Kultant insibni naħseb jekk Eva qabel ma offriet il-frotta projbita lill-Adam inkwetatx dwar jekk il-frotta kinitx ġejja minn xi ‘eco-farm’, jekk kinitx maħsula sew mill-pestiċidi, jew jekk kinitx tajba għal saħħtu.
Meta nuża l-kelma ‘mara’ qed nirreferi għal kull persuna li tidentifika ruħa b’ aspetti femminili, irrispettivament mill-identita’ tal-ġeneru.
Iva, ħafna nisa jinkwetaw. Aħna nkunu l-ewwel li ninnutaw jekk it-tfal tagħna għandhom karatteristiċi tal-ADHD, jew jekk għandhom bżonn dentist, jew jekk is-sieħeb jew sieħba tagħna għandhom bżonn apparat għall-apnea matul il-lejl, jew jekk il-familja tagħna għandha xi bżonnijiet partikolari. Skond in-‘National Institute of Mental Health’, in-nisa għandhom tendenza d-doppju ta’ l-irġiel li jbatu minn problemi ta’ anzjeta’. Tul is-snin, riċerkaturi eżaminaw tibdil fl-ormoni (bħall Estrogen), u problemi ġenetiċi, kulturali u ambjentali, iżda riżultati konklussivi dwar il-kawża ta’ dan għadhom ma ntlaħqux.
Għaliex huwa daqshekk komuni li n-nisa jinkwetaw jew jesperjenzaw anzjeta b’ mod akbar minn persuni ta’ sess differenti? Veru li kultant l-anzjeta’ taf tagħmel il-ġid, iżda l-anzjeta tista wkoll tkun tossika. Ejjew nesploraw id-differenza ta’ dawn: –
Ċertu teoriji jissuġġerixxu li l-anzjeta’ taf tkun karatteristika evoluzzjonarja. It-tħassib qawwi li mara turi fil-konfront ta’ uliedha jgħin biex iżżommhom protetti kif ukoll biex jirnexxu. L-istint femminili kif ukoll l-intuwizzjoni ħafna drabi huma tant preċizi li jservu bħala boxxla kemm f’ ħajjitna kif ukoll f’ ħajjet ta’ madwarna. Tajjeb niftakru wkoll li l-ispeċi femminili tinkorpora wkoll aspetti maskili b’ saħħithom. Huwa dan li jagħmilna tant versatili. L-istinti maskili u femminili, l-agressivita’ u l-ġentilezza dejjem marru tajjeb flimkien. L-armonija tas-soċjeta’ tiddependi minn bilanċ ta’ dawn it-tnejn.
Ta’ spiss insibu ruħna ninħasdu mix-xejn, b’ diffikulta’ kbira biex nirrilassaw, u saħansitra anke anzjeta’ waqt l-irqad. Aħseb ftit f’ dik il-mara li qegħda tieħu ħsieb it-tfal, jew ġenitur anzjan tiela fuq ‘escalator’! Jew dik il-mara li tagħmel ċert li l-għeżież tagħha għandhom dik it-‘tissue’ tant importanti fil-but biex tkun ċerta li f’każ ta’ għatsa ikunu lesti għaliha! Jew dik li thewden dwar attivitajiet importanti tal-familja bħall-Milied u ‘Birthdays’, dwar min se jpoġġi fejn min, jew lil min għandhom jevitaw! Jew dik il-parti femminili tagħna li tkun taf meta għandna nkunu ppreparati għas-sess biex noħolqu opportunita’ romantika perfetta!
Riċerka dwar komunikazzjoni mhux verbali tindika li n-nisa huma kapaċi jaqraw l-emozzjonijiet reali mill-espressjoni ta’ l-uċuħ, u għalhekk kapaċi jaqbdu faċilment emozzjonijiet sottili fuq ħaddieħor. L-aspett femminili fin-nisa juri evidenza li aħna empatiċi b’ perspettiva sensittiva biżżejjed li tgħinna nħossu dak li ħaddieħor ikun iħoss jew jaħseb. U għalhekk din taf tkun ir-raġuni għala n-nisa spiss ikunu anzjużi.
Jekk dak li nassorbu mill-ambjent ta’ madwarna isir iebes iżżejjed biex inġorruħ magħna, jew jikkawżalna anzjeta’ żejda, jista jkun li ma jkollniex il-ħila li għandna bżonn biex inkampaw. Spiss inġorru problemi li mhumiex tagħna bit-tama li nsolvu l-problemi tad-dinja wkoll. Tajjeb insemmu wkoll il-frażi ‘Mother Earth’ hawn! Għalhekk ngħidu in-nisa jinkwetaw dwar id-dinja! Nixtieq minflok nemmen li dan huwa l-għerf tad-dinja fil-mara! Ma dan inżidu wkoll dak it-tħassib normali li jaf l-għeruq tiegħu lit-trobbija tagħna, u l-ħsieb li qatt m’ aħna biżżejjed. Kemm il-darba naqbdu lilna nfusna nistaqsu, “Jien attraenti biżżejjed; inteliġenti biżżejjed; ħaqqni nkun maħbuba; liebsa sew; ħoxna jew irqieqa biżżejjed; denja biżżejjed??” Dan hu dak li jsallab lill-mara b’ għajja mentali. Il-maġġoranza tiegħu huwa bla bżonn, u nittama li biż-żmien jew bl-għerf ta’ l-esperjenza nitgħallmu nfarfru dawn il-ħsiebijiet żejda.
L-anzjeta’ konjittiva hija ta’ spiss ibbażata fuq avvenimenti antiċipati għall-futur, li la jkunu għadhom seħħew u hemm ċans li lanqas biss iseħħu. Hija bbażata fuq domandi bil-frażi “min jaf kieku…”, bħal “min jaf kieku nfalli l-‘interview’, jew kieku jitlaqni s-sieħeb, jew kieku nimrad, jew kieku jiġri xi ħaġa t-tfal, jew kieku ndaħħak in-nies bija, jew kieku ma jirnexxilix inkampa?”. Żgur li ħafna minna nistgħu nirrelataw ma ħsibijiet bħal dawn.
Kif nistgħu ngħixu b’dan it-tip ta’ stress, jew almenu ma nagħmluħx l-għadu tagħna? L-isem ta’ diska ta’ Pink Floyd “Comfortably Numb”, dlonk jidħol f’moħħi. Milli jidher l-istati kollha li maż-żmien ġew meqjusa bħala post ideali ta’ moħba jew rilassament, jew ħarba, kif ukoll dak kollu meqjuż bħala l-‘frotta projbita’ bħal ma huma x-xorb alkoħoliku, it-tipjip u s-sess, kollha donnhom jgħinu biex inaqqsu l-ħsibijiet u konverżazzjonijiet kontinwi f’ moħħna.
Madankollu nistgħu nesploraw modi oħra inqas distruttivi li bihom nistgħu innaqqsu l-istress. Personalment inħobb nagħti parir lin-nisa biex isibu dik ir-rokna partikolari fid-dar tagħhom, dik il-parti kwieta li ma tantx tkun disturbata minn membri oħra fid-dar, li fiha jkunu jistgħu jimmeditaw, jipprattikaw dak li hu msejjaħ ‘mindfulness’ jew ‘yoga’, jew jużaw tekniki respiratorji biex jirrilassaw. Dawn huma kollha metodi li jistgħu faċilment jinstabu u jiġu mgħallma fuq l-internet. Personalment inħobb inpoġġi l-kliem ‘Do not disturb’ mal-pum tal-bieb tal-kamra waqt li nkun qed nirrilassa bi ftit mużika, inniżżel xi ftit ħsibijiet fuq karta biex inserraħ xi ftit moħħi, inqalleb f’ kartolini b’messaġġi t’ ispirazzjoni jew talb, jew nistrieħ. Xi wħud jippreferu jagħmlu eżerċizzi fiżiċi bħal xi mixja jew f’xi ‘gym’. F’ perjodu iebes li għaddejt minnu, li kien żmien tassew iebes, qbadt il-vizzju nniżżel l-ittra ‘s’ f’ postijiet rari fuq id-djarju tiegħi. Meta sħabi saqsewni x’ ridt infisser billi niżżilt l-ittra ‘s’ spjegajtilhom li meta nasal għal dak il-mument partikolari kont imbagħad niddeċiedi jekk l-ittra ‘s’ kinitx se tfisser ‘shower’, ‘sex’ or ‘sleep’!
Hemm żewġ metodi partikolari li sibt effettivi għalija biex innaqqas l-istress. L-ewwel ħaga hi li nintefa b’ ruħi w’ ġismi f’ xogħol kreattiv bħal ma huma l-pittura, l-poeżija jew il-fuħħar. Persuna tista faċilment tikkonsidra tibdel ix-xogħol tad-dar jew t’ uffiċċju f’ espressjoni kreattiva. It-tieni ħaga hija li mmur qalb in-natura, bħal ngħidu aħna, inħares lejn il-mewġ tal-baħar, jew niċċassa lejn il-weraq tas-siġar waqt li nkun mimduda fuq il-ħamrija, jew inxomm il-fjuri, jew nimxi qalb il-kampanja, jew ngħaddi ftit tal-ħin nifraħ bin-neputijiet tiegħi, li huma wkoll rigal tan-natura.
Illum il-ġurnata, bil-midja u l-evoluzzjoni, ħafna nisa qed jitgħallmu aktar minn qatt qabel biex jikkumbattu l-isfidi li toffri l-ħajja. Nagħrfu li m’ għandniex niġu mrażżna, sottomessi jew trattata ta’ qaddejja. Tgħallimna nipproteġu u niddefendu il-bżonnijiet u d-drittijiet tagħna, imma fl-istess waqt bqajna nżommu in-natura kompassjonali tagħna. Irnexxielna niksbu l-vuċi tagħna waqt li għarafna s-saħħa umana tagħna bil-limitazzjonijiet kollha li għandna.
M’ aħniex biss nisa mħassba, iżda gwerriera eroiċi mill-isbaħ!
Angele iggradwat b’ Masters Degree fil-Psikoterapija Gestalt fil-‘Gestalt Centre London’ mal-‘Metropolitan University London’, u tipprattika l-psikoterapija mal-klijentela tagħha privatament. Angele għandha interess speċjali fir-rabta bejn il-psikoterapija u l-ispiritwalita’, kif ukoll fuq ‘self-awareness’.
Angele Licari M.A. Psych.(London); Dip. Psychotherapy GPTIM; Dip. Supervision