Is-sewwieq anke ħareġ rasu mit-tieqa, qabad jgħajjat ċertu kliem (‘cat calling’) u jsaffarli. Wara li għaddew minn ħdejja, is-sewwieq reġa beda jagħfas il-gass, u wara ftit ma baqgħux jidhru, imma dak kien biżżejjed, il-ħsara laħqet saret. Niftakar ċar l-ommi ssaqsini hux kollox sew wara li semgħet l-ewwel tpaqpiqa. Niftakarni wkoll naqbad il-mowbajl biż-żewġ idejn, għax b’dak il-mod ħassni eqreb t’ommi. Kont qed nibża li jerġgħu jgħaddu, u li jkolli nerġa naffaċċjahom. Ommi kienet qed tiċċekkja l-applikazzjoni kull sekonda u fl-istess ħin jien kont qed nitlob l’Alla biex tiġi tal-linja u ma ddumx. Kull darba li nistaqsiha hemmx xi waħda ġejja, hija kienet tgħidli li suppost ġejja waħda f’inqas minn żewġ minuti – bdejt nieħu r-ruħ kull darba li nisma dik il-frażi. Iżda naħseb kien hemm xi żball bejn il-ħin ta’ tal-linja u l-ħin fuq l-app, għax iż-żewġ minuti għaddew u tal-linja baqgħet ma ġietx. Wara xi nofsiegħa li ġara dak li ġara, fl-aħħar tfaċċat waħda.

Hekk kif tlajt fuq tal-linja u smajt dak il-ħoss li tagħmel il-magna x’ħin tgħaddi l-‘card’ minn fuqha ħadt ir-ruħ. Iżda kont ukoll konxja ħafna ta’ dawk ta’ madwari. Ma kien ifisser xejn li kont għarqana xraba u mimlija frak tal-ħobż. Ma kienx importanti xagħri, li sa dak il-ħin kien laħaq tqanfed. Kif kont nidher, ma kienx importanti – li kien importanti kien biss li jiena mara. Lanqas biss poġġejt bilqiegħda fuq tal-linja għax bdejt nibża’ li jkun hemm xi raġel u jmissni. Minflok bqajt bilwieqfa fejn il-bieba tan-naħa ta’ quddiem biex ikolli post viċin minn fejn inkun nista’ noħroġ jekk ikolli bżonn. Sadanittant ħriġt iċ-ċwievet mill-basket biex nuri lill-passiġġiera l-oħra li kważi wasalt – għalkemm xorta kelli mixja ta’ madwar ħmistax-il minuta biex nasal id-dar; ma nistax inpoġġi l-biża’ li esperjenzajt dakinhar fi kliem. Ma ridtx niġri għax kont inġiegħel lil ta madwari jissuspettaw ħażin fija minħabba li kien tard, imma ma stajtx nimxi bil-mod lanqas, ma jmurx b’xi mod natratta lil ħaddieħor b’intenzjonijiet ħżiena. Waqt li kont miexja lura d-dar kont qed nieħu nota ta’ postijiet, ħwienet, statwi, etc li nara, u ngħid lil ommi bihom, biex ikollha idea fejn kont wasalt.

Ma nistax nispjega s-sensazzjoni li ħassejt wara li sakkart il-bieb warajja u għannaqt l-ommi hekk x’ħin rajtha. Ħadt ir-ruħ – fl-aħħar kont qed inħossni sikura. Ommi għamlet dak kollu li setgħet biex tara li nasal qawwija u sħiħa, minkejja l-fatt li s-sitwazzjoni kienet barra mill-kontroll tagħha. Għalhekk nixtieq nieħu l-opportunita’ u nirringrazzjaha.

Ftit minnkom forsi tikkunsidraw il-‘cat calling’ bħala ħaġa mhux perikoluża; anzi forsi tarawha xi ħaġa ‘flattering’. Iżda fil-każ tiegħi u l-esperjenzi li għaddejt minnhom, dan l-episodju kien bħal ‘trigger’. U l-fatt li kont waħdi fi triq imdallma u vojta m’għenix. Ma ġejtx imweġġa’ fiżikament, iżda l-esperjenza xxukkjatni u wasslitni biex nibda naġixxi b’modi differenti meta nkun barra.

Filwaqt li l-esperjenza ta’ Sarah Everard hija ferm aktar tal-biża minn dak li ġara lili, xorta waħda bdejt nieħu ċertu prekawzjonijiet meta nkun barra filgħaxija wara dak li ġrali jien u nistenna tal-linja. Per eżempju, bdejt id-drawwa li nipprepara ċ-ċwievet tad-dar hekk kif ikun fit-triq u nżommhom f’idi, għax b’hekk inkun qed nuri lin-nies li kważi wasalt (għalkemm fir-realta’ inkun għadni l-bogħod), kif ukoll inkun nista niddefendi lili nnifsi jekk jinqala xi ħaġa. Nippreferi wkoll jekk inkun fuq telefonata ma xi ħadd li nafda, ġeneralment m’ommi, biex forsi dak li jkun jaħsibha darbtejn. Tgħallimt li jekk nidentifika ċerti postijiet fit-triq li nkun għaddejja minnha u ngħid lil dawk li nkun qiegħda fuq it-telefonata magħhom, ikun jista’ jgħin ħafna jekk Alla ħares qatt jiġri xi ħaġa. Jekk nara raġel miexi fit-triq li nkun għaddejja minnha spiss insibni nżomm in-nifs jew naqsam faċċata biex nevitah, jew saħansitra nagħmel wiċċi bħal donni ninsab bin-nervi – tgħallimt li jekk nidher ferriħija u nidħak lil kullħadd, ċertu individwi jaħsbu li jkunu akkwistaw il-kunses tiegħi.

Qrajt ukoll artiklu li jispjega xi jfittxu fil-vittmi tagħhom dawk il-persuni li jkollhom il-ħsieb jiffastidjaw persuna tas-sess femminili. Teknikament dawn jagħżlu l-vittmi tagħhom skont l-aċċessibilita’, il-vulnerabbilta’ u d-disponibbilta’ tagħhom. Per eżempju, xi ħadd li għandu xagħru miġbur f’toppu jista’ jkun magħżul bħala vittma ideali għax dan l-istil ta’ xagħar jista’ faċilment jiġi miġbud. Apparti minn hekk, mara tista’ tkun ‘targeted’ ukoll jekk tkun qed tagħmel xi ħaġa mingħajr attenzjoni, tkun taħt l-effett tad-droga jew l-alcoħol, tkun qed tuża idejha jew ma tkunx assertiva.

Dan juri biċ-ċar li dak li nilbsu mhuwiex fattur daqshekk importanti f’każi t’abbuż, anzi jurina li anke jekk inkunu qed ngħixu biss, aħna nistgħu niġu fir-riskju li nkunu ‘targeted’ u ffastidjati minħabba li aħna nisa. Għaliex għandna nibżgħu noħorġu mid-dar? Minn meta jekk ikollok xagħrek toppu sar ifisser ‘iva’ għal assult? Tajtek permess biex tgħajjatli u ssaffarli meta kont fuq l-istejġ waħdi meta lanqas biss ħarist lejk? Għaliex għadna nibżgħu mill-azzjonijiet tal-irġiel? Għal liema raġuni jħossu li għandhom awtorita’ fuqna ċertu rġiel? Min jagħtihom din l-awtorita’? Għaliex ma nistax immur mixja jekk qed inħossni xi ftit mdejqa?

Bħala tfajla ta’ 19-il sena nħossni bla saħħa meta nisma’ dan it-tip t’aħbarijiet. Stejjer hekk ikomplu jżidu mal-biża’ li għandi li qed ngħix f’dinja mimlija rġiel. Jgħidulek ‘eduka lit-tifel’ – imma jien nistaqsi, teżisti xi omm li tgħallem lis-subien tagħha jassultaw, jirrejpjaw u jweġġgħu lin-nisa? Inħossni mwerwra kull darba li oħti ż-żgħira jew ommi jkunu barra għax nibża’ li jkun hemm xi raġel li jweġġagħhom. Nistħi ngħid li mhux l-ewwel darba tħajjart nilbes ta’ raġel meta nkun ħierġa biex nevita ċertu attenzjoni. U onestament, ninbarazza ruħi meta naħseb fil-fatt li ħafna nisa għadhom qed jgħixu ħajja ta’ biża’ minħabba każi simili. Ejjew nieħdu ħsieb xulxin, għax b’hekk biss nistgħu nibdew nimxu fid-direzzjoni t-tajba.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam ma’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love