Hija ħaġa tassew diffiċli li taffaċċja dijanjosi tal-kanċer. Dijanjosi bhal din twaqqfilna l-ħajja b’mod immedjat, iġġiegħlna nevalwaw il-prijoritajiet tagħna u xi kultant ħajjitna b’mod ġenerali.
Tbiddlilna r-rutina ta’ kuljum, tkissrilna l-pjanijiet u l-impenji tax-xogħol tagħna. Tħalli effett kbir fuq dawk kollha li jħobbuna u taffettwa b’mod sinifikanti lil ħajjitna wkoll.
Għal ħafna snin ħdimt fil-‘Breast Clinic’ fl-Isptar Mater Dei u stajt nara l-effetti ta’ dijanjosi tal-kanċer ta’ kuljum. Barra minn hekk, jiena għext din l-esperjenza ma xi ħadd qrib ħafna tiegħi. Waqt it-trattament onkoloġiku, l-ħajja tal-familja kollha kienet iddur madwar appuntamenti l-isptar, it-trattamenti tal-kanċer u remissjoni. Meta l-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar, ħajjitna waqfet. Hija esperjenza estremament diffiċli li tara lil xi ħadd li tħobb għaddej minn dik it-tbatija.
Bħalissa, dawk li qed jiġu trattati fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija qed isibuha itqal minn kif kienet ftit tas-snin ilu. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-qraba ma jistgħux jattendu l-appuntamenti tat-tobba u t-trattamenti tal-kanċer mal-familjari tagħhom. Dan għal ġid tal-pazjenti sabiex jiġi mnaqqas iċ-ċans ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 lill-individwi li huma kkunsidrati vulnerabbli.
Dan il-fatt qed jaffettwa ħafna lil dawk il-familji li qed jaffaċċjaw il-kanċer f’dawn iż-żminijiet. Meta tkun għaddej minn din l-esperjenza, is-sapport emozzjonali, fiżiku u soċjali huwa t’importanza kbira. Il-qraba, ġirien u l-ħbieb ġeneralment jingħaqdu biex jgħinu fix-xogħol tad-dar, jieħdu ħsieb lit-tfal, ix-xogħol tal-iskola u anke fix-xiri. Bħalissa, minħabba l-miżuri tad-distanza soċjali, din l-għajnuna trid tiġi ppjanata sew u mwettqa b’mod attent u sikur.
Is-sensazzjoni t’ iżolament li ġabet magħha din il-pandemija mhijiex xi ħaġa faċli biex taffaċċjaha, speċjalment għal dawk minna li huma vulnerabbli. Fil-fatt, ħafna qed jagħmlu użu mit-teknoloġija biex kemm jista’ jkun jibqgħu magħqudin. Li tkellem lill-membri tal-familja u lill-ħbieb permezz ta’ ‘apps’ jgħinek iżżomm ir-relazzjonijiet tiegħek attivi u jservi wkoll bħala ‘tieqa’ għad-dinja ta’ madwarna.
Li tfittex għajnuna professjonali onlajn huwa mportanti u ta’ benefiċċju. Gruppi ta’ sapport virtwali jgħinu wkoll. Biex nagħtu eżempju, minn Marzu l-hawn, ‘Europa Donna Malta’ bdew jagħmlu sessjonijiet kull xahar onlajn biex dawk li għaddejjin mill-esperjenza tal-kanċer ikunu jistgħu jiltaqgħu. Din l-inizzjattiva tidher li hija vera effettiva.
Li taffaċċja l-kanċer u t-trattament tiegħu mhijiex xi ħaġa faċli, u l-COVID-19 għamel din is-sitwazzjoni ħafn’itqal. Madankollu, bi ftit kreattivita’, rieda tajba u pjanijiet għaqlija xorta nistgħu nissapportjaw lil dawk fostna li qed jaffaċċjaw din il-marda. Ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma din i-sitwazzjoni estremament diffiċli.
Anna Catania (MCouns PG Dip fit-Terapija dwar il-Psikosesswalita’ u r-Relazzjonijiet. Anna hija ‘counsellor’ specjalizzata fuq is-sesswalita’ u r-relazzjonijiet. Hija tipprovdi pariri lill-individwi u koppji li qed jesperjenzaw problemi bis-sesswalita’, relazzjonijiet u intimita’.
Għal aktar informazzjoni dwar Anna kif ukoll lista ta’ artikli miktuba minnha fuq Wham agħfas hawn