Ma nistax nieħu nifs … Dak huwa l-ħsieb ewlieni li jiġini f’moħħi kull darba li nesperjenza attakk ta ansjeta‘. Imbagħad inħoss sidri jingħafas, qalbi taħrab, ġismi jibda jirtogħod, ma nkunx nista’ niffoka u nesperjenza l-agħar sensazzjoni ta’ biża. Dak il-ħin, id-dinja tieqaf iddur.
Imbagħad infakkar lili nnifsi biex nerġa nibda nieħu n-nifs sew … nifsijiet bilmod waqt li ngħannaq lili nnifsi – ġest li jgħinni nħossni aktar sigura … imbagħad nibda nerġa niffoka ftit ftit.
Niftaħ għajnejja li jkunu laħqu mtlew bid-dmugħ u nkun nista’ nerġa nara d-dinja ta’ madwari. Bilmod il-mod kollox jibda jaqleb għall-aħjar u minn hemm jirnexxili nħalli l-attakk t’ansjeta’ warajja, u nkompli miexja b’ħajti b’mod normali. Din hija s-sitwazzjoni tiegħi illum il-ġurnata. Madankollu, Ruma ma nbnietx f’ġurnata, u bl-istess mod kelli nieħu ftit żmien mhux ħażin biex nitgħallem naffaċċja attakk ta ansjeta’.
Fiż-żmien li fih bdejt nesperjenza dawn l-attakki ma kelli l-ebda kontroll fuqhom, u kont inħossni ssoffokata ma kull attakk t’ansjeta’ li kont nesperjenza. Ħa nibda nispjega mill-bidu … jien dejjem kont perfezzjonista, imma, għalkemm tinstema’ xi ftit tad-daħk, jien kont ukoll persuna pjuttost rilassata. L-ostakli li kont insib quddiemi kont naffaċċjahom waħdi u dejjem irnexxieli nsib soluzzjoni għal kollox mingħajr ma naqla’ panik żejjed. Dejjem irnexxieli nsib il-qawsalla f’ġurnata kerha u mudlama.
Hekk kont … qabel ma ltqajt ma narċissist li kważi kissirli ħajti. Il-gideb, l-infedelta’, l-oppressjoni, il-logħob tal-moħħ, is-swat … kollha wassluni biex nibda nesperjenza attakki t’ansjeta’.
Il-ħsibijiet kalmi li kont nesperjenza qabel intemmu ħesrem. Kollox beda jidher iswed quddiemi u ma stajtx nara qawsalla waħda fil-viċin. Kull ostaklu, kien kemm kien ikun żgħir fir-realta’, beda jidher u jinħass qisu xi ħaġa li ma kienx se jirnexxili nirbaħ. Ir-reazzjoni tiegħi għall-problemi kienet waħda nulla – kont sirt qisni fenek maqbud quddiem id-dawl ta’ karozza – ipnotizzat u mħawwad.
Imbagħad wara mument bħal dak kienet taħkimni ansjeta’ b’forza kbira mmens – bħal mewġa ta’ paniku kienet taqa’ fuqi, waħda aktar b’saħħitha mill-oħra. Sidri kien jibda jingħafas u juġagħni. Ġismi kien bħal donnu jibbies minn barra imma jirtogħod minn ġewwa. Fl-aħħar kont nibda nara ċ-ċpar u eventwalment nitlef l-iffukar tiegħi.
Imma l-agħar sensazzjoni fosthom – kont qed nipprova nieħu nifs wara l-ieħor imma ma stajtx. Kont qed inħossni qisu xi ħadd kien qed jifgagħni … Niġġieled għan-nifs għal xejn.
Għall-ewwel ftit xhur ma stajtx nikkontrolla l-ansjeta’ li kienet ħakmitni. Kont nieħu n-nifs b’rata mgħaġġla (‘hyperventilating’) sakemm kien hemm drabi li saħansitra qabadni ħass ħażin. Imbagħad meta kont niġi f’sensija kont nerġa nibda niffoka bilmod il-mod.
Biex nirrilassa kont nibki ftit. Iżda għalkemm dan kien jgħinni, kont nesperjenza konsegwenzi ta’ tip differenti, għaliex hekk kif in-narċissist kien jilmaħ għajnejja ħomor nar kien jerġa’ jaqbad jippriedka dwar kemm kemm kont ngħaġġibhom u li dejjem kont noħloq kwistjoni mill-iċken ħaġa biex niġbed l-attenzjoni. U b’hekk l-ansjeta’ tiegħi kienet terġa tibda żżid. Dan iċ-ċiklu kien jikolni minn ġewwa.
Waqaft niekol. Il-piż tiegħi beda nieżel drastikament. Kont saħansitra qed naqla’ x-xagħar t’għajnejja. L-ansjeta’ żdiedet. Sirt biss il-qoxra tal-persuna li kont qabel. Imbagħad, ġurnata fost l-oħrajn, wara aktar swat u insulti, ħadt id-deċiżjoni li nitlaq lil dak in-narċissist u kull ma ġab miegħu f’ħajti, darba għall-dejjem. Imma kien dak l-istess mument li fih esperjenzajt l-akbar attakk t’ansjeta’ b’forza li ma nistax niddiskrivi sew. Dak kien episodju li ma rridx nerġa nesperjenza darb’oħra f’ħajti, u lanqas nixtiequ fuq l-akbar għadu tiegħi.
Ġismi kollu kien qed juġagħni minħabba l-uġiegħ fiżiku li kont qed inħoss mis-swat li kont għadni kif esperjenzajt. Moħħi bħal donnu kien qed jiġġennen. U ma dan kollu l-ansjeta’ … kont litteralment qed inbgħati biex nieħu n-nifs u sa kelli nċempel lill-ġenituri tiegħi fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu għall-għajnuna minħabba l-istat gravi li kont ninsab fih.
Dak kien il-mument fejn irnexxieli nagħlaq l-agħar kapitlu ta’ ħajti. Minn hemm il-quddiem bdejt il-vjaġġ iebes tiegħi lejn il-fejqan. Ironikament dan kien vjaġġ sabiħ u fih erġajt sibt lili nnifsi, erġajt ingħaqadt ma familti u mal-ħbieb li n-narċissist kien irnexxielu jbegħdni minnhom, sibt l-imħabba ta’ ħajti u erġajt bdejt nara s-sbuħija tal-ħajja.
Madankollu, l-ansjeta’ ma ħallitnix għal kollox. Għadha miegħi – aktar kontrollabbli imma xorta preżenti. Matul dan il-vjaġġ tgħallimt kif nista’ nikkontrolla attakk ta ansjeta’, u b’hekk qed naqsam dan magħkom bit-tama li ngħin lil xi ħadd ukoll:
1. Agħlaq għajnejk.
2. Għid lil xi ħadd li tħobb jgħannqek b’forza kbira, jew jekk qegħda waħdek, għannaq lilek innifsek. B’dan il-mod tkun qed toħloq ċirku ta’ sigurta’ għalik innifsek.
3. Ipprova kkontrolla mnifsejk, ħu nifsijiet bil-mod u fil-fond.
4. Ipprova ffoka fuq ħsieb li jagħmlek ferħana u ibqa’ aħseb fuqu.
Wara ftit minuti l-ansjeta’ titlaq u inti tkun tista’ terġa tibda tiffunzjona b’mod normali. Bilmod il-mod, il-frekwenza u s-severita’ tal-attakki tal-ansjeta’ jibdew jonqsu wkoll.
Nota żgħira ta’ l-aħħar – Għal dawk kollha li qed ibagħtu mill-ansjeta’, tistħux titkellmu fuqha u tibżgħux tfittxu għajnuna professjonali. Li taċċetta l-ansjeta’ u titkellem aktar fuqha, anke ma xi professjonist, huwa l-ewwel pass biex tirbħilha. Ftakar li s-saħħa mentali u l-ansjeta’ mhumiex affarijiet li għandhom iġagħluk tħossok dgħajfa, u mhumiex xi ħaġa li għandha toħloq stigma dwarek. Is-saħħa mentali hija realta għal ħafna u ħafna nies u inti m’intix waħdek! Għalija, l-ansjeta’ qisha marka mfejqa li nġorr miegħi – tifkira ta’ ħlewwa ta’ qalb ta’ dak li għaddejt minnu, u uġiegħ li għext u li għelibt biex illum ninsab hawn nirrakkonta l-istorja tiegħi.
Tista’ taqra’ aktar dwar 7 modi li bihom tista’ timmaniġġja l-ansjeta’ hawnhekk…
L-ansjeta’ taqa’ taħt il-kategorija tal-mard mentali. L-ansjeta’ hija ħafn’ aktar komuni milli taħseb li hi. Jekk qed tesperjenza problemi relatati mas-saħħa mentali inkluż l-ansjeta’, tibżax titkellem. Tista tibbukja sessjoni ta’ terapija mar-Richmond Foundation billi ċċempel fuq 21445551 jew 79990409, jew ibgħat imejl fuq [email protected]. Tista wkoll tikkuntattja lil Kellimni fuq https://kellimni.com/, li joffru ‘chat’, imejl jew sapport bil-messaġġi.
Jekk tixtieq taqsam xi esperjenza li għaddejt minnha mal-qarrejja tagħna, jekk jogħġbok ibgħatilna imejl fuq [email protected]. Il-kunfidenzjalita tiegħek hija garantita.