Share the love

infezzjonijiet trażmessi sesswalment

Sa ftit tas-snin ilu f’Malta l-edukazzjoni sesswali kienet immirata biex tbeżża’ aktar milli tinforma. L-enfasi tas-suġġett fil-kurrikulu kien iffokat fuq l-astinenza u l-evitar tal-konċepiment. Illum dan donnu qed jinbidel, u ninsabu resqin lejn idea aktar komprensiva dwar l-edukazzjoni sesswali, fejn iż-żagħżagħ qed jingħataw informazzjoni, ħiliet, attitudnijiet u valuri sabiex bihom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet aħjar fil-konfront tas-saħħa sesswali tagħhom u tal-partners.

Huwa mportanti li ngħallmu l-uliedna dwar il-kontraċezzjoni, sess bla periklu, għoti u ingħatar ta’ kunsens sesswali, u l-importanza tal-pjaċir sesswali. Bħala sex therapist nista’ ngħid li waħda mill-aktar diffikultajiet regolari li niltaqa’ magħhom fil-klinika tiegħi hija n-nuqqas t’informazzjoni dwar kif jaħdem il-ġisem, kemm psikoloġikament kif ukoll anatomikament. Hawn nuqqas t’għarfien dwar iċ-ċiklu tar-rispons sesswali u l-proċess tax-xewqa u tqanqil sesswali. Apparti dan, regolarment niltaqa’ ma nuqqas t’għarfien dwar kif infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) jiġu trażmessi, u kif nistgħu inżommu lilna nfusna bla periklu meta nkunu attivi sesswalment.

Huwa mportanti ħafna li nirrealizzaw li l-possibilta’ li persuna attiva sesswalment takkwista infezzjonijiet trażmessi sesswalment hija komuni daqs kemm huma komuni mard u nfezzjonijiet oħrajn. Hemm bżonn ngħinu sabiex titnaqqas l-istigma u l-mistħija marbuta mas-suġġett, għax aktar individwi għandhom jattendu ttestjar b’mod frekwenti, u għandhom jitkellmu meta jkollhom infezzjoni. Li nnaqqsu l-iskumditezza u l-imbarazzar marbut mal-infezzjonijiet trażmessi sesswalment jgħin sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi ta’ mard mhux trattat u t-trażmissjoni tal-mard infettiv.

Sfortunatament, minkejja l-istudji kollha li saru dwar dan is-suġġett, numru t’invididwi għadhom iħarsu lejn l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment bħala konsegwenza ta’ ammont ta’ relazzjonijiet sesswali f’daqqa. Fil-kultura tagħna fejn ir-reliġjon u l-purita’ għadhom jiddominaw il-ħsibijiet tagħna b’mod kollettiv, għadna nitkellmu dwar infezzjonijiet trażmessi sesswalment bħala sinjal ta’ ‘ħmieġ’, ‘tiċpis’ jew ‘mimli dnubiet’.

Il-Virus tal-Papilloma Umana (HPV) – wieħed mill-aktar infezzjonijiet trażmessi sesswalment komuni:

Jeżistu aktar minn 100 varjeta’ ta’ Virus tal-Papilloma Umana (HPV) u huwa stmat li 4 minn kull 5 persuni attivi sesswalment jakkwistaw virus ta’ dan it-tip f’ħajjithom. Xi wħud minn dawn jistgħu iġorru riskju għoli magħhom għax jikkawżaw tibdil fiċ-ċelloli taċ-ċerviss, liema tibdil jista’ jwassal għal kanċer ċervikali jekk ma jiġix trattat fil-ħin. Dawn iċ-ċelloli abnormali jistgħu jinstabu faċilment waqt smear test mit-tabib jew il-ġinekoloġista tiegħek.

Riċerka li saret fuq aktar minn 2000 mara indikat li hemm stigma madwar din l-infezzjoni daqstant komuni li tista’ faċilment tiġi trażmessa waqt is-sess u li hija konnessa mal-kanċer. Dan l-istudju, li sar mill-Jo’s Cervical Cancer Trust fl-2019, indika li hija l-mistħija u l-istigma marbuta ma din l-infezzjoni li żżomm lura n-nisa milli jmorru għal smear tests regolarment.

Sfortunatament, il-Virus tal-Papilloma Umana ġenitali mhijiex biss trażmessa waqt intercourse sesswali. Is-sess orali u l-mess tal-partijiet ġenitali jistgħu ukoll jitrażmettu l-virus għax dan il-virus jgħix fuq il-ġilda. Tajjeb insemmu pero’ li s-sistema immunitarja tagħna għandha t-tendenza li teħles mill-Virus tal-Papilloma Umana mingħajr bżonn t’interventi mediċi. Madankollu, ċertu tipi ta’ Virus tal-Papilloma Umana huma aktar reżistenti u jistgħu ukoll jikkawżaw felul ġenitali u tibdil fiċ-ċelloli ċervikali li jekk ma jiġux trattati fil-ħin jistgħu iwasslu għal kanċer.

F’Malta, tfajliet adoloxxenti qed jingħataw il-vaċċin kontra l-aktar virusis tal-Papilloma Umana perikolużi. Iżda jekk is-subien jistgħu ukoll imexxu dawn l-infezzjonijiet, għaliex mhux qed jingħataw dan il-vaċċin ukoll? Il-Virus tal-Papilloma Umana ma jaffettwax biss lin-nisa, iżda jista’ wkoll jikkawża kanċers fl-irġiel, inklużi kanċers anali u kanċers fil-pene. Għalhekk, programm ta’ vaċċinazzjoni kontra l-Virus tal-Papilloma Umana fis-subien adoloxxenti jista’ wkoll ikun ta’ benefiċċju għas-saħħa sesswali ta’ kulħadd.

X’nistgħu nagħmlu biex nieħdu f’idejna l-kontroll tas-saħħa sesswali tagħna mingħajr mistħija ta’ xejn?

Għandna nsibu l-bilanċ bejn frażijiet bħal ma huma “jien żgur mhu se taqbadni qatt infezzjoni trażmessa sesswalment għax noqgħod attent” u “din tiġri l-kulħadd u għalhekk m’hemmx għalfejn nagħtu daqshekk każ jew nistħu” – Kull attivita’ sesswali għandha sseħħ bl-inqas periklu possibbli. Visti u testijiet fil-GU clinic għandhom isiru regolarment filwaqt li niffokaw aktar fuq il-pjaċir sesswali, kunsens, u sess bla periklu kemm għalina u kemm għal ħaddieħor.


Għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam magħna, kemm f’ismek kif ukoll b’mod anonimu? Ikkuntattjana jew ibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love