Share the love

Ġisimna jagħtina l-kapaċita’ li nagħmlu li nixtiequ, u għalhekk jagħmel ħafna sens li nieħdu ħsiebu u nżommuh b’saħħtu. Mod wieħed biex tagħmel dan huwa li tagħmel ‘check-ups’ regolarment u żżomm għajnejk fuq sinjali inizzjali ta’ mard partikolari. Ħafna kundizzjonijiet jistgħu jiġu trattati b’mod tajjeb ħafna u xi kultant jistgħu jiġu evitati jekk jinqabdu kmieni. Diġa ħarisna lejn testijiet ġenerali li tista’ tagħmel f’artiklu ieħor li tista’ taċċessa hawn. F’dan l-artiklu se nispjega kif tista’ tiċċekkja lilek innifsek għal kundizzjonijiet speċifiċi kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

Eżaminazzjoni tas-Sider

Il-kanċer tas-sider jista’ jiġi trattat b’mod effiċjenti meta jiġi identifikat kmieni. Linji ta’ gwida kurrenti jħeġġu lin-nisa jeżaminaw sidirhom. Tabib jista’ jeżaminak sew, imma l-mara taf kif jinħass sidirha u għalhekk tkun tista’ tagħraf xi anormalitajiet mill-ewwel.

Tista’ teżamina sidrek billi timxi ma’ dawn il-linji gwida:

  1. Dawn l-eżaminazzjonijiet iridu jseħħu darba f’xahar meta jispiċċa l-‘period’. F’dak il-perjodu taċ-ċiklu, is-sider ikun inqas mimli. Nisa li qegħdin fil-menopawża jistgħu jagħżlu l-ewwel ġurnata ta’ kull xahar.
  2. Ara r-riflessjoni tiegħek innifsek fil-mera biex tara hemmx xi anormalitajiet bħall-‘dimples’ u tikmix mhux tas-soltu.
  3. Ibda minn naħa ta’ barra tas-sider, eżatt taħt idejk. Dur madwar is-sider, u agħfas filwaqt li timxi bil-mod dawramejt lejn l-‘areola’.
  4. Spiċċa billi tagħfas in-‘nipple’ ħalli tara hemmx xi tnixxija.
  5. Irrepeti fuq in-naħa l-oħra.

Jekk tħoss xi ‘lumps’ jew sensittività, tara xi differenza fl-apparenza, jew tesperjenza tnixxija minn-‘nipple’, kellem lit-tabib tiegħek. Ftakar li mhux kull ‘lump’ hija kanċeruża, imma idealment ara li l-‘lumps’ jiġu ċċekkjati.

Agħmel ‘mammogram’ kull tlett snin wara li tagħlaq l-40 sena. Nisa bejn il-50 u 60 sena huma invitati għall-‘mammograms’ b’xejn fiċ-ċentri tas-saħħa.

Smear Test

Huwa ideali li mara tagħmel l-ewwel ‘smear test’ tagħha wara li tibda tkun attiva sesswalment u tkompli tagħmel dawn it-testijiet regolari sakemm ikollha 70 sena. Dan it-test għandu jsir kull sentejn sakemm tilħaq is-60, imbagħad għandu jsir kull tlett snin fl-għaxar snin ta’ wara. Permezz ta’ ‘smear test’ tista’ tiskopri jekk għandekx infezzjonijiet jew anormalitajiet speċifiċi fiċ-ċelloli ta’ l-għonq ta’ l-utru, li jistgħu jinkludu bidliet ta’ qabel il-kanċer jew saħansitra kanċers.

Dan it-test m’għandux ikun skomdu. Anzi jitlesta wara ftit minuti biss. Ibda billi ssib tabib/a li tista’ tafda. Ċerti nisa jħossuhom aktar komdi ma GP ta’ ġeneru speċifiku. Huwa ideali wkoll li dan isir wara li jispiċċa l-‘period’.

It-tabiba tistaqsik biex tneħħi l-qalziet ta’ taħt u titla’ fuq il-‘couch’. Imbagħad se tiġi mitluba tirwi rkopptejk u tpoġġi saqajk ċatti fuq il-‘couch’. Il-GP l-ewwel jagħmel eżaminazzjoni interna biex jara li kollox ikun jinħass sew minn ġewwa. Imbagħad idaħħal ‘speculum’ mgħotti b’ġel lubrikanti. Illum il-ġurnata ħafna ‘speculums’ huma magħmulin mill-plastik, u għalhekk mintix se tħoss kesħa mall-ġilda tiegħek. Wara tiddaħħal ‘brush’ biex tobrox ftit ċelloli mill-għonq ta’ l-utru – dan jieħu madwar 30 sekonda biss.

M’għandekx tħoss uġiegħ waqt din il-proċedura, għalkemm tista’ tesperjenza ftit skumdita’. Jekk tikkonċentra fuq li tneħħi t-tensjoni minn kuxxtejk u minn żaqqek u tieħu ftit nifsijiet fil-fond, it-test ikun spiċċa qabel ma tinduna.

Eżaminazzjoni tal-Prostata

Il-prostata hija glandola żgħira poġġuta eżatt taħt il-borża tal-awrina, imdawwra bl-uretra (it-tubu tal-urina) fl-irġiel. Din tipproduċi ħafna mill-likwidu fis-‘semen’ u tgħin biex jinħareġ is-‘semen’ waqt l-eġakulazzjoni.

Meta jikbru, l-irġiel spiss jesperjenzaw tkabbir fid-daqs tal-prostata. Din hija kundizzjoni mhux perikoluża (‘benign prostatic hypertrophy’), sakemm ma jkunx hemm ostaklu sinifikanti tal-uretra li twaqqaf l-awrina. Xi kultant ammont żgħir ta’ ċelloli fil-prostata jiġu kanċerużi. Għalkemm hija komuni li din issir aktar prevalenti meta r-raġel ikun qed jikber fl-eta, il-kanċer tal-prostata jista’ jiġi trattat faċilment fl-istadji bikrija.

Il-GP tiegħek tista’ tgħinek tiċċekkja għall-kanċer tal-prostata b’żewġ modi:

  1. Eżaminazzjoni tal-prostata. Tiġi mitlub timtedd fuq naħa u tpoġġi rkuptejk ma’ sidrek. It-tabib idaħħal subgħa b’ingwanta fir-rektum biex jara jħossx il-prostata f’forma stramba. L-eżaminazzjoni jispiċċa wara ftit sekondi. Ħu nifsijiet fondi biex tibqa’ kalm u rilassat waqt l-eżaminazzjoni
  2. Billi jiġu ċċekkjati l-livelli tal-PSA (prostate specific antigen) mit-testijiet tad-demm. Idealment, dan it-test jittieħed ftit ġranet wara l-eżaminazzjoni tal-prostata peress li hemm ir-riskju li jogħlew il-livelli bħala konsegwenza

Eżaminazzjoni tat-Testikoli

Il-kanċer fit-testikoli huwa aktar komuni fl-irġiel li qegħdin fl-għoxrinijiet u t-tletinijiet. Madanakollu, irġiel akbar xorta waħda jistgħu jesperjenzawh. Kanċer testikulari jinħass qisu boċċa iebsa fit-testikoli.

Hawnhekk għandek struzzjonijiet ta’ kif tagħmel eżaminazzjoni tat-testikoli.  Dan jieħu biss żewġ minuti u huwa rakkomandat li tagħmilhom kull xahar:

  1. Żomm naħa waħda tal-borża tat-tesikoli f’idejk.
  2. Ħoss it-testikoli u oqgħod attent għal xi boċċi strambi. Testikoli b’saħħithom għandhom jinħassu lixxi u tondi.
  3. Issa fittex l-‘epididymis’ (it-tubu li jqabbad it-‘testes’ mal-‘abdomen’) u rrumblaħ bil-‘forefinger’ u subajk l-oħxon. Suppost issibu faċilment. Iċċekkja għall xi boċċi.

Ħu parir mill-aktar fis possibli mill-GP tiegħek jekk tinduna b’xi boċċi, toqol fit-testikoli, uġiegħ fit-testikoli jew tara dmija fl-isperma. It-tabib jista’ jiddeċiedi jibgħatek għal ultrasound u/jew għand uroloġista.

 


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *