Share the love

esklużjoni soċjali

In-nisa qed jitqabdu battalja l-ħin kollu.  Matul is-snin, it-taqbida tagħna issawwret madwar aspetti soċjali varji; minn ġlieda għad-dritt tal-vot, għat-taqbida kontra d-diskriminazzjoni, vjolenza u femminiċidju; sa taqbid soċjali, inkluż id-dritt għall-ħlas ugwali bħall-irġiel għal xogħol tal-istess valur u rappreżentazzjoni ugwali f’bordijiet, fil-Parlament u f’pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija.

Wieħed mill-pilastri tal-Agenda tan-Nazzjonijiet Uniti huwa l-ġlieda kontra l-faqar.  Ma nistgħux ma nagħrfux l-avvanz sew lokali u internazzjonali meta nqisu l-kwalita’ tal-ħajja, imma xorta hija realta’ li għad hawn nies li qegħdin viċin il-marġni tal-linja tal-poverta’ u li f’xi każi, in-nisa huma aktar propensi lejn il-faqar.  Kien rappurtat min Nazzjonijiet Uniti fl-2015, li n-nisa kienu l-aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali aktar mill-irġiel b’1.4% (ir-rata għan-nisa waslet sa 24.4%, filwaqt li għall-irġiel kienet ta’ 23%).  Għalkemm f’Malta m’għandniex komunitajiet ta’ Roma, kif naraw fil-Kapitali tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropeja, m’għandniex tallaba komuni fit-toroq, imma ma tistax ma tindunax li xorta għandna nies li qegħdin fir-riskju tal-faqar.  U għal din ir-raġuni l-gvernijiet jeħtieġilhom jistinkaw biex iħarsu ‘l dawn in-nies li qegħdin f’sitwazzjoni vulnerabbli, l-aktar fi żminijiet bħal dawn fejn il-pandemija tal-Covid-19 kabbret ir-riskju għal dawn in-nies.

Malta u l-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja għandhom popolazzjonijiet anzjani.  Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika bħalissa jgħixu f’Malta hawn 89,517 persuni b’eta’ ta’ 65  ‘l fuq sat-tmiem tal-2017.  Hu antiċipat li sal-2050 individwi ‘l fuq minn 65 sena jiffurmaw 26.5% tal-popolazzjoni Maltija, li ssarraf f’żieda ta’ aktar minn 15.7%.  Meta wieħed iqis nisa ta’ eta’ akbar, hemm perċentwal akbar, speċjalment nisa li waslu fl-eta’ pensjonabbli,  il-qabża hija akbar fejn il-medja mifruxa mal-Unjoni Ewropea hi ta 37.2%.  Dan ġej mid-diviżjoni tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fl-ambjent tad-dar.

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi, ir-rata ta’ nisa li huma fir-riskju tal-faqar hija akbar mill-irġiel li huma fl-istess riskju.  Il-faqar bejn differenzi fil-ġeneru hija akbar fil-gruppi ta’ eta’ akbar u jirrifletti inegwaljanzi imsejsa fuq is-suq tax-xogħol.  In-Nisa għandhom anqas opportunitajiet biex jiksbu pensjoni adegwata minħabba r-rati ta’ impjieg baxxi, aktar impjiegi part-time aktar mill-irġiel u pagi aktar baxxi.

X’ngħidu dwar is-single mothers? Bejn l-1980 u s-sena 2000 kien hemm żieda fit-twelid barra miż-żwieġ, li baqgħet sostnuta sakemm irduppjat fil-perjodu 2000 – 2012 u  baqgħet tiżdied fis-sena 2013.

Informazzjoni mill-Eurostat tal-2015 ukoll turina li kważi 50% tas-single mothers, kollha kienu fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali.  In-nisa huma partikolarment milquta għax jiffurmaw kważi 85% tal-familji b’ġenitur wieħed fl-Unjoni Ewropea.  Is-single mothers huma dawk li jaqilgħu l-għejxien u dawk li jieħdu ħsieb uliedhom, li huwa diffiċli ssib bilanċ bejniethom – meta tkun f’xogħol full-time tkun aktar diffiċli tieħu ħsieb l-ulied, filwaqt li meta taħdem part time ssir diffiċli taqla’ l-għejxien għall-familja.  Fuq medda ta żmien, jekk tkun taħdem part time dan ikollu impatt fuq il-livell tal-pensoni li tirċievi għax tkun aktar baxxa mill-ammont normali.

Il-kawża ewlenija ta’ nisa li huma f’riskju akbar ta’ faqar hija l-opportunitajiet iċken ta’ impjieg, differenzi fil-pagi u distribuzzjoni ta’ riżorsi fil-kuntest tal-familja li huma influwenzati mill-valuri partriarkali.  Ma din il-lista għandu wkoll jiżdied l-aċċess inegwali għall-proprjeta’, interruzzjoni tal-karriera minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ childcare, segregazzjoni fl-edukazzjoni u aktar tard fis-suq tax-xogħol li jwasslu lin-nisa jidħlu f’okkupazzjonijiet li huma relattivament anqas ippremjati (i.e. okkupazzjonijiet fis-servizzi soċjali vs. okkupazzjonijiet fit-teknologija tal-IT), inegwaljanza fid-distribuzzjoni tad-dmirijiet tal-manutenzjoni tad-dar u l-kura tal-familja, eċċ.

Imma x’inhi il-kawża ta’ dawn l-inegwaljanzi?  Bażikament, dawn il-fatturi li jikkawżaw livell ogħla ta’ faqar fin-nisa għandhom għeruq fir-relazzjonijiet inegwali tal-poter li huma instituzzjonalizzati fl-istituzzjonijet importanti tas-soċjeta’: istituzzjonijiet politiċi (l-UE-27 sehem tan-nisa fil-membri tal-parlamenti nazzjonali huwa biss 22%), organizzazzjonijiet ekonomiċi (fl-EU-27 hemm biss 16% ta’ nisa fil-membri tal-Bord tal-Kumpaniji), imma ukoll fl-isfera tar-relazzjonijiet privati fid-djar u familji (in-nisa jwettqu 77.1% tal-attivita’ domestika fl-UE).  Dan it-taqbid għandu l-għerq tiegħu fin-normi u l-valuri tas-soċjeta’ li jirriproduċu ruħhom meta jgħaddu minn mekkaniżmi ta’ diskriminazzjoni.

Għalhekk il-Kummissjoni tal-UE ipproponiet Direttiva fuq in-Nisa fuq il-Bordijiet, immexxijja mill-Kummissarju Malti Helena Dalli, flimkien mal-isforz importanti tal-Gvern biex iżid aktar ir-rappreżentanza tas-sess inqas rappreżentat fil-Kamra tar-Rappreżentanti.  Aktar nisa fi rwoli fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet jista’ wkoll jagħti aktar dawl f’dawn il-kwistjonijiet.

In-nisa jeħtiġilhom jagħrfu li jistgħu jaħdmu biex jiksbu indipendenza finanzjarja u awtonomija; il-Gvern Malti reċentement introduċa skemi u servizzi ġodda bl-intenzjoni li jkabbar il-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol.  Il-Gvern implimenta miżuri billi pprovda servizzi ta’ childcare b’xejn u benefiċċji fix-xogħol.  Imma għad baqa’ ħafna xi jsir speċjalment fl-għajnuna lil ġenituri waħedhom. Għalhekk inħeġġeġ il-Gvern biex jikkonsidra wkoll inizjattivi oħra bħal tnaqqis tal-VAT fuq prodotti sanitarji u kontraċettivi b’xejn għal dawk li m’għandhomx impjieg u li huma f’riskju tal-faqar.


Esperjenzajt inekwalita’ tal-ġeneru? Ibgħatilna l-istorja tiegħek…ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]

L-iskop tal-Women for Women Foundation huwa li jinkoraġġixxi u jissapportja nisa u tfajliet permezz ta’ fondi għal edukazzjoni, għajnuna finanzjarja u promozzjoni ta’ ekwita’ tal-ġeneru, waqt li tinvesti fin-nisa sabiex ikunu jistgħu jimmeljoraw il-prospetti tagħhom għall-futur.


Share the love