Share the love

abbuż domestiku

Ħadd m’hu perfett; l-ebda familja m’hi perfetta, anke jekk tidher perfetta. Konflitti w’argumenti huma parti minn kull relazzjoni, anzi dawn xi kultant itejjbu dak li aħna u r-relazzjonijiet li nagħmlu parti minnhom. Madankollu, meta l-konflitti w’ argumenti jseħħu b’mod estrem, dawn jistgħu iħallu effetti orribbli fuq il-persuni nvoluti primarjament, kif ukoll fuq dawk li jkunu qed jaraw kollox: it-tfal. Dan hu eżattament dak li jiġri f’sitwazzjonijiet ta’ abbuż domestiku.

Minn barra, il-familja tiegħi hija waħda perfetta: missieri jaħdem ħafna biex jipprovdi l-għixien, ommi tipprovdi dak kollu neċessarju, u ħuti w’jiena mmorru tajjeb ħafna flimkien. Għalkemm dan kollu huwa minnu, mill-bieb il-ġewwa l-istorja hija totalment differenti. Missieri għandu t-tendenza joħloq il-konflitti mix-xejn. Ħafna. U l-maġġoranza tal-ħin issibu bin-nervi. Xi kultant ngħid forsi għax hu l-uniku persuna maskili f’din id-dar, iżda xorta nemmen li din m’għandhiex tkun raġuni biżżejjed sabiex dejjem jaġixxi b’mod difensiv u jġib ruħu donnu xi vittma kull darba li jien jew ommi niftħu ħalqna biex ngħidu kelma.

Niftakar ċari konflitti li seħħew madwar 10 snin ilu speċjalment minħabba l-biża’ li kienet taħkimni kull darba. Kont nibża’ li jagħmel xi ħaġa lill-ommi. U filwaqt li biża’ hekk hija pjuttost normali skond ma kienu jgħiduli sħabi, kull każ huwa differenti, u l-fatt li anke t’eta’ żgħira kont nibża’ li se jagħmillha xi ħaġa turi ħafna. Ovjament, dan kollu flimkien mal-fatt li kemm il-darba akkuża l-ommi b’affarijiet li mhumiex minnhom, ikkawżaw riżentiment u biża’ fija, tant li bħal donni għalaqt lili nnifsi f’bozza u sal-ġurnata tal-lum għadni nevita li nkellmu biex żgur ma nikkawżax xi konfrontazzjoni bejni u bejnu jew bejnu u bejn ommi. Eventwalment bdejt napplika l-istess biża’ f’kull relazzjoni li bdejt nibni tul is-snin ma’ sħabi. Kull ħaġa li nagħmel sirt nagħmilha biex ningħoġob. Nibża’ ngħid dak li jkolli f’moħħi ma jmurx nikkawża xi argument.

Waqt li għal xi wħud dak li se ngħid issa jaf ma jidhirx daqshekk problematiku, li narah jaqbad partijiet mill-ġisem t’ommi ta’ spiss jiddisgustani mmens, speċjalment wara li kont kellimtu u għedtlu kemm tidher disgustanti f’għajnejn it-tfal. Li jbagħbas l-ommi quddiemna kien ġest li jseħħ ta’ kuljum, tant li kull meta narah riesaq qrib tagħha għadni sal-lum inħares naħa oħra – bħal donni nkun naf xi jkun se jagħmel. Li nisma’ l-ommi tgħidlu ‘ieqaf’ għal xejn hija iebsa ħafna. Barra minn hekk, għednielu kemm il-darba li b’għemilu jkun qed jgħallimna li l-kunsens ma jgħoddx, u li l-ġisem tal-mara mhuwiex propjeta’ tar-raġel. L-agħar ħaġa hija li qatt ma rnexxielu jifhem dan il-kunċett, u għalhekk kull meta nipprovaw inwaqqfuh jirrabja u jgħid li qisna mqabbdin miegħu għax ħlief nakkużawh li kull ma jagħmel hu ħażin ma nagħmlux. Dan kollu jġagħlni nħossni li ma jinteressaħx dwar kif inħossuna aħna, uliedu, u li għalih l-importanti hu li jieħu u jagħmel dak li jħoss li hu intitolat għalih. Fortunatament qatt ma missni lili, lanqas biex jgħannaqni. Madankollu, li narah jagħmel dan kollu lill-ommi affettwani b’mod negattiv. Fil-fatt dejjem nagħmel ħilti biex nevita mess fiżiku, u meta jmissni xi ħadd, anke bi żball, ninġibed lura minnufih. Apparti hekk, sirt nibża’ wkoll mir-relazzjonijiet għax naf li jekk persuna tipprova tersaq qribi x’aktarx li naħrab.

Sfortunatament il-finanzi dejjem kienu parti mill-irwol ta’ missieri. Ommi kienet ipprovat tapplika għal-xogħolijiet differenti tul is-snin, madankollu missieri dejjem għamillha l-bsaten fir-roti, għax jekk jirnexxilha tibda taħdem tispiċċa indipendenti – xi ħaġa li hu ma riedx. Dan ifisser li għal ħafna snin il-flus kienu dejjem f’idejn missieri. Kien u għadu jagħti l-ommi ammont żgħir fix-xahar li mhux biżżejjed biex bih tmantni familja ta’ ħamsa. U kull meta kienu jispiċċawlha l-flus kien jinterrogaha biex jara fejn tkun nefqithom. Iweġġagħni l-fatt li naraha tilbes ħwejjeġ antiki li ġew mogħtija lilha bħala donazzjoni għax ma taffordjax tixtri ħwejjeġ ġodda. Fil-fatt dan kien inċentiv għalija biex nibda nistudja u nistinka ħalli eventwalment ikolli xogħol tajjeb u nkun finanzjarjament indipendenti. Fortunatament ommi ġiet offruta opportunita’ ta’ xogħol riċentament minn mara ta’ qalb tajba mmens, u minn dakinhar bdiet taħdem u taqla’ l-flus hi wkoll. Kemm nieħu gost naraha tixtri affarijiet żgħar għaliha xi kultant!

Dawn huma ftit eżempji ta’ dak li esperjenzajt f’ħajti, u li nemmen li mhux ‘kompletament normali’ – il-familja tiegħi hija waħda disfunzjonali. F’relazzjoni, iż-żewġ partijiet għandu jkollhom kontroll indaqs, u t-tnejn għandhom jgħinu fid-dar. Kontra dak li jagħmel missieri – wara x-xogħol (jekk ikollu f’dik il-ġurnata partikolari) jidhol f’kamartu, fis-sodda, u jekk xi ħadd jitolbu xi ħaġa jgħidlu “M’GĦAMILTX BIŻŻEJJED? GĦAJJEJT!”. Fil-fatt rari narawh mal-ġurnata – rari jkellimni anke meta jkun ħdejja. Spiss insibni naħseb u ngħid “Tgħid l-ommi jħares lejha bħallikieku xi nanny? Koka personali? Fattiga?” Għaliex għandna bżonn nirrabbjawh biex forsi narawh jagħmel xi ħaġa fid-dar? L-idea li l-mara għandha tkun il-mara tad-dar u li r-raġel għandu jkun dak li jaqla’ l-għixien għadha komuni f’familji disfunzjonali sfortunatament, u onestament, dan jirrabjani. Ma ġejniex fid-dinja biex ngħallmu u nieħdu ħsieb l-irġiel. Aħna għandna ħajjitna. Nifhem li xi nisa forsi dal-kunċett jogħġobhom, imma l-irġiel m’għandhomx jistennew lin-nisa tagħhom biex ikunu babysitters tagħhom, u jridu jifhmu li n-nisa għandhom jgħixu u jibnu ħajjithom kif jixtiequ.

Għaddew is-snin u ommi tgħid li qed tara titjib fil-mod ta’ kif iġib ruħu. Jien ma naqbilx. L-abbuż domestiku għadu hemm. Is-snin li għaddew kienu trawma. Nemmen li ommi taf li mhux vera nbidel, imma m’għandhiex għażla. Għandha bżonn li ġġemma ftit flus taħt rasha u tqum fuq saqajha qabel ma forsi taħseb dwar il-possibilta’ li tibni ħajja għaliha nnifisha u għalija u għal ħuti. Tinsab maqbuda f’din il-ħajja bħal ma ninsabu maqbuda aħna. Jien żviluppajt ħafna problemi minħabba l-mod li bih iġib ruħu missieri, u meta nara li ma jimpurtaħx kif naħsbuha jien u ħuti dwar l-aġir tiegħu inweġġa’. “Kif nista’ niżżewweġ raġel meta l-male role model tiegħi kien daqshekk orribbli?”. Il-biża’ li għandi dwar l-irġiel kompliet tikber maż-żmien speċjalment meta bdejt nifhem il-motivi wara l-azzjonijiet tiegħu jien u nikber. “X’jiġri jekk ir-raġel li nsir inħobb ma jifhimx il-kunċett ta’ kunsens bħal ma jagħmel missieri? U x’jiġri jekk nispiċċa ma nistax ngħid lil dak li nsir inħobb li xi ħaġa qed iddejjaqni jew tweġġagħni?” Bħala tfajla ta’ 19-il sena nibża’ nbaxxi l-konfini li bnejt fil-konfront tal-irġiel minħabba dak kollu li rajt lil missieri jagħmel. L-abbuż domestiku kissirni litteralment; kissirli r-relazzjonijiet futuri tiegħi, u s’issa, it-terapija għadha m’għenitnix negħleb il-ħsara psikoloġika li saritli.

abbuż domestiku
Retrieved from https://www.antidemalta.org/uploads/5/7/2/6/57264959/contact_card_a4.pdf on 29th June 2021

Jekk tixtieq taqsam esperjenza tiegħek jew inti vittma ta’ abbuż domestiku, kemm jekk mill-ġenituri tiegħek jew mill-partner tiegħek, ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]. Nissuġġerulek ukoll tikkuntattja lil Women for Women Foundation biex tara kif il-fondazzjoni tista’ tgħinnek.


Share the love