Share the love

Għandna d-drawwa li nħarsu lejn koppji madwarna u mill-perspettiva tagħna nimmaġinaw il-ħajja tagħhom. Il-verita’ hija li ħadd ma jkun jaf x’inhu għaddej lil hinn mill-bieb ta’ barra sakemm ma jkunx joqgħod magħhom.

Din hija l-istorja tiegħi. Storja vera ta’ kważi għoxrin sena t’abbuż sesswali u emozzjonali… qabel u waqt iż-żwieġ. Storja fejn, bħal kull omm oħra, issagrifikajt il-kuntentezza tiegħi għat-tfal… jew almenu, hekk ħsibt li kont qed nagħmel dak iż-żmien.

Il-Bidu

Kollox beda meta ltqajt miegħu. Kelli 17-il sena dak iż-żmien u hu kien ħames snin ikbar minni. Kont għadni żgħira u nnoċenti, u kbirt f’familja kattolika. Bħal ma kont mgħallma, ma ridtx ikolli x’naqsam sesswalment qabel iż-żwieġ, biex nimxi mal-valuri tal-knisja. Iżda fi ftit xhur, jien bdejt niġi sfurzata minnu biex ikolli x’naqsam miegħu. Kont inħossni użata u waħdi…ħassejt li ħadd aktar ma kien se jasal iħobbni minn issa l-quddiem peress li kont tlift il-virġinita’ tiegħi qabel iż-żwieġ. Ħassejt li ma kellix triq oħra.

Dan l-aġir kompla għal aktar xhur, fejn jien kont nibża’ nitilqu. Li nirrifjuta s-sess kien iwassal għal kastigi li jinkludu ħafna għajjat u nsulti. Fl-istess ħin kont qed niġi akkużata bl-infedelta’ kontinwament. Kont qed niġi kkontrollata, mhux biss sesswalment imma emozzjonalment ukoll. Ħassejtni mkissra mentalment.

Ftit wara li għalaqt 18-il sena taqqalni. Li ngħid lill-ġenituri tiegħi kienet l-itqal ħaġa li esperjenzajt sa dak iż-żmien. Ma stajtx ngħidilhom li qed niġi abbużata u kkontrollata. Kont diżonorajt lill-familti peress li kienu familja vera reliġjuża. Kelli biss għażla waħda… li niżżewweġ.

Fi ftit xhur iżżewwġt. F’qalbi kont qed nittama li xi ħadd iwaqqaf iż-żwieġ tagħna. Ċerta li kien hemm persuni li kieku riedu setgħu jaraw li kont qed niġi kkontrollata u abbużata. Imma sfortunatament, ħadd ma tkellem, ħadd ma qabeż għalija. Kemm xtaqt li niġi salvata minn dak li deher kien id-destin tiegħi! Imma sfortunatament bix-xewqa bqajt.

Abbuż Emozzjonali

Matul is-snin għaddejt minn ħafna abbuż emozzjonali. Kont qed niġi mgħajjra kontinwament, kif ukoll kont niġi manipulata kontinwament biex nemmen li jien kont qed nikkawża l-problemi kollha fir-relazzjoni tagħna. Kont qed niġi akkużata kuljum li kelli relazzjonijiet oħra u li ma kontx qed inkun leali, avolja hu kien jaf kull pass li kont nagħmel, kull post li kont immur fih, u kull persuna li kont niltaqa’ magħha. Ma stajt immur imkien sakemm ma nispjegax minn qabel fejn kont se nkun, għala u ma min. Kull pass li kont nagħmel kien qed jiġi nvestigat. Jekk immur x’imkien u nieħu aktar ħin milli previst, anke jekk inkun qed nixtri affarijiet ta’ kuljum, kien ifisser li kont qed ikolli x’naqsam ma xi raġel ieħor…jew eżattament dak kien li kont kontinwament akkużata bih. Ħassejtni kkontrollata. Fil-verita’ kont qed niġi kkontrollata, sal-punt li anke l-qalziet ta’ taħt kien jiċċekkjali qabel ma noħroġ. Ma kellix permess nilbes qalziet ta’ taħt li ma kienx ‘plain’ iswed, abjad jew kulur il-ġilda. Jekk nipprova nilbes kulur differenti kien ifisser li kont se mmur ma ħaddieħor… jew allinqas dak kien il-ħsieb tiegħu.

Abbuż Sesswali

Jekk ngħid le għas-sess, kemm qabel u kemm wara ż-żwieġ, kien ifisser li jien “kont qed ninqeda’ minn irġiel oħra”. Jekk ngħid le kien iffisser li dak il-lejl ma kontx se norqod u kont se nesperjenza mill-inqas 4 siegħat jew lejl sħiħ kollu akkużi. Kif stajt ngħid le jekk kont naf li kont se niġi kkastigata b’dak il-mod?

Dan l-abbuż sesswali, li dam madwar għoxrin sena, irriżulta fi 3 tqaliet b’kollox. Iż-żmien li għamilt tqila, l-attitudni tiegħu lejja ma nbidlitx. Xorta ma kontx inkun nista’ ngħid le għas-sess, anke sal-ġurnata li kont se nwelled fiha. Xorta smajt l-akkużi tal-infedelta’, avolja ma kellux raġuni valida biex jissuspetta fija.

Kontroll Finanzjarju

Sa mill-ewwel ġurnata taż-żwieġ, hu ried li jżomm il-kont bankarju tiegħu għalih. Fl-ewwel ftit snin ma kelli l-ebda għajnuna finanzjarja minn naħa tiegħu, sakemm spiċċawli l-ftit tal-flus li kelli mġemmgħa. Dan il-fatt flimkien ma l-abbuż kollu li semmejt diġa’ rriżulta li x-xogħolijiet tiegħi kienu kontinwament problematiċi għalih. Qatt m’afdani fuq ix-xogħol. Għamilt snin naħdem f’ħanut, u sfortunatament, bħal ma jafu ħafna, hemm tendenza li n-nies jidħlu jixtru eżatt meta jkun se jagħlaq il-ħanut. Jekk inkun tard, anke ħames minuti biss wara li suppost kellu jagħlaq il-ħanut, għalih  kien jfisser li jien kont qed naqlibhielu mal-klijenti fil-ħanut. Tant kemm kien ossessjonat mal-idea li jien mhux leali lejħ, li jien bdejt inħossni soffokata l-ħin kollu. Il-ħajja kienet ġlieda kontinwa. Eventwalment waqaft naħdem. Ma stajtx nissapporti dawk l-akkużi kollha. Ma kellix is-saħħa niġġilidlu, ma kellix is-saħħa naqbeż għad-drittijiet tiegħi. Eventwalment beda jagħtini ftit mijiet fix-xahar biex inkun nista mmantni l-familja.  Emnuni meta ngħid li l-ammont li kien jagħtini ma kienx biżżejjed biex nitma’ 3 minn-nies, aħseb u ara 5. Għall kważi għoxrin sena, jien kont immur għand il-‘hairdresser’ darba f’sena biss (u jekk kont fortunata biżżejjed kont immur darbtejn) għall-‘cut’. Qatt ma kont nistaqsi għal ‘blowdry’ għax dak kien ifisser li kont nonfoq aktar fuqi nnifsi, u kelli wisq responsabbiltajiet biex imqar naħseb li nagħmel xi ħaġa għalija, anke jekk għal ħafna il-kura tax-xagħar hija neċċessita’ u mhux xi ħaġa ta’ lussu.

Li nixtri l-ħwejjeġ kienet barra mill-mistoqsija. Għext il-ħajja miżżewġa tiegħi sal-lum niddependi fuq donazzjonijiet tal-ħwejjeġ, u dan kien ifisser li kelli nilbes affarijiet li ma jgħinux il-forma fiżika pjuttost imbaċċa tiegħi. Għal ħafna snin, u jekk għandi nkun onesta, anke sal-lum il-ġurnata, nipprova nevita niltaqa’ man-nies għax inħoss li d-deħra u l-mod ta’ kif nilbes minħabba f’hekk iwaqqa’ l-isfel il-persuna li jien verament. Ħwejġi iġagħluni nħossni nferjuri, u dan il-fatt affettwa b’mod negattiv l-istima personali tiegħi matul iż-żmien.

Nuqqas ta’ Sapport

Matul dan iż-żmien jien rabbejt 3 itfal. U ngħid ‘jien’ għax onestament, ħassejt li għalkemm kont miżżewġa u l-missier kien hemm, il-preżenza tiegħu kienet biss fiżika. Qatt ma’ għen fit-trobbija tat-tfal tagħna. Kelli nieħu r-responsabbilta’ għal dak kollu li kellhom bżonn tul is-snin. Kont qisni omm ‘single’ inrabbi t-tfal waħdi filwaqt li ngħix ħajja ta’ miżżewġa. Lit-tfal tajthom kull sapport emozzjonali li kellhom bżonnhom. Għal grazzja t’Alla qatt ma kelli nissagrifika l-bżonnijiet tagħhom, għax għamilt fiċ-ċert li huma kienu dejjem il-prijorita’ tiegħi. Provdejtilhom dak kollu li kellhom bżonn matul is-snin. Madankollu, irrid ngħid li bħala omm,  u naħseb bħal ħafna ommijiet, minn żmien għal żmien nixtieq li nista’ nagħtihom ħafna aktar fil-ħajja… imma xorta kuntenta li għaddejtilhom ħafna valuri b’saħħithom u l-aktar importanti, imħabba bla kundizzjonijiet.

Is-Saħħa Mentali

Bla dubju, dawn is-snin kollha t’abbuż ħallew ħafna marki fuqi. U għalkemm qatt ma kont abbużata fiżikament u qatt ma soffrejt minn tbenġil u daqqiet, xorta nħoss li esperjenzajt effett negattiv fuqi. Li tgħix ma raġel li jabbużak kontinwament għeni nfittex tattiċi biex jgħinuni ngħix ħajti ġurnata b’ġurnata, jew anzi, minuta minuta. Tgħallimt nosserva l-modi tiegħu, il-‘patterns’, x’jinnervjaħ, x’jittrigerjaħ…kelli wkoll nitgħallem naħseb u nirrifletti aħjar. Ma kull kelma li kien jgħidli tgħallimt nirrifletti b’mod istantanju u sirt naf x’għandi nirrispondi eżatt, kif għandi ngħidha, il-frażi eżatta li nkun se nuża u t-ton, biex ma nittrigerjax l-imġieba abbużiva tiegħu. Ma nistax ngħid li dan dejjem kien ta’ suċċess, imma maż-żmien naħseb irnexxieli nevita ħafna abbuż b’dan il-mod. L-arti tar-riflessjoni salvatli ħajti.

Madanakollu, dan ma jfissirx li rnexxieli nevita impatt fuq is-saħħa mentali tiegħi. Matul is-snin batejt mid-dipressjoni, kelli nieħu ammont sostanzjali ta’ kalmanti, u li nitgħallem nirrifletti malajr fuq xenarji u frażijiet possibbli ta’ kif għandi nwieġbu kkawżali xi ftit tal-anzjeta’ wkoll.

Il-Ħarba mid-Dar

Matul dawn is-snin ta’ ħajja miżżewġa kelli nitlaq tliet darbiet mid-dar u mmur ngħix ġo xelter mat-tfal tiegħi. Tliet darbiet f’madwar 15-il sena. It-tliet darbiet spiċċajt erġajt lura ma’ missier it-tfal, u dejjem ħsibt li dan għamiltu għal ġid ta’ kulħadd. Imma ż-żmien urieni li dik ma kinitx l-aħjar deċiżjoni li ħadt fit-tliet darbiet li tlaqt. Il-ħajja f’xelter mhux ħafifa, speċjalment meta tkun tqila (iva, tlaqt ukoll meta kont tqila), jkollok id-dipressjoni, kunfidenza tiegħek innifsek baxxa, ma jkollokx raġuni għala tgħix, li tħossok qisek m’inti xejn, kif ukoll ma jkollokx flus, xogħol u għajnuna.

It-Tfal Għandhom Bżonn l-Imħabba

Fil-bidu kont naħseb li t-tfal għandhom bżonn dar, u f’darhom ikollhom bżonn l-omm u l-missier magħhom. Dik, għażiża tiegħi, hija idea żbaljata. It-tfal għandhom bżonn l-IMĦABBA. Mingħajr l-imħabba madwarhom fil-ħajja ta’ kuljum, anke jekk ikun hemm kemm l-omm u kemm il-missier, it-tfal ma jkunux ferħanin. Omm abbużata tista’ taħseb li jekk tibqa’ ma’ missier it-tfal hija l-aħjar deċiżjoni li tista’ tagħmel għat-tfal, anke jekk ma tkunx ferħana hi stess. Imma sfortunatament, it-tfal josservaw ħafna aktar milli juru. It-tfal għandhom it-tendenza jżommu l-emozzjonijiet tagħhom għalihom infushom. U anke jekk jiżviluppaw relazzjoni sinċiera m’ommhom maż-żmien, xorta jsofru mill-konsegwenzi ta’ dak li jkunu raw u semgħu maż-żmien. Ħafna jispiċċaaw isofru mid-dipressjoni huma stess, kif ukoll jesperjenzaw nuqqas ta’ mħabba lejhom infushom, ma jaċċettawx lilhom infushom, u ma jirrispettawx lilhom infushom. Ħafna jispiċċaw jobogħdu lil missierhom għal dak li jkun għamel lill-ommhom maż-żmien. U le, l-omm m’hemmx għalfejn titkellem ħażin fuq il-missier għax it-tfal waħedhom ikunu jafu il-verita’… verita’ li jġorruha magħhom għal ammont ta’ snin jekk mhux għal ħajjithom kollha, xi kultant mingħajr ma juru l-uġiegħ emozzjonali li jkunu qed jesperjenzaw.

Ħajti bħalissa…

Iva, għadni miegħu sal-lum, u rnexxieli nkun il-kawża ta’ ħafna bidla fih. L-aħħar darba li tlaqna mid-dar donnu esperjenza urġenza biex jinbidel ħalli b’hekk ma jitlifniex. Bidel ħafna mill-atteġġjament abbużiv tiegħu. Bil-mod il-mod tgħallimt inqum fuq saqajja, dħalt lura nistudja għal karriera li dejjem xtaqt, karriera li hija xi ħaġa li tagħtni skop f’ħajti, u b’hekk bħalissa qed naħdem għall-futur aħjar għalija u għat-tfal, u għalina bħala familja… dejjem jekk jibqa’ jaħdem biex isir persuna aħjar. Jien ma tlabtux sabiex jinbidel. Kont lesta nħalli kollox warajja. Imma hu għażel minn jeddu biex jinbidel, ħadem fuqu nnifsu u għadu qed jaħdem sal-lum.

Jiddispjaċini għal dak kollu li għaddejt minnu? Xi wħud x’aktarx jaħsbu ‘u żgur!’, oħrajn forsi jiddispjaċihom għalija. Imma le, jien ma jiddispjaċinix għal dak kollu li għaddejt minnu.

l-esperjenza personali tiegħi għenitni nkabbar ir-reżiljenza. Tgħallimt li meta naqla’ daqqa (b’mod figurattiv), x’aktarx naqa’, u ħafna drabi hekk jiġri, imma dejjem nerġa’ nqum fuq saqajja, infarfar lili nnifsi u nkompli nimxi l-quddiem.

Tgħallimt biex ma nħallix iċ-ċirkustanzi tal-ħajja jkissruli l-paċi nterna tiegħi. Minflok, meta xi ħaġa twaqqagħni, nirrifletti fuqha u ngħid, “X’għandi x’nitgħallem minnha?” – Inwiegħdkom li din il-frażi salvatni ħafna drabi f’ħajti.

X’nagħmel kieku kelli mmur lura għal meta beda’ kollox? M’inix 100% ċerta, imma żgur li ma nbiddilx l-imħabba li għandi għat-tfal, u l-affezzjoni u l-imħabba li jagħtuni lura huma; ir-relazzjoni sinċiera li għandi magħhom.

Kieku m’għaddejtx minn dak kollu li għaddejt minnu fil-passat, kieku m’inix il-mara li jien illum, u naħseb kieku kelli nerġa’ mmur lura kont nagħżel li ngħaddi mill-istess affarijiet, biss forsi kont ngħaġġel xi ftit aktar biex nasal fil-punt li qiegħda fih illum.

Ma nikkunsidrax lili nnifsi sabiħa daqs nisa oħra, għax naħseb l-akbar impatt li l-passat tiegħi kellu fuqi kien fuq l-istima personali tiegħi, u din għadni qed naħdem fuqha sal-lum il-ġurnata, imma jien b’saħħti, jien reżiljenti, jien kapaċi nħobb, jien ġentili, jien qalbi tajba, jien empatika. Għandi l-abbilta’ li nifhem u nħoss l-emozzjonijiet ta’ ħaddieħor b’ħarsa waħda, anke jekk kliemhom jgħid mod ieħor. Ma nsibhiex diffiċli ninkuraġġixxi l’dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, u bl-empatija natratta l-dawk li qiegħdin fl-istess dgħajsa u b’hekk insibha eħfef nikkuntattja, noffri s-sapport u nikkonforta lill-dawk li għandhom bżonn l-aktar għajnuna, kif ukoll nagħtihom il-pariri li jkunu jeħtieġu.

B’hekk, jekk inti li qed taqra din l-esperjenza tiegħi, qed tesperjenza xi forma ta’ vjolenza domestika bħal ma semmejt hawn fuq, tħallix lilek innifsek tbati għal dawk is-snin kollha bħal m’għamilt jien. Tagħmilx dan is-sagrifiċċju għal uliedek. It-tfal jifhmu, u jekk ma jifhmux issa, eventwalment jifhmu żgur.

MA ĦAQQEKX tiġi abbużata… ĦAQQEK l-imħabba, imħabba bla kundizzjoni, imħabba sinċiera… imħabba li toħroġ l-aqwa karatteristiċi li għandek fik. Imħabba li tikkompletak u li tagħtik ċans tkun il-veru int. Imħabba reali u tassew.

Agħti ċans lilek innifsek tħobb u tkun maħbuba. Ħaqqek l-aħjar. Kull. Ġurnata. Ta’. Ħajtek.

Inti kapaċi!

Jekk qed issoffri minn xi tip t’abbuż, ikkuntattja l-Appoġġ fuq 2295 9000 jew is-Supportline 179 u staqsi biex titkellem mad-‘Domestic Violence Unit (DVU). Tista’ tiġi assenjata lil Social Worker li jkun jista’ jiggwidak personalment fuq l-għażliet disponibbli għalik. Tajjeb tkun taf li 179 huwa b’xejn mill-‘landlines’ u l-mowbajls kollha, u s-‘social workers’ ma jikkuntattjawkx huma sakemm ma ttihomx il-permess inti, u b’hekk it-talba għall-għajnuna tiegħek mhux se tipperikola b’ xi mod is-sigurtà tiegħek.

Jekk inti wkoll għandek storja u trid taqsamha mal-qarrejja tagħna, ibagħtilna imejl fuq [email protected].


Share the love

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *