Share the love

Djanjosi Ġenetika Qabel l-Impjantazzjoni

Jiena mara maltija ta’ 38 sena li ngħix barra, fil-bidu kelli djanjożi t’ infertilità mingħajr spjegazzjoni meta kelli 33 sena u ta’ 37 kelli djanjożi ta’ endometrijożi, li tat ir-raġuni għall-intertilità.  Mill-vjaġġ twil tal-IVF (in vitro fertilization) li għaddejt minnu, nixtieq nagħti ftit dawl għaliex huwa kruċjali li jiġi ttestjat l-embrijun – dan il-proċess mediku hu magħruf bħala Preimplantation Genetic Diagnosis PGD. (Djanjosi Ġenetika Qabel l-Impjantazzjoni). Sfortunatament, l-ittestjar tal-embrijun bħalissa mhux disponibbli f’ Malta.

L-ewwelnett, minħabba li kont fi stadju 4 tal-endometrijożi li kienet mifruxa mal-utru u l-ovarji, kont biss nipproduċi massimu ta’ tlett bajdiet f’kull ċiklu, u dan biss meta kont stimulata u għalhekk huwa mportanti l-ittestjar għal embrijun bi ftit li xejn bajd u dan għar-raġunijiet li ġejjin:

  • Aċċerta ruħek li l-bajda hija tajbaħafna affarijiet jistgħu jmorru ħażin wara l-irkupru. Il-follikuli jistgħu jkunu vojta u jekk tkun fortunata forsi tirkupra bajda jew tnejn kull ċiklu, imma trid tkun żgura li ssirlek tajjeb għax hemm iċ-ċirkostanza li:
    • Il-bajda ma tiffertilizzax bl-isperma,
    • Il-bajda tkun mhux normali, li tfisser li tirriżulta f’korriment wara li tiġi mpjantata fl-utru.  L-ewwel ċiklu tiegħi rkuprajt żewġ bajdiet, u l-ebda waħda ma ffertilizzat.
  • Ormoni – Meta l-proċess tal-IVF jibda bl-irkupru tal-bajda, il-ġisem jgħaddi minn ħafna bl-għotja ta’ ormoni permezz ta’ pilloli multipli u injezzjonijiet sabiex jikkawżaw stimulazzjoni ovarja.  Minbarra effetti oħra, dawn l-ormoni jistgħu jaggravaw u jtaffu il-kondizzjoni tal-endometrijożi.
  • Emozzjonali għandu effett emozzjonali fuq il-mara u l-koppja.  Inti tibni fuq ħafna sentimenti u tipprova tħeġġeġ it-tama meta tibda l-IVF.
  • Huwa impenn serju – Meta kont għaddejja miċ-ċikli, li s-issa kelli 7, ħassejtni qiegħdha f’impjieg full-time.  Bejn iż-żjajjar spissi l-isptar biex jissorveljaw l-iżvilupp tal-bajd, injezzjonijiet u l-assimilazzjoni ta’ ħafna pilloli u vitamini, kien ikolli nżomm skeda biex neħodhom, u dawn fl-istess ħin kuljum.  F’ħin minnhom kont qed nieħu kuljum tmintax-il pillola (injezzjonijiet inklużi). Jekk tkun teħtieġ li tagħmel skeda għal ħin meta tkun teħtieġ injezzjoni, il-pjani kollha jisfaxxaw għax issa ġismek isir magna li tipproduċi l-bajd.
  • Jiswa flus mhux ħażin – Jien m’għamiltx l-IVF ġewwa Malta, imma kull irkupru ta’ bajda ġie jiswini €4,000 u t-trapjant tal-embrijun kien jiswa xi €3,000; dan kienu l-orħos mill-ewwel tabib li kelli.  Minbarra dawn l-ispejjeż hemm ukoll l-ispiża tal-mediċina, li hija madwar €1,500 għal kull irkupru ta’ bajda u l-ittestjar ġenetiku tagħha.  Għalhekk ejjew ngħidu li l-ewwel ċiklu irkuprajt żewġ bajdiet li ma ffertilizzawx, s’hemm €4,000 + €700 ittestjar ġenetiku, għal żewġ embrijuni.  Smajt li f’Malta xorta waħda, mhux b’xejn speċjalment jekk tibda ċ-ċikli ta’ 33 sena.  Sa fejn naf jien jeħtieġlek tkun ta’ eta’ avvanzata biex ikollok “in vitro” b’xejn li jfisser li ċ-ċans huwa iċken.

Bla dubju hemm fatturi oħra li fit-testijiet għandhom rwol importanti fid-Djanjożi Ġenetika qabel l-Impjantazzjoni, imma fil-każ tiegħi, wara li għaddejt minn dak kollu li semmejt qabel, għal liema raġuni se naċċetta li jiġi mpjantat embrijun mhux normali, biex imbagħad inkorrieh wara ftit xhur?  Sakemm inti pazjenta għaddejja mill-IVF, ħadd ma jista’ jifhem kompletament dak li tkun għaddejja minnu, sew fiżikament kif ukoll mentalment matul l-IVF.  U għal xi nisa bħali, il-vjaġġ jista’ jieħu snin, jekk fuq kollox jirnexxi.

Kull trasferiment ta’ embrijun li jfalli, u din hija l-aħħar tarġa tal-IVF, li minnhom għaddejt minn tnejn, kont imnikkta u bkejt fis-silenzju (fuq ix-xogħol fl-ispazju fejn naħdem) u kont irrabjata għax ġismi falla. Għadni xorta naħseb fihom iż-żewġ trabi li setgħu jkunu hawn illum.  Ħassejtni rrabjata għat-tabib li meta staqsejtu x‘mar ħażin, bħallikieku xejn qalli li xi drabi tiġri mingħajr raġuni.  Imma jien kollox għamilt biex ikolli dawn it-trabi !

Ir-raġunament tiegħi kien loġiku, għax waqt li żewġ embrijuni kienu ttestjati ġenetikament, kont naf li t-tabib kien uża l-embrijun tal-aqwa kwalita’ u l-aspett li jippjantali embrijun ħażin anqas biss ikkunsidrajtu.  Inkella, sew jien kif ukoll it-tabib konna nwaħħlu fil-kwalita’ tal-embrijun u kien ikolli nibqa’ nirkupra l-bajd bi trasferimenti fil-għama u kollox ikun għalxejn, għax dejjem kelli ftit li xejn embrijuni b’saħħithom.

Għalhekk huwa tassew importanti li jkollok embrijun ttestjat ġenetikament fis-sitwazzjoni tiegħi.  F’dan l-istadju ddeċidejt li nibdel it-tabib għax fija nnifsi ħassejt li jkun aħjar embrijun ttestjat ġenetikament milli jiġi mpjantat mingħajr ebda raġuni. It-tabib il-ġdid immedjatament tani djanjożi li għandi disfunzjoni tat-tirojde u endometrijożi fi stadju 4.  It-tirojde qed nittrattha bil-mediċina u kelli kirurġija ta’ ħames siegħat biex nittratta l-endometrijożi u l-fibrojdi.

Jekk jogħġobkom ġibu rispett fil-kummenti tagħkom meta nisa jiftħu qalbhom dwar it-taqbid tagħhom mal-infertilità. Kummenti bħal: “toqgħodtx taħseb dwarha u toħroġ tqila” jew “irrikorri għas-sess spiss u toħroġ tqila”, dawn ma jgħinux.  Emminni, Alla biss jaf kif ippruvajt KOLLOX.  Dak li għandek u tista’ tissuġġerixxi lin-nisa huwa r-rikors għand Speċjalista tal-Infertilità.

Fl-aħħar, kummenti bħal: “tirrikorrix għall-abort u agħti lit-tarbija għall-adozzjoni għax hemm nies li ma jistax ikollhom tfal” iservu biss ta’ insult flimkien mal-weġgħa, għax l-adozzjoni m’hix  ħaġa li r-raġel u jien nikkonsidraw u fl-istess ħin inkunu qiegħdin fit-tabqida mal-infertilita’, imma aħna nies ħżiena għax ma rridux nagħtu għall-adozzjoni. Biss, jekk u meta int, tkun għaddejt mill-vjaġġ twil ta’ infertilità u meta int, tkun adottajt tifel, imbagħad, m’għandekx xi jżommok milli titkellem dwar l-esperjenza tiegħek biex tħeġġeġ nisa jadottaw, imma billi tikkummenta mingħajr raġuni biex tarbija tqiegħdha band’oħra din mhix soluzzjoni għall-problema.  Emminni, ilkoll kemm aħna nafu bl-għażla tal-adozzjoni.

Wara li għidt dan kollu, nirringrazzja lil Alla kuljum li għandi raġel li jappoġġani, li bil provi jurini li jħobbni tassew, iħobb lili u mhux il-bajd tiegħi jew in-nuqqas tagħhom; imma xi ngħidu għal dawk in-nisa li s-sieħeb tagħhom jistennewhom li jikkonċepixxu? L-IVF mhux dejjem is-soluzzjoni għax mhux dejjem ikun suċċess u għalkemm kultant, nitlef it-tama li ninħeles mill-uġiegħ ta’ dan il-proċess twil u ma’ jispiċċa qatt, TAMA jeħtieġ li nħaddan għax mal-ittestjar tal-embrijun, l-aktar parti ta’ valur hija t-TAMA.

Nota Editorjali: L-ittestjar fid-Djanjożi Ġenetika qabel l-Impjantazzjoni huwa wkoll ta’ importanza għax minbarra li jwassal għal rati aktar għolja ta’ suċċess fit-tqala, wkoll jista’ jwassal biex jiġu evitati deċiżjonijiet iebsin aktar tard fit-tqala.  Kif ġie spjegat fuq, it-tqala permezz tal-IVF mingħajr it-testijiet fid-Djanjożi Ġenetika qabel l-Impjantazzjoni tista’ twassal għal impjantazzjoni ta’ embrijun li ma jkunx vijabbli jew marid.  Sfortunatament dan jista’ jwassal għal riżultati negattivi u djanjożi li aktar tard fit-tqala jfarrku l-ħolma tal-ġenituri li jkollhom tarbija b’saħħitha u tarbija kif ikunu xtaqu.  Ftit trabi mill-IVF jista’ jkollhom djanjożi li tistabbilixxi l-preżenza ta’ anomaliji severi ħafna fil-fetu, xi ftit nisa jkun jeħtiġilhom jiddeċiedu li jtemmu t-tqala tant mixtieqa minħabba r-riskji għal ħajjithom stess. Grupp ta’ sostenn għal nisa bi djanjożi negattiva tal-fetu qed jiġi mwaqqaf minn xi ommijiet li għaddew minn din l-esperjenza ta’ qtiegħ il-qalb – jekk int ukoll għaddejt minn din l-esperjenza sfortunata, jekk jogħġbok ikkuntattjana fil-konfidenzjalità kollha u aħna nagħtuk aktar informazzjoni u nqiegħduk f’kuntatt ma’ dan il-grupp ta’ nisa tal-għaġeb.

Jekk tixtieq taqsam magħna l-esperjenza tiegħek tal-IVF toqgħodx taħsibha biex tikkuntattjana jew tibgħatilna imejl fuq [email protected]


Share the love