Share the love

awtostima baxxa

Minn dejjem niftakarni nissorprendi l-kulħadd meta naqbad nitkellem dwar memorji passati li għandi. “Kemm tiftakar!“, jgħiduli. Iżda jkolli nammetti li mhux dejjem niftakar kollox faċilment. Għandi t-tendenza ninsa affarijiet li għalija jkunu insinifikanti. Imma mbagħad, memorji li s-subkonxju tiegħi iħoss li huma mportanti donnhom jiġu impjantati f’moħħi għal dejjem. Waqt li qed nikteb dan l-artiklu qed nirrealizza li l-memorji kollha li ta’ spiss jiġu fuq moħħi meta nkun imdejqa kollha kkontribwew lejn awtostima baxxa tiegħi innifsi. Tiskanta kif kelma waħda mitkellma lilna anke fi tfulitna tista’ tħalli mpatt fuq ħajjitna kollha.

Niftakar li meta kelli 5 snin kont narani ħoxna u ‘stramba’. L-għalliema tiegħi kif ukoll sħabi kellhom il-vizzju jgħiduli ‘tifla ċiniża‘ għax skond huma kelli għajnejja żgħar u miġbudin. Kont inħossni offiża. “Forsi jien minix bint ommi w’missieri fil-verita’“, jew “forsi jien kont ġejt addottata imma s’issa għadu ħadd ma kellu l-kuraġġ jgħidli” – hekk kont naħseb meta kelli 5 snin. Dawn il-ħsibijiet baqgħu miegħi għas-snin skolastiċi ta’ wara. Meta kelli 9 snin, ħabiba tiegħi ħadet ritratt tiegħi waqt ħarġa skolastika, u rrimarkat kemm kont nidher sabiħa fih. Minn barra urejtha li ħadt gost b’li kienet qaltli, iżda minn ġewwa bdejt niġġieled miegħi innifsi biex ma nibkix, għax kull ma bdejt nara f’dak ir-ritratt kienet ħxuna, u li parti minn xagħri ma kinitx marbuta mal-kumplament, u l-ħuġbejn rettangolari u pjuttost inviżibbli li kelli, u kemm kelli ġakketta kerha, eċċetra. Fil-fatt dak ir-ritratt kompla kerraħli l-mod li bih kont inħares lejja nnifsi, u l-ħsibijiet li ħloqt dakinhar baqgħu miegħi għal bosta snin wara.

Is-sena ta’ wara ma stajtx ingawdi u napprezza l-fatt li kont iltqajt ma attur u kantant famuż lokali, minħabba li kull ma stajt naħseb dak il-ħin kien dwar kemm kont qed nidher kerha quddiem ċelebrita’. Lanqas flaħt nara r-ritratti li ġew meħuda dakinhar għax skond ir-raġunament tiegħi kont l-eħxen u l-iktar tfajla stramba fil-klassi – kont inħossni ħuta barra mill-ilma. Apparti hekk, f’dik is-sena ħabib maskili tiegħi qalli li jien kont “4 out of 10” fuq skala ta’ sbuħija…bin-numru wieħed jikkorrespondi ma l-aktar kerha, u n-numru għaxra l-isbaħ. Dan ġagħlni nħossni mdejqa u litteralment imdardra. Il-perspettiva tiegħu dwari nbidlet ftit taż-żmien wara hekk kif rani liebsa libsa roża b”leggings‘ iswed u żarbun roża bit-takkuna, b’xagħri nnukklat u bi ftit makeup għal gradwazzjoni ta’ l-iskola. Hu kif ukoll sħabu s-subien irrimarkaw li jien kont l-isbaħ mill-klassi kollha dakinhar. Għal darba ħassejtni kunfidenti u kburija bija nnifsi – xejn ma seta’ jwaqqagħli l-moral dak il-ħin. Iżda llum il-ġurnata naf li dakinhar kienet ukoll il-ġurnata li fiha bdejt nemmen li l-irġiel ma jaraw xejn ħlief l-apparenza fil-mara.

Aktar tard irrealizzajt li waħda mir-raġunijiet għaliex ta’ kull sena jkolli ħeġġa kbira għaż-żmien tal-Karnival kienet minħabba l-fatt li f’dan iż-żmien inkun nista’ nkun dak li nixtieq – eżattament bħall-jum tal-gradwazzjoni tal-iskola. Il-Karnival għalija huwa esperjenza ta’ ferħ u kunfidenza – ħadd ma jista’ jgħidli li m’inix attraenti, u jekk jgħiduli hekk inkun nista’ nwaħħal fil-karattru li nkun ilbist tiegħu, u mhux fija nnifsi.

Biż-żmien żviluppajt modi differenti ta’ kif nista’ nagħmel xagħri nokkli għax bdejt nemmen li meta jkolli xagħri nnukklat ħadd ma kien jirnexxilu jwaqqagħli l-kunfidenza għax hekk narani nidher ħafn’aħjar. Fil-fatt spiss insibni naħseb biex ninnokkla xagħri b’mod permanenti. U għalkemm ir-raġunament tiegħi jista’ jkun li oriġina mill-midja soċjali u l-użu ta’ filters tar-ritratti, inħoss li l-kumment ta’ dak il-ħabib tiegħi fil-jum tal-gradwazzjoni ta’ l-iskola kellu parti mportanti mill-perspettiva tiegħi dwar in-nokkli.

Il-maġġoranza tas-snin fl-iskola sekondarja għaddejthom nemmen li kont l-aktar kerha u l-eħxen tfajla fil-klassi meta mqabbla mat-tfajliet l-oħra. Sħabi kienu spiss jgħiduli biex inqaxxar l-eyebrows ħalli ma jidhrux daqshekk goffi, u meta sibt il-kuraġġ u mort għand ‘beautician’ bdiet tenfasizzali dwar il-fatt li għandi l-akne – xi ħaġa li kienet ilha ddejjaqni snin iżda li ma tantx nista’ nagħmel ħafna biex neħles minnha għax il-ġilda tiegħi tant hi sensittiva li l-maġġoranza ta’ prodotti tal-wiċċ u saħansitra prodotti dermatoloġiċi ma jaqblux miegħi. Il-‘beautician’ qabdet tifqagħli l-ponot bit-‘tweezers’ waqt li bdiet tgħidli li meta nikber kienu se jibqgħuli mmarkati fuq wiċċi – xi ħaġa li wieħed minn nanniet tiegħi kien ilu jgħidli s-snin. Għalkemm kont immur xorta għall-appuntament għax sa fI-aħħar kont naħseb li se ningħoġob minn sħabi, kont nitlaq mill-post b’wiċċi aħmar nar u marki tat-‘tweezers’ madwar wiċċi kollu – imbarazzata għall-aħħar. Sfortunatament dak ma kienx biżżejjed għax ħafna minn sħabi xorta bdew igergru li l-eyebrows kienu ġew wisq skuri kif kont għamilthom – donnu kull ma kont nipprova nagħmel biex ningħoġob ma ta madwari qatt ma kien qed jirnexxi.

Waqt is-snin post-sekondarji tiegħi bdejt nibdel l-istil tiegħi ta’ spiss, u bdejt nesperimenta b’xagħri u b’xi ftit ‘makeup’. Dan għeni nħossni xi ftit aħjar dwari nnifsi, sakemm l-akbar ħabib tiegħi għażel li jibda’ joħroġ ma ħabibti u mhux miegħi fuq bażi li hi kienet isbaħ minni. Kemm kont ili naf lil ħabibti dejjem kont nipprova nidher sabiħa bħalha għax kont inħossni nferjuri ħdejha. U għalkemm nifhem li mhux kulħadd jista’ jagħżel lil min jixtieq, il-fatt li hi kienet ilha tgħajru f’wiċċu li hu ikrah għal aktar minn sena meta jien dejjem trattajtu tajjeb, u xorta għażel lilha minfloki, kienet daqqa ta’ stallett f’qalbi. Iġifieri mhux talli kont nidher kerha…issa anke l-personalita’ tiegħi ma kinitx biżżejjed. Kif nista’ qatt insib lil xi ħadd iħobbni bla kundizzjonijiet jekk l-ebda parti minni m’hi attraenti?

Is-sajf ta’ qabel ma nidħol nistudja l-Universita’ ddeċidejt li ngħaddih naħdem mat-tfal. Għalkemm ma ħadtx gost meta tifel ċkejken qalli li jien kerha minħabba li kelli l-ponot fuq wiċċi, dan m’affettwanix daqshekk, speċjalment wara l-esperjenzi li kont għaddejt minnhom ftit taż-żmien qabel. Madankollu, f’dak is-Sajf ħabib tiegħi ma ħallinix nara x’kellu f’idejh (li aktar tard skoprejt li kien LED f’forma ta’ fjura) għax fi kliemu kien se jagħtiha lil tfajla “ħafn’aktar ħelwa, irqaq u aktar sexy” minni. B’reazzjoni għal dak il-kliem, ħabib ieħor tagħna dlonk qabel miegħu. Ovjament dan il-kliem kissirni – qatt m’erġajt ħriġt jew iltqajt ma dawn il-‘ħbieb’ minn dakinhar l-hawn, għax sirt nipprova nevita persuni li ma jiddejqux jumiljawni quddiem ħbiebi stess.

Xi kultant għadni nħares lejn il-mera u nara balla xaħam b’wiċċ stramb. Nara persuna li mhix attraenti biżżejjed biex issib lil xi ħadd li jaċċettaha kif inhi. Fil-fatt, meta nħares lejn ritratt partikolari tal-familja tiegħi qabel ma bdiet il-pandemija, narani qisni patata. Inħossni stramba quddiem il-kamera waqt xi lekċer għax nemmen li huwa faċli tikkritika minn wara leptop, u l-kamera donnha ġġibni nidher agħar milli jien. Sirt nevita li nitkellem dwar l-awtostima baxxa li għandi, speċjalment biex nevita li ninkwieta l-ommi jew inġiegħlha tħossha mdejqa, u ma rridx li b’xi mod ninfluwenza lill-ħuti b’mod negattiv. Moħħi sar donnu qed jgħix ġlieda kontinwa u ma nistax naċċetta l-fatt li l-awtostima baxxa tiegħi wasslet sabiex memorji sbieħ bidlithom f’memorji orribbli.

Illum qed nitgħallem kif naċċetta lili nnifsi kif jien, u waqt li nkun qed inqalleb fir-ritratti li ttieħdu matul is-snin fejn kelli awtostima baxxa ħafna, nesperjenza empatija għax jirnexxili nara li fil-verita’ kont nidher ħelwa, iżda dak iż-żmien ma kontx kapaċi napprezza s-sbuħija u dak kollu li kien jagħmilni speċjali. Illum nirrealizza li kieku ma kontx suġġetta għal kummenti negattivi matul is-snin, kien jirnexxili nara dawn ir-ritratti u nħares lejn il-mera u nkun kburija bija nnifsi. Illum ġieli nħossni sabiħa, anke jekk għadni nippreferi nuża Snapchat filter biex nieħu ritratt tiegħi innifsi. Irrealizzajt li anke jekk m’inix irqieqa, jiena persuna b’saħħti, u għalhekk qed naċċetta lil ġismi kif inhu bħal ma naċċetta lil ħaddieħor hu kif inhu.

Tgħallimt ħafna mill-kummenti li esperjenzajt, imma rrealizzajt ukoll kif l-opinjonijiet ta ħaddieħor influwenzawni b’mod negattiv – xi ħaġa li qed nagħmel ħilti biex nevita llum il-ġurnata għax nemmen li l-aktar importanti huwa dak li jien naħseb dwari nnifsi. Qed nitgħallem ukoll naċċetta kumpliment. Ħadd m’hu perfett – kollha kemm aħna ninsabu fuq vjaġġ biex insiru aħjar milli aħna. Qed nagħmel ħilti biex kuljum insib xi ħaġa pożittiva dwari u nibdilha f’affermazzjoni. Finalment qed nitgħallem li l-awtostima u l-kunfidenza għandhom jiġu minna nfusna, u m’għandhomx ikunu bbażati fuq l-ideat ta’ sbuħija li għandu ħaddieħor.

Nitlobkom tużaw l-esperjenza tiegħi bħala eżempju ta kemm il-kliem jista’ jkollu effett ħażin fuq l-awtostima tal-persuna – ejjew inkunu aktar ġentili fil-konfront ta’ xulxin u anke fil-konfront tagħna nfusna. Itratta lilek innifsek bl-istess mod li bih titratta t-tfal jew l-aqwa ħabib/a tiegħek. Ikkumplimenta lilek innifsek, irregala lilek innifsek fjuri jew affarijiet li jagħmluk kuntenta. Aqbeż għalik innifsek u tħallix lil min ikissrek. Agħraf is-sbuħija tiegħek – ħaqqek tkun maħbuba! Tħallix il-midja soċjali tinfluwenzak ħażin – il-maġġoranza tal-istampi li tara fuq il-midja soċjali jkunu editjati b’xi mod jew ieħor. Jekk tħossok kunfidenti bil-‘makeup‘, agħmel il-‘makeup‘. Jekk tħossok tajba b’xagħrek magħmul b’ċertu mod, xejn m’għandu jwaqqfek milli tagħmlu kif tixtieq. Jekk għandek stil ta’ faxxinu speċifiku, imxi miegħu. Kun dak li int u tratta lilek innifsek b’mod li jgħinek tħossok kunfidenti – iżda żomm f’moħħok li inti diġa’ sabiħa kif int – sabiħa minn ġewwa u minn barra. Tiddejjaqx tkun differenti – l-uniċita’ tiegħek tagħmlek l-isbaħ li tista’ tkun 🌹.


Għandek xi esperjenza personali li tixtieq taqsam magħna ta’ wham, f’ismek jew b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love